Laikos

 


  

ITTRA APPOSTOLIKA

TOTUM AMORIS EST

TAL-QDUSIJA TIEGĦU

FRANĠISKU

FIR-IV ĊENTINARJU MILL-MEWT

TA’ SAN FRANĠISK DE SALES

 

“Kollox jappartieni lill-imħabba”.[1] F’dawn il-kelmiet tiegħu nistgħu naraw il-wirt spiritwali li ħallielna San Franġisk de Sales, li miet erba’ sekli ilu, fit-28 ta’ Diċembru 1622, f’Lyons. Kellu ftit aktar minn 50 sena u kien ilu isqof u prinċep “eżiljat” ta’ Ġinevra għal xi 20 sena. F’Lyons kien wasal wara l-aħħar missjoni diplomatika. Id-Duka ta’ Savoy kien talbu jakkumpanja f’Avignon lill-Kardinal Maurizio ta’ Savoy. Flimkien kellhom jagħtu omaġġ lir-Re żagħżugħ Lwiġi XIII, li kien sejjer lura lejn Pariġi, u kellu jitla’ fil-wied ta’ Rhône, wara kampanja militari rebbieħa fin-nofsinhar ta’ Franza. Għajjien u bla saħħa, Franġisku kien telaq għall-vjaġġ biss bi spirtu pur ta’ servizz. “Li kieku ma kienx tassew utli għas-servizz tagħhom li jiena nagħmel dan il-vjaġġ, ċertament kien ikolli ħafna raġunijiet tajba u sodi biex nevitah; imma, ladarba jittratta s-servizz tagħhom, ħaj jew mejjet, mhux se nerġa’ lura, imma mmur jew insib min ikaxkarni”.[2] Dan kien it-temperament tiegħu. Meta fl-aħħar wasal Lyons, qagħad fil-monasteru tal-Viżitandini, fid-dar tal-ġennien, biex ma jiddisturbax iżżejjed u fl-istess ħin ikun iżjed liberu li jiltaqa’ ma’ min ried.

 

Issa li kien ilu żmien ftit li xejn impressjonat mill-“kobor instabbli tal-qorti”,[3] kien qatta’ wkoll l-aħħar jiem tiegħu jiżvolġi l-ministeru ta’ ragħaj f’diversi appuntamenti wieħed wara l-ieħor: qrar, konverżazzjonijiet, konferenzi, prietki, u fl-aħħar, ċertament l-ittri ta’ ħbiberija spiritwali. Ir-raġuni profonda ta’ din l-istil ta’ ħajja mimli b’Alla saret dejjem iżjed ċara għalih maż-żmien, u hu kien ifformulaha b’sempliċità u eżattezza fil-ktieb ċelebri tiegħu Trattat tal-imħabba ta’ Alla: “Jekk il-bniedem jaħseb bi ftit ta’ attenzjoni fid-divinità, minnufih iħoss emozzjoni ħelwa tal-qalb, li tipprova li Alla huwa Alla tal-qalb tal-bniedem”.[4] Din hija l-ġabra fil-qosor tal-ħsieb tiegħu. L-esperjenza ta’ Alla hija evidenza tal-qalb umana. Din mhix xi kostruzzjoni mentali, pjuttost hija għarfien sħiħ ta’ stagħġib u ta’ gratitudni, konsegwenza tal-manifestazzjoni ta’ Alla. Huwa fil-qalb u permezz tal-qalb li jseħħ dak il-proċess unitarju sottili u intens li permezz tiegħu l-bniedem jagħraf lil Alla u, fl-istess waqt, lilu nnifsu, mnejn hu ġej u x’hemm profond fih, il-milja tiegħu nnifsu, fis-sejħa tal-imħabba. Hu jiskopri li l-fidi mhijiex xi mutur għama, imma qabelxejn atteġġjament tal-qalb. Permezz tagħha l-bniedem jafda ruħu f’idejn verità li tidher quddiem il-kuxjenza bħala “emozzjoni ħelwa”, li, kif kien iħobb jgħid, kapaċi tqanqal xewqa tajba għal kull realtà maħluqa, li tikkorrispondi magħha u ma tistax tiċħad fiha.

 

F’dan id-dawl nistgħu nifhmu kif għal San Franġisk de Sales ma kienx hemm post aħjar biex isib lil Alla u jgħin lil min ifittxu, mill-qalb ta’ kull mara u raġel ta’ żmienu. Dan kien tgħallmu huwa u josserva b’attenzjoni kbira lilu nnifsu, sa minn żgħożitu, u jifli l-qalb umana.

 

Bis-sens qawwi ta’ ħajja ta’ kuljum li fiha jgħammar Alla, fl-aħħar laqgħa ta’ dawk il-jiem ta’ Lyons, lill-Viżitandini tiegħu kien ħallielhom l-espressjoni li biha mbagħad xtaqt li tibqa’ ssiġillata fihom il-memorja tiegħu: “Ġbart kollox f’dawn il-kelmtejn meta għidtilkom ma tirrifjutaw xejn, lanqas tixtiequ xejn; ma għandix iżjed x’ngħidilkom”.[5] Imma dan ma kienx xi taħriġ ta’ volontariżmu pur, “rieda mingħajr umiltà”,[6] dik it-tentazzjoni sottili tal-mixja lejn il-qdusija li tibdilha mal-ġustifikazzjoni permezz tal-forzi tagħna, mal-qima tar-rieda umana u tal-ħiliet tal-bniedem, “li tittraduċi ruħha f’li wieħed joqgħod jieħu pjaċir bih innifsu b’mod egoċentriku u elitarju, nieqes minn kull imħabba”.[7] Wisq inqas kien kwetiżmu pur, abbandun passiv mingħajr emozzjonijiet għal duttrina mingħajr laħam u mingħajr storja.[8] Pjuttost, dan kien ħiereġ mill-kontemplazzjoni tal-istess ħajja tal-Iben inkarnat. Kien is-26 ta’ Diċembru, u l-Qaddis kien qed ikellem lis-Sorijiet fil-qalba tal-misteru tal-Milied: “Qed tarawh lil Ġesù Bambin fil-maxtura? Jirċievi l-inġurji kollha taż-żmien, il-kesħa u dak kollu li l-Missier jippermetti li jiġrilu. Ma jirrifjutax il-konsolazzjonijiet żgħar li ommu tagħtih, u m’hemmx miktub li qatt joħroġ idejh biex jaqbad sider Ommu, imma ħalla kollox għall-kura u l-għożża tagħha; hekk ma rridu nixtiequ xejn u lanqas nirrifjutaw xejn, u nġarrbu dak kollu li Alla jibagħtilna, il-kesħa u l-inġurji taż-żmien”.[9] Tqanqalna l-attenzjoni tiegħu f’li jagħraf kemm hi indispensabbli l-kura ta’ dak li huwa uman. Fl-iskola tal-Inkarnazzjoni allura hu kien tgħallem jaqra l-istorja u jgħixha b’fiduċja.

 

Il-kriterju tal-imħabba

Permezz tal-esperjenza kien għaraf fix-xewqa l-għerq ta’ kull ħajja spiritwali vera u, fl-istess waqt, dak il-post tal-falsifikazzjoni tagħha. Għalhekk, b’għarfien sħiħ tat-tradizzjoni spiritwali li kienet ġiet qablu, kien fehem l-importanza li jqiegħed il-ħin kollu x-xewqa għall-prova, permezz ta’ tħaddim kontinwu ta’ dixxerniment. Il-kriterju finali għall-valutazzjoni tagħha kien sabu fl-imħabba. Dejjem f’dik l-aħħar waqfa f’Lyons, fil-Festa ta’ San Stiefnu, jumejn qabel ma miet, kien qal: “Hija l-imħabba li tipperfezzjona l-opri tagħna. U ngħidilkom iżjed minn hekk. Ħarsu lejn persuna li tbati l-martirju għal Alla b’uqija ta’ mħabba; hi timmerita ħafna, ladarba ma tistax tagħti iżjed minn ħajtek; imma persuna oħra li ma tbatix ħlief girfa imma dan tagħmlu b’żewġ uqijat ta’ mħabba, ikollha merti ikbar, għax huma l-karità u l-imħabba li jagħtu valur lill-opri tagħna”.[10]

 

B’konkretezza tal-għaġeb kien kompla, huwa u juri r-relazzjoni diffiċli bejn il-kontemplazzjoni u l-azzjoni: “Tafu jew messkom tafu li l-kontemplazzjoni hija fiha nfisha aħjar mill-azzjoni u mill-ħajja attiva; imma jekk fil-ħajja attiva ssibu għaqda ikbar [ma’ Alla], allura din hi aħjar. Jekk soru fil-kċina li żżomm it-taġen fuq in-nar għandha mħabba u karità ikbar minn oħra, in-nar materjali mhux sa jwaqqafha, imma jgħinha tkun iżjed mogħġuba quddiem Alla. Spiss ħafna jiġri li nkunu magħqudin ma’ Alla fl-azzjoni bħal fis-solitudni; fl-aħħar, nerġa’ dejjem lura għall-kwistjoni ta’ fejn insibu l-akbar imħabba”.[11] Din hi l-mistoqsija vera li malajr tegħleb kull riġidità bla bżonn jew għeluq fina nfusna: nistaqsu l-ħin kollu, f’kull għażla, f’kull ċirkustanza tal-ħajja, fejn qiegħda l-ikbar imħabba. Mhux ta’ b’xejn San Franġisk de Sales ġie msejjaħ minn San Ġwanni Pawlu II “Duttur tal-imħabba divina”,[12] mhux biss għax kiteb Trattat b’saħħtu fuqha, imma fuq kollox għax kien xhud tagħha. Min-naħa l-oħra, il-kitbiet tiegħu ma tistax tqishom bħal xi teorija miktuba fuq l-iskrivanija, bogħod mit-tħassib tal-bniedem komuni. Fil-fatt, it-tagħlim tiegħu twieled minn smigħ attent tal-esperjenza. Hu ma għamilx ħlief bidel f’duttrina dak li għex u qara b’mod mirqum, imdawwal mill-Ispirtu, fl-azzjoni pastorali unika u innovattiva tiegħu. Sintensi ta’ dan il-mod kif ħadem insibuha fid-Daħla għall-istess Trattat tal-imħabba ta’ Alla: “Fil-Knisja mqaddsa kollox jappartieni lill-imħabba, jgħix fl-imħabba, isir għall-imħabba u jiġi mill-imħabba”.[13]

 

Is-snin tal-ewwel formazzjoni: l-avventura li jsir jaf lilu nnifsu f’Alla

Kien twieled fil-21 ta’ Awwissu 1567, fil-kastell ta’ Sales, qrib Thorens, bin François de Nouvelles, sinjur ta’ Boisy, u Françoise de Sionnaz. “Billi għex bejn żewġ sekli, is-sekli 16 u 17, ġabar fih l-aħjar mit-tagħlim u r-rebħiet kulturali tas-seklu li kien qed jintemm, u rrikonċilja flimkien il-wirt tal-umaniżmu b’ħeġġa għall-assolut li kienet teżisti fil-kurrenti mistiċi”.[14]

 

Wara l-formazzjoni kulturali tal-bidu, l-ewwel fil-kulleġġ ta’ La Roche-sur-Foron u mbagħad f’dak ta’ Annecy, mar Pariġi, fil-kulleġġ Clermont tal-Ġiżwiti, li ma kienx ilu li twaqqaf. Fil-kapitali tar-Renju ta’ Franza, mifnija mill-gwerer tar-reliġjon, fi żmien qasir ġarrab żewġ kriżijiet interjuri, li mmarkaw għalkollox il-ħajja tiegħu. Dik it-talba mħeġġa li għamel fil-Knisja ta’ Saint-Étienne-des-Grès, quddiem il-Madonna s-Sewda ta’ Pariġi, kebbsitlu qalbu, f’nofs id-dalma, bi fjamma li kellha tibqa’ ħajja fih għal dejjem, u hija l-muftieħ li bih seta’ jaqra l-esperjenza tiegħu u ta’ oħrajn. “Jiġri x’jiġri, Mulej, inti li żżomm kollox f’idejk u li triqatek huma kollha ġustizzja u verità, […] jiena rrid inħobbok, Mulej […], inħobbok hawn, o Alla tiegħi, u nittama dejjem fil-ħniena tiegħek, u dejjem intenni l-ġieħ tiegħek. […] O Mulej Ġesù, int se tkun dejjem it-tama tiegħi u s-salvazzjoni tiegħi fl-art tal-ħajjin”.[15]

 

Hekk kien ħarbex fil-pitazz tiegħu, u reġa’ sab il-paċi. U din l-esperjenza, bid-dubji u l-mistoqsijiet tagħha, kellha tibqa’ għalih dejjem ta’ dawl u tagħtih triq unika ta’ aċċess għall-misteru tar-relazzjoni ta’ Alla mal-bniedem. Għenitu jagħti widen għall-ħajja tal-oħrajn u jagħraf, b’dixxerniment fin, l-atteġġjament interjuri li jiġbor flimkien dak li wieħed jaħseb u dak li jħoss, ir-raġuni u l-emozzjonijiet, u li jsejjaħ b’ismu lil “Alla tal-qalb tal-bniedem”. F’din it-triq Franġisku ma rriskjax il-periklu li jattribwixxi valur teoriku lill-esperjenza personali tiegħu, u jassolutizzaha, imma tgħallem xi ħaġa straordinarja, frott tal-grazzja: jaqra f’Alla l-ħajja tiegħu u tal-oħrajn.

 

Minkejja li hu qatt ma ppretenda li jelabora sistema teoloġika tiegħu, ir-riflessjoni tiegħu fuq il-ħajja spiritwali kellha dinjità teoloġika eminenti. Joħorġu fih il-karatteristiċi essenzjali biex wieħed jagħmel teoloġija, u għalhekk ma rridu qatt ninsew żewġ dimensjonijiet kostituttivi. L-ewwel hija sewwasew il-ħajja spiritwali, għax hu fit-talb umli u perseveranti, fil-ftuħ għall-Ispirtu s-Santu, li nistgħu nippruvaw nifhmu u nesprimu l-Verb ta’ Alla; teologi nsiru fil-forġa tat-talb. It-tieni dimensjoni hija l-ħajja ekkleżjali: inħossu fil-Knisja u mal-Knisja. Anki t-teoloġija daqet mill-kultura individwalistika, imma t-teologu Nisrani jelabora l-ħsieb tiegħu mgħaddas fil-komunità, fiha jaqsam il-ħobż tal-Kelma.[16] Ir-riflessjoni ta’ Franġisku ta’ Sales, bogħod mid-disputi skolastiċi ta’ żmienu imma xorta b’rispett lejhom, titwieled preċiżament minn dawk iż-żewġ karatteristiċi kostituttivi.

 

Il-kixfa ta’ dinja ġdida

Wara li spiċċa l-istudji umanistiċi tiegħu, kompla b’dawk tal-liġi fl-Università ta’ Padova. Lura f’Annecy, kien kważi ddeċieda l-orjentament ta’ ħajtu, minkejja r-reżistenzi ta’ missieru. Ordnat saċerdot fit-18 ta’ Diċembru 1593, fl-ewwel jiem ta’ Settembru tas-sena ta’ wara, fuq stedina tal-Isqof, Mons. Claude de Granier, ġie msejjaħ għall-missjoni diffiċli f’Le Chablais, territorju tad-Djoċesi ta’ Annecy, ta’ konfessjoni Kalvinista, li kien għadda mill-ġdid, fil-labirint kumpless ta’ gwerer u trattati ta’ paċi, taħt il-kontroll tad-Dukat ta’ Savoy. Kienu snin intensi u drammatiċi. Hawn skopra, flimkien ma’ xi intransiġenza riġida li aktar tard tatu fuqiex jaħseb, id-doni naturali tiegħu ta’ medjatur u bniedem ta’ djalogu. Barra minn hekk, wera li kien inventur ta’ prassi pastorali oriġinali u kuraġġjużi, bħall-famużi “folji volanti”, imdendla kullimkien jew li kien saħansitra jixħet taħt il-bibien tad-djar.

 

Fl-1602 irritorna Pariġi, impenjat biex jiżvolġi missjoni diplomatika delikata, f’isem l-istess Granier u fuq indikazzjoni preċiża tas-Sede Appostolika, wara l-elf tibdil fil-qafas politiko-reliġjuż tat-territorju tad-Djoċesi ta’ Ġinevra. Minkejja d-dispożizzjoni tajba ta’ fehmiet min-naħa tar-Re ta’ Franza, il-missjoni kienet falliment. Hu stess kiteb lill-Papa Klement VIII: “Wara disa’ xhur sħaħ, kelli nerġa’ lura fuq il-passi tiegħi mingħajr ma kkonkludejt kważi xejn”.[17] Imma dik il-missjoni għalih u għall-Knisja kienet rikkezza mhux mistennija mil-lenti umana, kulturali u reliġjuża. Fil-ħin liberu li kienu jħallulu n-negozjati diplomatiċi, Franġisku kien jipprietka fil-preżenza tar-Re u tal-qorti rjali ta’ Franza, u hemm niseġ relazzjonijiet importanti u, fuq kollox, inxteħet kollu kemm hu fir-rebbiegħa tal-għaġeb spiritwali u kulturali tal-kapitali moderna tar-Renju.

 

Hemm kollox kien inbidel u kien qed jinbidel. Hu stess ħalla jmissuh u jisfidawh il-problemi kbar li kienu qed jitfaċċaw fid-dinja u l-mod ġdid kif jiġu osservati, id-domanda sorprendenti ta’ spiritwalità li kienet twieldet, kif ukoll il-mistoqsijiet li kienet tagħmel u li qatt ma kienu għadhom saru qabel. Fil-qosor, intebaħ b’dak li tassew kien “passaġġ ta’ epoka”, li għalih kien hemm il-ħtieġa li jwieġeb b’lingwaġġi antiki u ġodda. Żgur ma kinitx l-ewwel darba li ltaqa’ ma’ Nsara mħeġġa, imma din kienet xi ħaġa differenti. Ma kinitx il-Pariġi mifxula mill-gwerer tar-reliġjon, li kien ra fis-snin tiegħu tal-formazzjoni, u lanqas il-ġlieda qalila li ltaqa’ magħha fit-territorji ta’ Le Chablais. Kienet realtà li hu ma stennihiex: folla “ta’ qaddisin, ta’ veri qaddisin, numerużi u ma’ kullimkien”.[18] Kien hemm irġiel u nisa ta’ kultura, professuri tas-Sorbonne, rappreżentanti tal-istituzzjonijiet, prinċpijiet u prinċipessi u qaddejja, reliġjużi rġiel u nisa. Dinja li b’diversi modi varji kienet għatxana għal Alla.

 

Li ltaqa’ ma’ dawk il-persuni u għaraf il-mistoqsijiet tagħhom kienet waħda miċ-ċirkustanzi providenzjali l-iżjed importanti ta’ ħajtu. Jiem li kienu jidhru bla siwi u falliment hekk inbidlu fi skola unika, biex seta’ jaqra x-xejriet taż-żmien, mingħajr qatt jaqa’ għalihom. Fih, il-kontroversista abbli u li ma jegħjiex beda jinbidel, bi grazzja, f’interpretu fin taż-żmien u direttur staordinarju tal-erwieħ. L-azzjoni pastorali tiegħu, l-opri kbar (Introduzzjoni għall-ħajja devota u Trattat tal-imħabba ta’ Alla), l-eluf ta’ ittri ta’ ħbiberija spiritwali li ġew wara, mibgħuta ġewwa u barra mill-ħitan tal-kunventi u tal-monasteri lil reliġjużi u monaċi nisa, lil irġiel u nisa tal-qorti rjali, kif ukoll lil nies komuni, il-laqgħa ma’ Giovanna Francesca di Chantal u l-istess twaqqif tal-Viżitazzjoni fl-1610, ma kinux jagħmlu sens mingħajr ma nifhmu l-ewwel din l-iżvolta interjuri. Vanġelu u kultura hawn sabu sintesi għammiela, li minnha ħarġet l-intuwizzjoni ta’ metodu veru u proprju, li wasal għall-maturazzjoni u kien lest għal ħsad fit-tul u promettenti.

 

F’waħda mill-ewwel ittri ta’ direzzjoni u ħbiberija spiritwali, mibgħuta lil waħda mill-komunitajiet li żar f’Pariġi, Franġisku ta’ Sales jitkellem, imqar jekk b’umiltà, fuq “metodu tiegħu”, li hu differenti mill-oħrajn, fid-dawl ta’ riforma vera. Metodu li jiċħad il-ħruxija u jibni kollu fuq id-dinjità u l-ħila tar-ruħ devota, minkejja d-dgħufijiet tagħha: “Jiġini d-dubju li jista’ jkun hemm ukoll impediment ieħor li jeħodha kontra r-riforma tagħkom: forsi dawk li imponewha fuqkom, ikkuraw il-pjaga b’mod wisq iebes. […] Jiena nfaħħar il-metodu tagħhom, imqar jekk mhuwiex dak li nħobb nuża, speċjalment ma’ erwieħ nobbli u edukati tajjeb bħal tagħkom. Nemmen li aħjar wieħed jillimita ruħu għal li jurihom il-ħażen u jqiegħed l-iskalpelli f’idejhom, biex jipprattikaw huma stess it-tinġir meħtieġ. Imma tħallux b’daqshekk ir-riforma li għandkom bżonn”.[19] F’dawn il-kelmiet tidher dik il-ħarsa li għamlet ċelebri l-ottimiżmu Salesjan u li ħalliet fit-tul l-impronta tagħha fl-istorja tal-ispiritwalità, bi twarrid iktar tard, bħal fil-każ ta’ Don Bosco żewġ sekli wara.

 

Lura f’Annecy, ġie ordnat isqof fit-8 ta’ Diċembru tal-istess sena 1602. L-influwenza tal-ministeru episkopali tiegħu fuq l-Ewropa ta’ żmienu u tas-sekli ta’ wara tidher immensa. “Hu kien appostlu, predikatur, kittieb, bniedem ta’ azzjoni u ta’ talb; impenjat biex iwettaq l-ideali tal-Konċilju ta’ Trento; involut fil-kontroversja u fid-djalogu mal-Protestanti, u hekk beda jduq dejjem iżjed, lil hemm mill-konfront teoloġiku meħtieġ, l-effikaċja tar-relazzjoni personali u tal-karità; inkarigat b’missjonijiet diplomatiċi fuq livell Ewropew, u b’ħidmiet soċjali ta’ medjazzjoni u ta’ rikonċiljazzjoni”.[20] Fuq kollox, hu kien interpretu tal-bidla ta’ epoka u gwida tal-erwieħ fi żmien li, b’mod ġdid, kellu għatx għal Alla.

 

L-imħabba tagħmel minn kollox għal uliedha

Bejn l-1620 u l-1621, jiġifieri lejn l-aħħar ta’ ħajtu, Franġisku indirizza saċerdot tad-Djoċesi tiegħu kliem li jista’ jixħet dawl fuq il-viżjoni tiegħu ta’ żmienu. Ħeġġu biex isus wara x-xewqa tiegħu li jiddedika ruħu għall-kitba ta’ testi oriġinali, li kapaċi jinterċettaw il-mistoqsijiet il-ġodda, u jintuwixxu l-ħtiġijiet tagħhom. “Irrid ngħidlek li l-għarfien li qed nikseb ta’ kuljum tax-xejriet tad-dinja jwassalni biex nawgura b’ħeġġa li t-Tjieba divina tnebbaħ lil xi ħadd mill-qaddejja tagħha biex jikteb skont il-gost ta’ din id-dinja fqajra”.[21] Ir-raġuni ta’ dan l-inkuraġġiment sabha fil-viżjoni tiegħu ta’ żmienu: “Id-dinja qed issir hekk delikata li, f’qasir żmien, ħadd ma jissogra iżjed imissiha ħlief b’ingwanti tal-bellus, jew jittratta l-ġrieħi tagħha ħlief b’garżiet imfewħa; imma x’jimporta, jekk fl-aħħar mill-aħħar il-bnedmin jiġu mfejqa u finalment salvati? L-imħabba, ir-reġina tagħna, kollox tagħmel għal uliedha”.[22] Din mhix xi stqarrija votja, wisq inqas rassenjazzjoni finali quddiem rebħa. Pjuttost kienet l-intuwizzjoni ta’ bidla li qed isseħħ u tal-esiġenza, kollha evanġelika, li jifhem kif jista’ jgħix fiha.

 

Mill-bqija, dan l-istess għarfien kien immatura fih u esprimieh huwa u jintroduċi t-Trattat tal-imħabba ta’ Alla, proprju fid-Daħla: “Żammejt quddiemi l-mentalità tal-persuni ta’ dak is-seklu u ma stajtx nagħmel mod ieħor; importanti ħafna żżomm f’moħħok iż-żmien li fih qed tikteb”.[23] Imbagħad talab il-ġentilezza tal-qarrej u stqarr: “Jekk issib li l-istil hu xi ftit differenti minn dak użat fil-Filotea, u t-tnejn bogħod ħafna minn dak tad-Difiża tas-salib, żomm quddiem għajnejk li fi 19-il sena titgħallem u tinsa ħafna affarijiet; li l-lingwaġġ tal-gwerra hu differenti minn dak tal-paċi u li liż-żgħażagħ li għadhom jibdew trid tkellimhom mod, lix-xjuħ sħabek mod ieħor”.[24] Imma, quddiem dan it-tibdil, wieħed mnejn jibda? Mhux bogħod mill-istess storja ta’ Alla mal-bnedmin. Minn hawn l-aħħar għan tat-Trattat tiegħu: “Fir-realtà jiena ħsibt biss li nirrappreżenta b’sempliċità u ġenwinità, mingħajr tidwir u, iktar u iktar, mingħajr tiżjin żejjed, l-istorja tat-twelid, tal-waqgħa, tal-progress, tal-proprjetajiet, tal-vantaġġi u tal-kwalitajiet għoljin tal-imħabba divina”.[25]

 

Id-domandi ta’ passaġġ ta’ epoka

Fit-tifkira ta’ dan ir-raba’ ċentinarju tal-mewt tiegħu, staqsejt lili nnifsi x’inhu l-wirt ta’ San Franġisk de Sales għal żmienna, u sibt ta’ dawl għalija l-flessibbiltà u l-ħila ta’ viżjoni li kellu. Xi ftit b’don ta’ Alla, xi ftit b’natura personali, u anki minħabba l-kultivazzjoni determinata tiegħu ta’ dak li għex, hu kellu l-perċezzjoni ċara tat-tibdil li kien għaddej fiż-żminijiet. Hu stess qatt ma stħajjel li f’dan seta’ jsib opportunità bħal din biex iħabbar il-Vanġelu. Il-Kelma li kien ħabb sa minn żgħożitu kienet kapaċi toħorġu iktar fil-wisa’, tiftaħlu ixfqa ġodda u li ma kienx ra qabel, f’dinja li kienet f’bidla mgħaġġla.

 

Dan hu li hemm jistenniena bħala ħidma essenzjali f’dan il-passaġġ tagħna ta’ epoka: Knisja li ma tkunx awtoreferenzjali, ħielsa minn kull mondanità imma kapaċi tgħix fid-dinja, taqsam fil-ħajja tan-nies, timxi flimkien, tisma’ u tilqa’.[26] Dan hu li Franġisku ta’ Sales għamel, billi qara, bl-għajnuna tal-grazzja, l-epoka tiegħu. Għalhekk hu jistedinna noħorġu mit-tħassib żejjed għalina nfusna, għall-istrutturi, għall-immaġni soċjali, biex pjuttost nistaqsu lilna nfusna liema huma l-ħtiġijiet konkreti u t-tamiet spiritwali tal-poplu tagħna.[27] Importanti, għalhekk, anki għal-lum, li nerġgħu naqraw xi għażliet kruċjali tiegħu, biex ngħixu ż-żmien ta’ bidla b’għerf evanġeliku.

 

Il-fewġa u l-ġwienaħ

L-ewwel fost dawn l-għażliet kienet dik li jaqra mill-ġdid u jerġa’ jipproponi lil kulħadd, fil-qagħda speċifika tiegħu, ir-relazzjoni hienja bejn Alla u l-bniedem. Fil-fond ta’ kollox, ir-raġuni aħħarija u l-għan konkret tat-Trattat huwa proprju dak li juri lin-nies ta’ żmienu s-seħer tal-imħabba ta’ Alla. “Liema huma”, jistaqsi, “il-ħbula li soltu bihom il-Providenza divina tiġbed lil qlubna lejn imħabbitha?”.[28] Jaqbad b’mod suġġestiv it-test ta’ Hosegħa 11:4,[29] u jiddefinixxi dawn il-mezzi ordinarji bħala “rabtiet ta’ umanità jew ta’ mħabba u ħbiberija”. “Bla dubju ta’ xejn”, jikteb, “m’aħniex miġbudin lejn Alla bi ktajjen tal-ħadid, bħal barrin u gniedes, imma bi stediniet, ġibdiet ta’ ħlewwa, u tnebbiħ qaddis, li mbagħad huma r-rabtiet ta’ Adam u tal-umanità; fi kliem ieħor, adatti u konvenjenti għall-qalb tal-bniedem, li għalih il-libertà hi naturali”.[30] Hu permezz ta’ dawn ir-rabtiet li Alla ħareġ lill-poplu tiegħu mill-jasar, għallmu jimxi, żammlu jdejh, kif jagħmlu missier jew omm mat-tfal tagħhom. Pjuttost, din hi l-għamla persważiva ta’ stedina li tħalli sħiħa l-libertà tal-bniedem. “Il-grazzja”, ikompli huwa u jaħseb ċertament f’tant stejjer ta’ ħajjiet li ltaqa’ magħhom, “għandha qawwa, mhux biex iġġiegħel, imma biex tiġbed lill-qalb; għandha vjolenza qaddisa, mhux biex tattakka, imma biex tagħmel maħbuba l-libertà tagħna; taġixxi bil-forza, imma b’tant ħlewwa li r-rieda tagħna ma tibqax mgħaffġa taħt azzjoni hekk b’saħħitha; timbuttana, imma ma tifgax il-libertà tagħna: għalhekk hu possibbli għalina, quddiem il-qawwa kollha tagħha, nilqgħu jew nirreżistu lill-movimenti tagħha, skont kif jogħġob lilna”.[31]

 

Ftit qabel kien fassal din ir-relazzjoni fl-eżempju kurjuż tal-“apodu”: “Hemm ċerti għasafar, Teotimu, li Aristotli jsejħilhom ‘apodi’, għax għandhom saqajhom hekk qosra u riġlejhom hekk dgħajfin, li ma jistgħux iservuhom, bħallikieku ma kellhom xejn; u jekk, ngħidu aħna, iserrħu mal-art, hemm jibqgħu, mingħajr ma jkunu jistgħu jtiru waħidhom, għax, billi ma għandhomx l-użu tar-riġlejn, lanqas tas-saqajn, ma jsibux mod kif jisfurzaw fuqhom infushom biex itiru fl-arja; u għalhekk jibqgħu mċaftrin mal-art u jmutu, sakemm ir-riħ ma jiħux post in-nuqqas ta’ ħila tagħhom, u b’fewġa minn fuq l-art jaqbadhom u jerfagħhom, kif jagħmel ma’ bosta ħwejjeġ oħra. F’dan il-każ, jekk, bil-ġwienaħ tagħhom, japprofittaw minn dik l-ewwel imbuttatura li jagħtihom ir-riħ, l-istess riħ ikompli jgħinhom u jimbuttahom dejjem iżjed fl-għoli biex jgħinhom jerġgħu jtiru”.[32] Hekk huwa l-bniedem: maħluq minn Alla biex itir u jifrex il-potenzjalitajiet kollha tiegħu fis-sejħa tal-imħabba, jirriskja li ma jibqax kapaċi jtir meta jaqa’ fl-art u ma jħallix il-ġwienaħ tiegħu jerġgħu jinfetħu għall-fewġa tal-Ispirtu.

 

Din hi, għalhekk, l-“għamla” li permezz tagħha l-grazzja ta’ Alla tasal għand il-bnedmin: dik tar-rabtiet prezzjużi u mill-aktar umani ta’ Adam. Il-qawwa ta’ Alla ma tieqaf qatt mill-ħila assoluta tagħha li tgħinna ntiru u, madankollu, il-ħlewwa tagħha trid li l-libertà tal-kunsens għaliha ma tiġix mirfusa jew tkun bla siwi. Il-bniedem irid ikun biex iqum jew ma jqumx. Imqar jekk il-grazzja tkun messitu mas-sebħ mingħajru, hi ma tridx li l-bniedem iqum mingħajr il-kunsens tiegħu. Hekk hu ħareġ bir-riflessjoni konklużiva tiegħu: “Teotimu, it-tnebbiħ jiġi u jinħass qabel ma nintebħu, imma wara li nkunu ħassejnieh, imiss lilna li noqogħdu għalih billi nilqgħuh u nimxu skont it-tqanqil tiegħu, jew ma nilqgħuhx u nirrifjutawh: jinħass fina mingħajrna, imma ma nistgħux nilqgħuh mingħajrna”.[33] Għalhekk, fir-relazzjoni tagħna ma’ Alla, dejjem hemm esperjenza ta’ gratwità, li turi kemm hi qawwija l-imħabba tal-Missier.

 

Madankollu, din il-grazzja qatt ma tħalli lill-bniedem passiv. Hi twassalna biex nifhmu li qabilna dejjem hemm l-imħabba ta’ Alla, u li l-ewwel don tagħha hi proprju li nħallu l-istess imħabba tiegħu tilqagħna. Imma kull persuna għandha d-dmir li tikkopera mat-twettiq tagħha, billi tiftaħ b’fiduċja l-ġwienaħ tagħha għall-fewġa ta’ Alla. Hawn naraw aspett importanti tal-vokazzjoni tagħna ta’ bnedmin: “Il-ħidma li Alla jafda lil Adam u lil Eva fir-rakkont tal-Ġenesi hi li jkunu għammiela. L-umanità ngħatat il-missjoni li tibdel, tibni u taħkem fuq il-ħolqien, ħidma pożittiva li tfisser toħloq minnha u biha. Għalhekk il-futur ma jiddependix minn mekkaniżmu inviżibbli li tiegħu l-essri umani huma spettaturi passivi. Le, aħna protagonisti, aħna – biex nilagħbu bl-istess kelma – ko-kreaturi”.[34] Dan hu li Franġisku ta’ Sales fehem tajjeb u fittex li jittrasmetti fil-ministeru tiegħu ta’ gwida spiritwali.

 

Id-devozzjoni vera

It-tieni għażla kruċjali kienet dik li bħala tema ttratta l-kwistjoni tad-devozzjoni. Anki f’dan il-każ, bħal fi żmienna, il-passaġġ ġdid tal-epoka kien qanqal dwar dan l-argument diversi mistoqsijiet. B’mod partikulari, żewġ aspetti jitolbu li nifhmuhom anki llum u nerġgħu npoġġuhom għad-diskussjoni. L-ewwel hu dwar l-istess idea ta’ devozzjoni, it-tieni, il-karattru universali u popolari tagħha. Qabelxejn, irridu nuru wieħed x’jifhem b’devozzjoni, din hi l-ewwel attenzjoni li nsibu fil-bidu tal-Filotea: “Għandek tkun taf qabelxejn x’inhi l-virtù tad-devozzjoni. Għalkemm devozzjoni vera hemm waħda biss, imma qarrieqa u fiergħa hemm ħafna; u jekk ma tagħrafx tagħżel il-vera, tista’ taqa’ fl-iżball u titlef iż-żmien tiġri wara devozzjoni bla sens jew superstizzjuża”.[35]

 

Gustuża u dejjem attwali hi d-deskrizzjoni ta’ Franġisku ta’ Sales, mhux mingħajr farka umoriżmu san u effikaċi, dwar id-devozzjoni falza, li mhux diffiċli nsibu ruħna fiha: “Min jagħti ruħu għas-sawm, jaħseb li hu devot għax mhux jiekol, waqt li għandu qalbu mimlija rabja; u waqt li ma jħossx li għandu jbill ilsienu fl-inbid u lanqas fl-ilma, għall-imħabba ta’ ħajja sobrja, imbagħad xejn ma jiskrupla jgħaddasha fid-demm tal-proxxmu bil-malafama u l-kalunnja. Ieħor jaħseb li hu devot għax joqgħod igedwed il-ħin kollu lista bla waqfien ta’ talbiet; imbagħad ma jagħtix piż lill-kliem ħażin, arroganti u inġurjuż li lsienu jvenven, għall-bqija tal-ġurnata, kontra n-nies ta’ daru u l-ġirien. Xi ħadd ieħor idaħħal minn qalbu jdejh fil-but biex jagħti karità lill-foqra, imma ma jirnexxilux isib qatra ħlewwa f’qalbu biex jaħfer lill-għedewwa; imbagħad ikun hemm l-ieħor li jaħfer lill-għedewwa, imma illi jħallas dejnu mank jgħaddilu minn moħħu; jiġi bżonn tal-qorti”.[36] Huma evidentement il-vizzji u t-taħbit ta’ dejjem, anki tal-lum, u għalhekk il-Qadds jikkonkludi: “Lil dawn in-nies kollha tajbin, l-opinjoni komuni tqishom devoti, imma xejn ma huma”.[37]

 

Imma l-element ġdid u l-verità tad-devozzjoni jinsabu band’oħra, f’għeruq profondament marbuta mal-ħajja divina li hemm fina. B’dan il-mod “id-devozzjoni vera u ħajja […] tesiġi l-imħabba ta’ Alla, anzi mhix ħlief imħabba vera ta’ Alla; mhux imħabba mifhuma b’mod ġeneriku”.[38] Fl-immaġinazzjoni ħajja tiegħu hi mhix għajr, “biex ngħiduha fil-qasir, għamla ta’ ħeffa u ħajja spiritwali li permezz tagħha l-karità taġixxi fina jew, jekk irridu, aħna naġixxu permezz tagħha, bi prontezza u mħabba”.[39] Għalhekk hi ma toqgħodx biswit l-imħabba, imma hi l-manifestazzjoni tagħha u, fl-istess waqt, twassal għaliha. Hi bħal fjamma għan-nar: iżżid fl-intensità tiegħu, mingħajr ma tibdillu l-kwalità. “Biex nagħlqu, nistgħu ngħidu li l-imħabba u d-devozzjoni huma differenti bejniethom daqskemm hi l-fjamma min-nar; l-imħabba hi n-nar spiritwali, li meta jħeġġeġ bi fjamma b’saħħitha jissejjaħ devozzjoni: id-devozzjoni tkebbes man-nar tal-imħabba biss il-fjamma li tagħmel l-imħabba pronta, attiva u diliġenti, mhux biss fl-osservanza tal-Kmandamenti ta’ Alla, imma anki fit-taħriġ tal-kunsilli u tat-tnebbiħ tas-Sema”.[40] Devozzjoni bħal din ma għandha xejn astratt fiha. Hi, pjuttost, stil ta’ ħajja, mod kif ngħixu konkretement il-ħajja ta’ kuljum. Hi tiġbor u tinterpreta l-ħwejjeġ iż-żgħar ta’ kuljum, l-ikel u l-ħwejjeġ, ix-xogħol u l-mistrieħ, l-imħabba u t-tnissil, l-attenzjoni għall-obbligi professjonali; fil-qosor, iddawwal il-vokazzjoni ta’ kull persuna.

 

Nilmħu hawn l-għeruq popolari tad-devozzjoni, li nsibuhom imsemmija sa mill-ewwel battuti tal-Filotea: “Kważi dawk kollha li ttrattaw id-devozzjoni interessaw ruħhom kif jgħallmu l-persuni jkunu maqtugħa mid-dinja jew, tal-inqas, għallmu xejra ta’ devozzjoni li twassal għal dan l-iżolament. Jien nixtieq noffri t-tagħlim tiegħi lil dawk li jgħixu fil-bliet, fil-familja, fil-qorti rjali, u li, minħabba l-istat tagħhom, ikollhom, minħabba l-konvenjenzi soċjali, jgħixu qalb l-oħrajn”.[41] Għalhekk jiżbalja ħafna min jaħseb li d-devozzjoni jista’ jillimitaha għal xi qasam protett u riservat. Pjuttost, hi xi ħaġa ta’ kulħadd u għal kulħadd, kull fejn aħna, u kulħadd jista’ jipprattikaha skont il-vokazzjoni tiegħu. Kif kiteb San Pawlu VI fir-raba’ ċentinarju mit-twelid ta’ Franġisku ta’ Sales, “il-qdusija mhijiex prerogattiva ta’ din il-klassi ta’ nies jew l-oħra; imma l-Insara kollha għandhom din l-istedina tagħfas fuqhom: ‘Ħabib, itla’ f’post aktar ’il fuq’ (Lq 14:10); kollha aħna marbuta bl-obbligu li nitilgħu fuq il-muntanja ta’ Alla, anki jekk mhux kollha mill-istess triq. ‘Id-devozzjoni għandha tkun imħarrġa b’mod differenti mis-sinjur, mill-ħaddiem, mill-qaddej, mill-prinċep, mill-armla, miż-żagħżugħ, mill-mara miżżewġa. Iktar min hekk, il-prattika tad-devozzjoni għandha tkun addattata għall-forzi, għall-ħwejjeġ u għad-dmirijiet ta’ kull wieħed u waħda’”.[42] Li jgħaddi mill-belt ta’ din id-dinja, iħares l-interjorità, iżewweġ ix-xewqa għall-perfezzjoni ma’ kull stat ta’ ħajja, jerġa’ jsib ċentru li ma jinqatax mid-dinja, imma li jgħallem kif ngħixu fih, napprezzawh, nitgħallmu wkoll inżommu d-distanzi t-tajba minnha: din kienet il-fehma tiegħu, u tibqa’ lezzjoni prezzjuża għal kull mara u raġel ta’ żmienna.

 

Din hi t-tema Konċiljari tal-vokazzjoni universali għall-qdusija: “Mogħnija lkoll b’tant mezzi u b’mezzi daqshekk kbar ta’ salvazzjoni, il-fidili, ikunu xi jkunu l-istat u l-kundizzjoni ta’ ħajjithom, jissejħu mill-Mulej, kull wieħed minnhom mit-triq tiegħu, għall-perfezzjoni tal-qdusija li biha l-Missier innifsu huwa perfett”.[43] “Kull wieħed mit-triq tiegħu”. “Mela, m’għandniex għax naqtgħu qalbna meta naħsbu fuq mudelli ta’ qdusija li jidhru ma jistgħux jintlaħqu”.[44] Il-Knisja omm tipproponihomlna mhux biex nippruvaw nikkuppjawhom, imma biex jixprunawna nimxu fit-triq waħdanija u speċifika li l-Mulej ħaseb għalina: “Dak li jgħodd hu li kull min jemmen, jagħmel dixxerniment tat-triq tiegħu u joħroġ l-aħjar minnu nnifsu, mill-karatteristiċi personali li Alla qiegħed fih (ara 1 Kor 12:7)”.[45]

 

L-estasi tal-ħajja

Dan kollu wassal lill-Isqof qaddis biex iqis il-ħajja Nisranija fis-sħuħija kollha tagħha bħala “l-estasi tal-azzjoni u tal-ħajja”.[46] Imma din ma rridux nifxluha ma’ ħarba faċli jew irtirata intimistika, wisq anqas ma’ ubbidjenza mdejqa u kiebja. Nafu li dan il-periklu hu dejjem preżenti fil-ħajja tal-fidi. Fil-fatt, “hemm Insara li qishom jgħixu Randan mingħajr Għid. […] Nifhimhom dawk il-persuni li iktar ixaqilbu lejn id-dwejjaq minħabba fid-diffikultajiet kbar li jkollhom iġarrbu, imma naqra naqra hemm bżonn inħallu jitqanqal fina l-ferħ tal-fidi, bħal tama moħbija imma sħiħa, anki qalb l-eħrex diqa”.[47]

 

Li nħallu l-ferħ iqajjimna hu dak li Franġisku ta’ Sales jesprimi meta jfisser l-“estasi tal-azzjoni u tal-ħajja”. Grazzi għaliha “ma ngħixux biss ħajja ċivili, onesta u Nisranija, imma ħajja sovraumana, spiritwali, devota u estatika, jew aħjar, ħajja li dejjem hi ’l barra u ’l fuq mill-kundizzjoni naturali tagħna”.[48] Hawn qegħdin fil-paġni ċentrali u l-aktar imdawlin tat-Trattat. L-estasi hi l-eċċess hieni tal-ħajja Nisranija, merfugħa ’l fuq mill-medjokrità tas-sempliċi osservanza: “Ma nisirqux, ma nigdbux, ma niżnux, nitolbu lil Alla, ma naħilfux fix-xejn, inħobbu u nweġġħu lil missierna, ma noqtlux, dan ifisser li ngħixu skont ir-raġuni naturali tal-bniedem; imma li nħallu l-ġid kollu tagħna, inħobbu l-faqar, insejħulu u nżommuh bħala sid ħelu, inqisu ż-żuffjett, id-disprezz, il-ħsara, il-persekuzzjonijiet, il-martirji bħala hena u beatitudni, li nżommu ruħna fil-limiti tal-kastità assoluta, u fl-aħħar nett li ngħixu fid-dinja u f’din il-ħajja fuq din l-art kontra l-fehmiet kollha u dak li tgħid id-dinja u kontra l-kurrent tax-xmara ta’ din il-ħajja, bir-rassenjazzjoni, iċ-ċaħda u s-sagrifiċċju kontinwu, din mhijiex ħajja skont in-natura umana, imma ’l fuq minnha; ma nkunux ngħixu fina nfusna, imma barra minna nfusna u ’l fuq minna nfusna: u billi ħadd ma jista’ joħroġ b’dan il-mod ’il fuq minnu nnifsu jekk ma jiġbdux il-Missier etern, dan ifisser li dan il-mod ta’ ħajja għandu jkun ħtif kontinwu u estasi perpetwa ta’ azzjoni u ta’ operazzjoni”.[49]

 

Din hija ħajja li sabet l-għejun tal-ferħ tagħha, kontra kull nixfa tiegħu, kontra t-tentazzjoni li tingħalaq fiha nfisha. Fil-fatt, “ir-riskju kbir tad-dinja tal-lum, bl-offerta abbundanti u qarrieqa tagħha ta’ konsum, hu li ġġarrab diqa individwalista li tnixxi mill-qalb komda u xħiħa, mit-tiftixa marradija għal pjaċiri superfiċjali, mill-kuxjenza iżolata. Meta l-ħajja interjuri tingħalaq fl-interessi tagħha, ma jifdalx wisa’ għall-oħrajn, ma jkunx hemm fejn jidħlu l-foqra, il-leħen ta’ Alla ma tisimgħux iżjed, ma tgawdix aktar mill-ferħ ħelu ta’ mħabbtu, qalbha ma tibqax tħabbat bil-ħeġġa biex tagħmel il-ġid. Dan ir-riskju, ċert u dejjiemi, qiegħed hemm anki għal min jemmen. Ħafna jaqgħu fih u jinbidlu f’persuni mimlija rabja ġo fihom, imdejqa, bla ħajja”.[50]

 

Mad-deskrizzjoni tal-“estasi tal-azzjoni u tal-ħajja” San Franġisk fl-aħħar nett iżid żewġ preċiżazzjonijiet importanti, anki għal żmienna. L-ewwel waħda dwar il-kriterju effikaċi għad-dixxerniment tal-verità ta’ dan l-istess stil ta’ ħajja. It-tieni, dwar l-għajn profonda tagħha. Dwar il-kriterju tad-dixxerniment, hu jistqarr li, jekk minn naħa din l-estasi twassal biex aħna tassew noħorġu minna nfusna, min-naħa l-oħra ma jfissirx li nabbandunaw il-ħajja. Importanti li ma ninsewh qatt dan, biex nevitaw devjazzjonijiet perikolużi. Fi kliem ieħor, min jaħseb li jista’ jintrefa’ lejn Alla, imma ma jgħixx il-karità tal-proxxmu, ikun iqarraq bih innifsu u bl-oħrajn.

 

Nerġgħu nsibu hawn l-istess kriterju li hu applika għall-kwalità tad-devozzjoni vera. “Meta tiltaqa’ ma’ persuna li fit-talb ikollha ħtif li permezz tiegħu toħroġ u togħla ’l fuq minnha nfisha lejn Alla, u madankollu ma jkollhiex estasi tal-ħajja, jew aħjar, ma tgħixx ħajja merfugħa u magħquda ma’ Alla, […] fuq kollox permezz ta’ karità kontinwa, emminni, Teotimu, il-ħtif kollu tagħha hu wisq inkwetanti u perikoluż”. Il-konklużjoni tiegħu hi qawwija ħafna: “Li nkunu ’l fuq minna nfusna fit-talb u ’l isfel minna nfusna fil-ħajja u fl-azzjoni, li nkunu anġeliċi fil-meditazzjoni u annimali fil-konverżazzjoni […] dan hu sinjal veru li dan il-ħtif u dan l-estasi ma humiex ħlief divertiment u qerq tal-ispirtu l-ħażin”.[51] Fis-sustanza, dan hu dak li Pawlu kien diġà fakkar lill-Korintin fl-Innu tal-imħabba: “U kieku kelli d-don tal-profezija u kont naf il-misteri kollha u l-għerf kollu, kieku kelli l-fidi tiegħi sħiħa li nqanqal il-muntanji, imma ma kellix imħabba, jiena ma kont inkun xejn. U kieku kelli nqassam ġidi kollu fil-karità u nagħti ġismi għall-ħruq bla ma jkolli mħabba, xejn ma jkun jiswieli ta’ ġid” (1 Kor 13:2-3).

 

Għalhekk, għal San Franġisk de Sales, il-ħajja Nisranija mhi qatt mingħajr estasi u, madankollu, l-estasi mhijiex awtentika mingħajr il-ħajja. Fil-fatt, il-ħajja mingħajr l-estasi tirriskja li tirriduċi ruħha għal ubbidjenza medjokri, għal Vanġelu li nesa l-ferħ tiegħu. Min-naħa l-oħra, l-estasi mingħajr il-ħajja faċilment tesponi ruħha għall-illużjoni u għall-ingann tal-Ħażin. Il-polaritajiet kbar tal-ħajja Nisranija ma jistgħux jissolvew f’xulxin. Jekk xejn, waħda żżomm l-oħra fl-awtentiċità tagħha. Hekk, ma hemmx verità mingħajr ġustizzja, ma hemmx pjaċir mingħajr responsabbiltà, ma hemmx spontanjetà mingħajr liġi; u bil-maqlub.

 

Dwar l-għajn profonda ta’ din l-estasi, hu jorbotha b’għerf kbir mal-imħabba li dehret fl-Iben inkarnat. Jekk, minn naħa, hu minnu li “l-imħabba hi l-ewwel att u l-bidu tal-ħajja devota jew spiritwali tagħna, li permezz tagħha aħna ngħixu, inħossu, nitqanqlu” u, mill-oħra, “il-ħajja spiritwali hi skont kif inhuma l-movimenti affettivi tagħna”, huwa ċar li “qalb li m’għandhiex emozzjonijiet ma għandhiex imħabba”, kif ukoll li “qalb li għandha mħabba ma tistax tkun mingħajr moviment affettiv”.[52] Imma l-għajn ta’ din l-imħabba li tiġbed il-qalb lejha hi l-ħajja ta’ Ġesù Kristu: “Xejn ma jagħfas iktar fuq il-qalb tal-bniedem mill-imħabba”, u l-qofol ta’ din il-pressjoni hu li “Ġesù Kristu miet għalina, tana l-ħajja bil-mewt tiegħu. Aħna ngħixu biss għax hu miet u miet għalina, għall-ġid tagħna u fina”.[53]

 

Kommoventi din l-indikazzjoni li, barra viżjoni mdawla u unika tar-relazzjoni bejn Alla u l-bniedem, turi r-rabta kbira affettiva li kienet torbot lill-Isqof qaddis mal-Mulej Ġesù. Il-verità tal-estasi tal-ħajja u tal-azzjoni mhijiex ġenerika, imma hi dik li tidher skont l-għamla tal-karità ta’ Kristu, li tilħaq il-qofol tagħha fuq is-salib. Din l-imħabba ma teqridx l-eżistenza, imma iktar tagħmilha tixgħel bi kwalità straordinarja.

 

Huwa għalhekk li, bi xbieha mill-isbaħ, San Franġisk de Sales jiddeskrivi l-Kalvarju bħala “l-muntanja tan-namrati”.[54] Hemm, u hemm biss, wieħed jifhem li “ma jistax ikollok il-ħajja mingħajr l-imħabba, lanqas l-imħabba mingħajr il-mewt tal-Feddej: imma barra minn dan, kollox hu, jew mewt eterna jew imħabba eterna, u l-għerf Nisrani kollu qiegħed f’li nagħrfu nagħżlu tajjeb”.[55] Hekk hu jista’ jagħlaq it-Trattat tiegħu billi jeħodna għall-konklużjoni ta’ diskors ta’ Santu Wistin fuq l-imħabba: “X’hemm iżjed fidil mill-imħabba? Fidil mhux lejn dak li jgħaddi imma lejn l-etern. Hi ġġarrab kollox f’din il-ħajja, għax kollox temmen dwar il-ħajja li ġejja: iġġarrab kulma jingħatalha hawn li ġġarrab, għax tittama f’dak kollu li jiġi mwiegħed lilha hemm. Bir-raġun li ma tintemm qatt. Għalhekk tħarrġu fl-imħabba u, intom u timmeditawha bi qdusija, agħmlu minnha frott ta’ ġustizzja. U jekk b’ġieħ tagħha intom issibu ħwejjeġ oħra li jiena issa ma għidtilkomx, ħa jidhru dawn fil-mod kif intom tgħixu”.[56]

 

Dan hu li joħroġ mill-ħajja tal-Isqof qaddis ta’ Annecy, u li hu mogħti, għal darb’oħra, lil kull wieħed u waħda minna. Dan ir-raba’ ċentinarju mit-twelid tiegħu għas-Sema jgħinna nagħmlu tifkira devota tiegħu; u għall-interċesjoni tiegħu l-Mulej isawwab kontrana d-doni tal-Ispirtu fuq il-mixja tal-Poplu qaddis u fidil ta’ Alla.

 

Ruma, San Ġwann Lateran, 28 ta’ Diċembru 2022

 

FRANĠISKU

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 


 

[1] San Franġisk de SalesTraité de l’amour de Dieu, Préface: ed. Ravier – Devos, Paris 1969, 336.

[2] Id, Lett. 2103: A Monsieur Sylvestre de Saluces de la Mente, Abbé d’Hautecombe (3 ta’ Novembru 1622), in Œuvres de Saint François de Sales, XXVI, Annecy 1932, 490-491.

[3] Id., Lett. 1961: À une dame (19 ta’ Diċembru 1622), in Œuvres de Saint François de Sales, XX (Lettres, X: 1621-1622), Annecy 1918, 395.

[4] Id., Traité de l’amour de Dieu, I, 15: ed. Ravier – Devos, Paris 1969, 395.

[5] Id., Entretiens spirituels, Dernier entretien [21]: ed. Ravier – Devos, Paris 1969, 1319.

[6] Eżortazzjoni appostolika Gaudete et exsultate (19 ta’ Marzu 2018), 49: AAS 110 (2018), 1124.

[7] Ibid., 57: AAS 110 (2018), 1127.

[8] Ara ibid., 37-39: AAS 110 (2018), 1121-1122.

[9] San Franġisk de Sales, Entretiens spirituels, Dernier entretien [21]: ed. Ravier – Devos, Paris 1969, 1319.

[10] Ibid., 1308.

[11] Ibid.

[12] Ittra lil Mons. Yves Boivineau, Isqof ta’ Annecy, fl-okkażjoni tal-400 anniversarju mill-Ordinazzjoni Episkopali ta’ San Franġisk de Sales, 23 ta’ Novembru 2002, 3: Insegnamenti di Giovanni Paolo II, XXV/2 (2002), 767.

[13] San Franġisk de Sales, Traité de l’amour de Dieu, Préface: ed. Ravier – Devos, Paris 1969, 336.

[14] Benedittu XVI, Katekeżi, 2 ta’ Marzu 2011: Insegnamenti, VII/1 (2011), 270.

[15] San Franġisk de Sales, Fragments d’écrits intimes, 3: Acte d’abandon heroïque, in Œuvres de Saint François de Sales, XXII (Opuscules, I), Annecy 1925, 41.

[16] Ara Diskors lill-Kummissjoni Teoloġika Internazzjonali (29 ta’ Novembru 2019): L’Osservatore Romano, 30 novembre 2019, p. 8.

[17] San Franġisk de Sales, Lett. 165: À Sa Sainteté Clément VIII (tmiem Ottubru 1602), in Œuvres de Saint François de Sales, XII (Lettres, II: 1599-1604), Annecy 1902, 128.

[18] H. Bremond, L’humanisme dévôt: 1580-1660, in Histoire littéraire du sentiment religieux en France: depuis la fin des guerres de religion jusqu’à nos jours, I, Jérôme Millon, Grenoble 2006, 131.

[19] San Franġisk de Sales, Lett. 168 Aux religieuses du monastère des Filles-Dieu (22 ta’ Novembru 1602), in Œuvres de Saint François de Sales, XII (Lettres, II: 1599-1604), Annecy 1902, 105.

[20] Benedittu XVI, Katekeżi, 2 ta’ Marzu 2011: Insegnamenti, VII /1 (2011), 272.

[21] San Franġisk de Sales, Lett. 1869: À M. Pierre Jay (1620 jew 1621), in Œuvres de Saint François de Sales, XX (Lettres, X: 1621-1622), Annecy 1918, 219.

[22] Ibid.

[23] Id., Traité de l’amour de Dieu, Préface: ed. Ravier – Devos, Paris 1969, 339.

[24] Ibid., 347.

[25] Ibid., 338-339.

[26] Ara Diskors lill-isqfijiet, saċerdoti, reliġjużi, seminaristi u katekisti, Bratislava, 13 ta’ Settembru 2021: L’Osservatore Romano, 13 settembre 2021, pp. 11-12.

[27] Ara ibid.

[28] San Franġisk de Sales, Traité de l’amour de Dieu, II, 12: ed. Ravier – Devos, Paris 1969, 444.

[29] “Bi ħbula ta’ bnedmin jien ġbidthom [Vulg: in funiculis Adam], b’rabtiet ta’ mħabba; u kont għalihom bħal min jerfa’ tarbija ma’ ħaddejh, u lejha mmil nitmagħha”.

[30] San Franġisk de Sales, Traité de l’amour de Dieu, II, 12: ed. Ravier – Devos, Paris 1969, 444.

[31] Ibid., II, 12: 444-445.

[32] Ibid., II, 9: 434.

[33] Ibid., II, 12: 446.

[34] Ritorniamo a sognare. La strada per un futuro migliore, Conversazione con Austen Ivereigh, Piemme, Milano 2020, 8.

[35] San Franġisk de SalesIntroduction à la vie dévote, I, 1: ed. Ravier – Devos, Paris 1969, 31.

[36] Ibid.: 31-32.

[37] Ibid.: 32.

[38] Ibid.

[39] Ibid.

[40] Ibid.: 33.

[41] Ibid., Préface: ed. Ravier – Devos, Paris 1969, 23.

[42] Epistola appostolika Sabaudiæ gemma, fir-IV ċentinarju mit-twelid ta’ San Franġisk de Sales, Duttur tal-Knisja (29 ta’ Jannar 1967): AAS 59 (1967), 119.

[43] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, 11.

[44] Eżortazzjoni appostolika Gaudete et exsultate, 11: AAS 110 (2018), 1114.

[45] Ibid.

[46] San Franġisk de SalesTraité de l’amour de Dieu, VII, 6: ed. Ravier – Devos, Paris 1969, 682.

[47] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 6: AAS 105 (2013), 1021-1022.

[48] San Franġisk de Sales, Traité de l’amour de Dieu, VII, 6: ed. Ravier – Devos, Paris 1969, 682-683.

[49] Ibid.: 683.

[50] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 2: AAS 105 (2013), 1019-1020.

[51] San Franġisk de Sales, Traité de l’amour de Dieu, VII, 7: ed. Ravier – Devos, Paris 1969, 685.

[52] Ibid.: 684.

[53] Ibid., VII, 8: 687.688.

[54] Ibid., XII, 13: 971.

[55] Ibid.

[56] Diskorsi, 350, 3: PL 39, 1535.