MESSAĠĠ VIDJO TAL-QDUSIJA TIEGĦU PAPA FRANĠISKU
FL-OKKAŻJONI TAS- 7 JUM DINJI TA’ TALB U RIFLESSJONI

KONTRA T-TRAFFIKAR TAL-BNEDMIN

It-Tnejn 8 ta’ Frar 2021

 Ekonomija mingħajr tfaffikar ta’  bnedmin

 Għeżież ħuti!

Qed nikteb lilkom ilkoll li taħdmu kontra t-traffikar tal-bnedmin u li intom magħqudin spiritwalment illum f'dan il-Jum Dinji ta' talb, li għandu wkoll intenzjoni speċifika: "Ekonomija mingħajr tfaffikar ta’ persuni". Nieħu gost nisma’ li din is-sena diversi mumenti ta’ talb huma interreliġjużi, wieħed minnhom ukoll fl-Asja.

Inwassal il-messaġġ tiegħi lin-nies kollha ta’ rieda tajba li jitolbu, jikkommettu ruħhom, jistudjaw u jirriflettu biex jiġġieldu t-traffikar tal-bnedmin; u speċjalment dawk li – bħal Santa Bakhita, li aħna qed  niċċelebraw illum – esperjenzaw it-traġedja tat-traffikar f'ħajjithom stess.

Din il-ġurnata hija importanti għax tgħinna lkoll niftakru f’din it-traġedja, u tħeġġiġna biex ma nieqfux nitolbu u niġġieldu flimkien. Nittamaw li r-riflessjoni u l-għarfien ikunu dejjem akkumpanjati minn ġesti konkreti, li jiftħu wkoll toroq ta' emanċipazzjoni soċjali. L-għan, fil-fatt, huwa li kull persuna li tinsab fil-jasar terġa’ tkun protagonista ħielsa ta’ ħajjitha stess, u jkollha sehem attiv fil-bini tal-ġid komuni.

Għeżież, dan huwa Jum ta’ talb. Iva, huwa meħtieġ li nitolbu biex nappoġġjaw lill-vittmi tat-traffikar u lin-nies li jakkumpanjaw il-proċessi ta' integrazzjoni u biex dawn jerġgħu isibu posthom fis-soċjetà. Huwa meħtieġ li nitolbu biex nitgħallmu nersqu bl-umanità u l-kuraġġ lejn dawk li huma mmarkati minn tant uġigħ u disperazzjoni, sabiex iżommu t-tama tagħhom ħajja. Nitolbu biex inkunu għassiesa li nkunu kapċi nagħmlu dixxerniment u sabiex nieħdu deċiżjonijiet orjentati lejn dak li hu tajjeb. It-talb imiss il-qalb u jħeġġeġ azzjonijiet konkreti, azzjonijiet ġodda u kuraġġużi billi nieħdu riskji, u billi nafdaw fil-qawwa ta’ Alla (ara Mk 11,22-24).

It-tifkira liturġika ta’ Santa Bakhita hija tfakkira qawwija ta’ din id-dimensjoni tal-fidi u t-talb: ix-xhieda tagħha dejjem tidher ħajja u relevanti! U hija sejħa biex il-vittmi tat-traffikar, il-familji tagħhom u l-komunitajiet jitqiegħdu fiċ-ċentru. Huma ċ-ċentru tat-talb tagħna. Santa Bakhita tfakkarna li huma l-protagonisti ta ’din il-ġurnata, u li aħna lkoll ninsabu għas-servizz tagħhom (ara Lq 17:10 ).

U issa nixtieq naqsam magħkom xi suġġerimenti għal riflessjoni u azzjoni dwar it-tema li għażilt: "Ekonomija mingħajr traffikar". Tista' ssib suġġerimenti oħra fil- messaġġ li kont bgħatt lill-parteċipanti fl- avveniment "Ekonomija ta' Franġisku" fil-21 ta' Novembru.

Ekonomija mingħajr traffikar tal-bnedmin hija:

1. Ekonomija ta' kura. Il-kura tista' tinftiehem bħala li tieħu ħsieb in-nies u n-natura, li toffri prodotti u servizzi għat-tkabbir tal-ġid komuni. Ekonomija li tieħu ħsieb ix-xogħol, toħloq opportunitajiet ta' xogħol li ma jisfruttax il-ħaddiem permezz ta' kundizzjonijiet tax-xogħol degradanti u sigħat twal. Il-pandemija Covid aggravat il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-isfruttament; it-telf ta' impjiegi ikkastiga lil tant vittmi tat-traffikar li kienu bdew jieħdu r-ruħ u kienu fil-proċess ta' integrazzjoni soċjali. "F'dawn il-mumenti fejn kollox jidher qed jispiċċa, jagħmilna tajjeb li nappellaw għas-solidarjetà li tiġi meta nkunu nafu li aħna responsabbli għall-fraġilità ta' ħaddieħor, li nfittxu destin komuni" (Enċ Fratelli tutti ,115). Għalhekk, ekonomija tal-kura tfisser ekonomija ta' solidarjetà: naħdmu għal solidarjetà. Aħna konvinti li s-solidarjetà, meta ssir tajjeb, twassal għal bini soċjali aktar żgur u sod (ara ibid .).

2. Ekonomija mingħajr traffikar ta’ bnedmin hija ekonomija b'regoli tas-suq li jippromwovu l-ġustizzja u mhux l-interessi personali ta’ xi wħud. It-traffikar tal-bnedmin isib art fertili fejn hemm il-kapitaliżmu neoliberali, fejn hemm swieq bla ebda regola ta’ xejn u dan bl-iskop ċar li jikber il-profitt mingħajr ebda limitu etiku, mingħajr ebda limitu soċjali, mingħajr ebda limitu ambjentali (ara ibid . , 210). Jekk wieħed jimxi fuq din il-loġika, wieħed jibda jikkalkula biss il-vantaġġi u l-iżvantaġġi. Id-deċiżjonijiet ma jittieħdux fuq il-bażi ta' kriterji etiċi, iżda fuq il-bażi ta' interessi dominanti, ħafna drabi imlibbsin maskra ta’ livell umanitarju jew ekoloġiku. Id-deċiżjonijiet ma jittieħdux billi wieħed iħares lejn in-nies: in-nies huma biss numri, biex jiġu sfruttati.

3. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, ekonomija mingħajr traffikar ta’ bnedmin hija ekonomija kuraġġuża: trid ħafna kuraġġ. Mhux fis-sens ta' traskuraġni, ta' ħidma riskjuża biex wieħed jagħmel profitti faċli. Le, mhux f'dak is-sens; naturalment mhux il-kuraġġ li hu meħtieġ. Għall-kuntrarju, huwa l-kuraġġ biex wieħed jibni bis-sabar, li wieħed jippjana – u dan mhux dejjem jagħtik riżultat fi żmien qasir, iżda l-frott jasal ukoll jekk jasal bil-mod, imma hu frott li jirrispetta lin-nies. Il-valur li tgħaqqad flimkien il-profitt leġittimu mal-promozzjoni tal-impjiegi u kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti. Fi żminijiet ta' kriżi serja, bħal dik li qed ngħixu llum, dan il-valur huwa saħansitra aktar meħtieġ. Fil-kriżi, it-traffikar tal-bnedmin jgħolli rasu, u dan nafuh ilkoll kemm aħna, anzi narawh kuljum. Fil-kriżi, it-traffikar tal-bnedmin jgħolli rasu; għalhekk huwa meħtieġ li nsaħħu ekonomija li tirrispondi għall-kriżi b'mod li ma tkunx għal ftit żmien, imma li twassal fil-bogħod.

Għeżież ħuti, ejjew inpoġġu dan kollu fit-talb tagħna, speċjalment illum, permezz tal-interċessjoni ta’ Santa Bakhita. Nitlob għalikom, u aħna lkoll flimkien nitolbu għal kull persuna li bħalissa hija vittma tat-traffikar tal-bnedmin. U intom, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. Grazzi.

 

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Fr Roy Galdes.