IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Bibljoteka tal-Palazz Appostoliku

L-Erbgħa 1 ta’ April 2020

 

07. Henjin dawk li huma safja f'qalbhom għax huma jaraq lil Alla.

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Illum naqraw flimkien is-sitt beatitudni, li twegħedna li naraw lil Alla u għandha bħala kundizzjoni s-safa tal-qalb.

 

Jgħid is-Salm: “‘Ejja’, għedt f’qalbi, ‘fittex ’il wiċċu’; jien wiċċek infittex, Mulej. La taħbix wiċċek minni” (27:8-9).

 

Dan il-lingwaġġ jixhed għal għatx għal relazzjoni personali ma’ Alla, mhux waħda mekkanika, mhux waħda vaga, le: personali, li anki l-ktieb ta’ Ġob jesprimi bħala sinjal ta’ relazzjoni sinċiera. Jgħid hekk, il-ktieb ta’ Ġob: “Fuqek jien b’widnejja smajt; imma issa b’għajnejja rajtek” (Ġob 42:5). U ħafna drabi jiena naħseb li din hija l-mixja tal-ħajja, fir-relazzjonijiet tagħna ma’ Alla. Insiru nafu lil Alla għax nisimgħu dwaru, imma bl-esperjenza tagħna mbagħad nibqgħu mexjin, mexjin, mexjin u fl-aħħar insiru nafuh direttament, jekk nibqgħu fidili… U din hija l-maturità tal-Ispirtu.

 

Kif naslu għal din l-intimità, biex insiru nafu lil Alla b’għajnejna? Nistgħu naħsbu fid-dixxipli ta’ Għemmaws, ngħidu aħna, li kellhom lill-Mulej Ġesù maġenbhom, “imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh” (Lq 24:16). Il-Mulej fetħilhom għajnejhom fi tmiem mixja li tilħaq il-qofol tagħna bil-qsim tal-ħobż u kienet bdiet b’ċanfira: “Kemm intom boloh u tqal biex temmnu kulma qalu l-profeti!” (Lq 24:25). Dik kienet iċ-ċanfira tal-bidu. U minn hawn ġej l-għama tagħhom: qalbhom kienet belha u tqila. U meta l-qalb hi belha u tqila, ma narawx kif għandna naraw. L-affarijiet narawhom bħal imċajprin. Hawn qiegħed l-għerf ta’ din il-beatitudni: biex nistgħu nikkontemplaw hemm bżonn nidħlu fina nfusna u nagħmlu wisa’ għal Alla, għax, kif jgħid Santu Wistin, “Alla hu eqreb lejja milli jien jiena nnifsi” (“interior intimo meo”: Stqarrijiet, III,6,11). Biex naraw lil Alla m’hemmx bżonn nibdlu n-nuċċali jew il-punt ta’ osservazzjoni, jew nibdlu awturi teoloġiċi li jgħallmuna kif nimxu: hemm bżonn neħilsu lil qalbna minn dak li jqarraq biha! Din hija l-unika triq.

 

Hemm bżonn nimmaturaw f’din il-ħaġa: meta nintebħu li l-agħar għadu tagħna spiss hu moħbi fil-qalb tagħna. L-aqwa battalja hi dik kontra l-qerq ta’ ġo fina li jitnissel mid-dnubiet tagħna. Għax id-dnubiet jibdlu kif naraw minn ġewwa, jibdlu kif niżnu l-affarijiet, juruna ħwejjeġ li mhumiex minnhom, jew tal-inqas li mhumiex daqshekk veri.

 

Għalhekk huwa importanti li nifhmu x’inhu s-“safa tal-qalb”. Biex nagħmlu dan hemm bżonn niftakru li għall-Bibbja l-qalb ma tikkonsistix biss fis-sentimenti, imma hija l-post l-aktar intimu tal-bniedem, l-ispazju ġewwieni fejn persuna hija hi nfisha. Dan, skont il-mentalità biblika.

 

L-istess Vanġelu ta’ Mattew jgħid: “Jekk id-dawl li hemm fik huwa dlam, kemm aktar id-dlam!” (6:23). Dan id-“dawl” huwa l-ħarsa tal-qalb, il-perspettiva, is-sintesi, il-punt li minnu naqraw ir-realtà (ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 143).

 

Imma xi tfisser qalb “safja”? Is-safi f’qalbu jgħix fil-preżenza tal-Mulej, u jgħożż f’qalbu dak li jixraq lir-relazzjoni miegħu; hekk biss ikollu ħajja “unita”, lineari, mhux mgħawġa imma sempliċi.

 

Għalhekk il-qalb safja hija r-riżultat ta’ proċess li jimplika ħelsien u ċaħda. Is-safi f’qalbu ma jitwelidx hekk, imma għadda minn simplifikazzjoni interjuri, tgħallem jiċħad fih il-ħażin, ħaġa li fil-Bibbja tissejjaħ ċirkonċiżjoni tal-qalb (ara Dewt 10:16; 30:6; Eżek 44:9; Ġer 4:4).

 

Din it-tisfija interjuri timplika l-għarfien ta’ dik il-parti tal-qalb li tinsab taħt l-influwenza tal-ħażen: “Taf, Dun, jiena nħoss hekk, naħseb hekk, nara hekk, u din hi ħaġa kerha”: tagħraf il-parti kerha tiegħek, il-parti li hi mdallma mill-ħażen – biex tifhem l-arti li tħalli dejjem lill-Ispirtu s-Santu jħarrġek u jmexxik hu. Il-mixja mill-qalb marida, mill-qalb midinba, mill-qalb li ma tistax tara l-affarijiet tajjeb, għax hi fid-dnub, għall-milja tad-dawl tal-qalb hija opra tal-Ispirtu s-Santu. Hu li jmexxina biex nagħmlu din il-mixja. Araw, permezz ta’ din il-mixja tal-qalb, naslu biex “naraw lil Alla”.

 

F’din il-viżjoni beatifika hemm dimensjoni tal-futur, eskatoloġika, bħal fil-Beatitudnijiet kollha: huwa l-ferħ tas-Saltna tas-Smewwiet li lejh mexjin. Imma hemm ukoll id-dimensjoni l-oħra: li naraw lil Alla jfisser nifhmu l-pjanijiet tal-Providenza f’dak li jiġrilna, nagħrfu l-preżenza tiegħu fis-Sagramenti, il-preżenza tiegħu f’ħutna, fuq kollox il-foqra u l-batuti, u nagħrfuh fejn hu jidher (ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 2519).

 

Din il-beatitudni hija xi ftit jew wisq il-frott ta’ dawk ta’ qabilha: jekk tajna widen għall-għatx li hemm fina għat-tajjeb u nafu li aħna qed ngħixu bil-ħniena, tibda mixja ta’ ħelsien li tibqa’ għal ħajjitna kollha u twassalna sas-Sema. Hija ħidma serja, ħidma li jagħmel l-Ispirtu s-Santu jekk aħna nagħtuh wisa’ biex jagħmel dan, jekk aħna miftuħin għall-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu. Għalhekk nistgħu ngħidu li din hi opra ta’ Alla fina – fit-tiġrib u fit-tisfija tal-ħajja – u din l-opra ta’ Alla u tal-Ispirtu s-Santu twassal għal ferħ kbir, paċi vera. Ma għandniex għax nibżgħu, niftħu l-bibien ta’ qalbna għall-Ispirtu s-Santu biex isaffina u jmexxina ’l quddiem f’din it-triq lejn il-ferħ sħiħ.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard