VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU F’BUDAPEST,

FL-OKKAŻJONI TAL-QUDDIESA TAL-GĦELUQ

TAT-52 KUNGRESS EWKARISTIKU INTERNAZZJONALI,

U FIS-SLOVAKKJA

(12-15 TA’ SETTEMBRU 2021)

 

KONFERENZA STAMPA TAL-PAPA

FIT-TITJIRA LURA MINN BRATISLAVA

 

Titjira Papali

L-Erbgħa 15 ta’ Settembru 2021

 

Matteo Bruni:

L-għodwa t-tajba, Santità. Grazzi ta’ dawn il-jiem li nfetħu bl-adorazzjoni Ewkaristika f’Budapest u għalqu biċ-ċelebrazzjoni u t-talb, magħqudin, dalgħodu f’Šaštin. Bejn iż-żewġ mumenti, tant immaġni, tant kliem, tant laqgħat, u hi ħaġa sabiħa li stajna nerġgħu nibdew niltaqgħu wiċċ imb wiċċ. Sbieħ ukoll il-parteċipazzjoni u l-ferħ tal-poplu ta’ Alla, f’dawn il-jiem.

 

Dawn il-jiem se nħarsu lura lejhom permezz tal-mistoqsijiet tal-ġurnalisti.

 

L-ewwel mistoqsija ġejja minn ġurnalista Ungeriż, is-Sur István Károly Kuzmányi, ta’ Magyar Kurír.

 

István Károly Kuzmányi, ta’ Magyar Kurír:

Santità, nirringrazzjawk taż-żjara tiegħek f’Budapest fejn ikkwotajt il-Venerabbli Kardinal József Mindszenty, li qal: “Jekk hemm miljun Ungeriż jitolbu, ma nibżax x’ġej għada”. U din hi l-mistoqsija tiegħi: għaliex iddeċidejt, wara 21 sena, li tieħu sehem bħala Papa fil-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali, u bdejt b’din il-ġrajja? Kif tista’ tara l-futur tal-Kristjaneżmu Ewropew u x’taħseb li nistgħu nagħmlu, aħna l-Ungeriżi, dwar dan? Grazzi.

 

Il-Papa Franġisku:

Tajjeb, grazzi, grazzi ħafna. Fil-bidu ma konniex ċerti: “Imma ġej biss għaċ-ċerimonja, u lilna l-Ungeriżi ma żżurniex?”, u kien hemm min ħadha ħażin. Le. Jiena spjegajt li kienet diġà ppjanata – imma f’moħħi – iż-żjara fis-Slovakkja, u għamiltha wara. Imma wegħidt lill-President tagħkom, li miegħu ltqajt – din hi t-tielet darba li qed niltaqa’ miegħu –, wegħidt li nara s-sena d-dieħla jew ta’ wara nkunx nista’ niġi, għax huma ħafna l-valuri tal-Ungeriżi… Laqatni s-sens tal-ekumeniżmu, ngħidu aħna, li għandkom intom, bi profondità tant kbira, kbira, kbira. U dan laqatni ħafna.

 

B’mod ġenerali, l-Ewropa jeħtieġ – dan dejjem ngħidu, nirrepetih – taqbad il-ħolmiet tal-kbar, tal-missirijiet fundaturi tal-Unjoni Ewropea. L-Unjoni Ewropea mhijiex – biex ngħidu hekk – laqgħa biex isiru l-affarijiet…, hija fatt spiritwali ħafna, hemm spirtu fil-bażi tal-Unjoni Ewropea, li ħolmuh Schuman, Adenauer, De Gasperi, dawn in-nies kbar: hemm bżonn nerġgħu lura hemm. Għax jeżisti periklu: li tkun biss uffiċċju li jmexxi, l-Unjoni Ewropea, u dan mhux sew. Jeħtieġ immorru proprju għall-mistika [għall-ispirtu], infittxu l-għeruq tal-Ewropa u mmexxuhom ’il quddiem. U nemmen li l-pajjiżi kollha għandhom jimxu ’l quddiem. Huwa minnu li xi interessi, forsi mhux Ewropej, jippruvaw jinqdew bl-Unjoni Ewropea għall-kolonizzazzjonijiet ideoloġiċi, u dan mhuwiex sew. Le, l-Unjoni Ewropea għandha tkun indipendenti fiha nfisha, u l-pajjiżi kollha fuq l-istess livell, imnebbħin mill-ħolma tal-fundaturi l-kbar. Din hi l-idea tiegħi. U intom l-Ungeriżi: magħkom kont is-sena l-oħra [sentejn ilu] fit-Transilvanja. Kienet sabiħa wisq dik il-Quddiesa bl-Ungeriż!

 

Matteo Bruni:

Grazzi, Dr Kuzmányi. It-tieni mistoqsija ġejja minn Bohumil Petrik, ta’ Dennik Standard:

 

Bohumil Petrik ta’ Dennik Standard:

Dennik Standard ma’ RTVS, nistaqsu: it-tilqima qasmet l-Insara fi tnejn, anki fis-Slovakkja. Int tgħid li hu sewwasew att ta’ mħabba li wieħed jieħu t-tilqima. U allura, meta ma teħodhiex, xi ssejħilha? Għax xi Nsara, ukoll, ħassewhom diskrimanti. Hemm anki diversi approċċi fid-diversi djoċesijiet fuq dan il-punt: anki qabel iż-żjara tiegħek, kienu ħa jkunu jistgħu jidħlu għall-avventimenti papali tiegħek biss dawk imlaqqma, imbagħad inbidlet, setgħu jidħlu wkoll dawk li għamlu swab. U allura, ilkoll kemm aħna rridu nafu: kif nistgħu ningħaqdu, kif nistgħu nirrikonċiljaw ruħna fuq din it-tema?

 

Il-Papa Franġisku:

Dan hu importanti. Ħaġa ftit stramba, għax l-umanità għandha storja ta’ ħbiberija mat-tilqim: sa minn meta nkunu tfal aħna, anki kontra l-ħosba, dak l-ieħor, tal-poljo… It-tfal kollha jiġu mlaqqma u ħadd ma jgħid “imma”… F’dan il-każ li seħħ hekk. Forsi, ġara hekk minħabba l-aggressività u l-inċertezza mhux biss tal-pandemija, imma anki d-differenzi fit-tilqimiet, u anki minħabba l-fama ta’ xi tilqim li mhux adatt jew hu xi ftit iktar minn ilma distillat. Dan ħoloq ċertu biża’ fin-nies. Imbagħad, oħrajn jgħidu li hemm periklu għax it-tilqima tidħollok fuq ġewwa, u tant argumentazzjonijiet li ħolqu din il-qasma. Anki fil-Kulleġġ Kardinalizju hemm xi “negazzjonisti” u wieħed minn dawn, miskin, hu rikoverat bil-virus. Imma, x’ironija l-ħajja… Iva, jien dan ma nafx nispjegah sew: xi wħud jgħidu li ġej mid-differenza tal-provenjenza tat-tilqimiet li ma ġewx sperimentati biżżejjed u allura jibżgħu. Imma rridu nagħmluha ċara, niċċaraw u nitkellmu b’serenità fuq dan. Fil-Vatikan, kulħadd hu mlaqqam, barra grupp żgħir ħafna li qed naraw kif l-aħjar ngħinuhom.

 

Matteo Bruni:

Grazzi, Bohumil, grazzi, Santità. It-tielet mistoqsija ġejja minn Daniel Verdú Palay ta’ El Pais:

 

Daniel Verdú Palay ta’ El Pais:

Il-ġurnata t-tajba, Santità, kif int? Il-Ħadd filgħodu int iltqajt mal-Prim Ministru Viktor Mihály Orbán; huma magħrufa jew wieħed jifhem ċerti diverġenzi tiegħek fuq temi bħall-migranti, l-Ewropa, in-nazzjonaliżmi… Xtaqt nistaqsik u nkun naf kif marret il-laqgħa, jekk missejtux it-tema tal-migranti, li issa reġgħet importanti ħafna bil-kriżi tal-Afganistan, u x’jidhirlek mil-liġijiet li hu ħareġ fuq l-omosesswali. Qed nistaqsuk dan anki għax naħsbu li int tlabtu ma jħallix l-Ungerija Nisranija tmut, imma meta tisma’ d-diskorsi tiegħek ta’ dawn il-jiem bħal jidher li xi kultant hi din it-tip ta’ politika li toqtol il-valuri Nsara.

 

Il-Papa Franġisku:

Tajjeb ferm. Jiena rċivejt iż-żjara, għax kien il-President li ġie għandi, kelli din il-kortesija, din il-ġentilezza, ġie – it-tielet darba din li ltqajt miegħu – ġie mal-Prim Ministru u l-Viċi Prim Ministru, kienu tlieta. Imma tkellem il-President. L-ewwel suġġett kien l-ekoloġija. Tassew, chapeau lilkom l-Ungeriżi għall-kuxjenza ekoloġika li għandkom. Impressjonanti. Spjegali kif jissaffew ix-xmajjar…, tant affarijiet li jien ma kontx naf! U din kienet il-ħaġa prinċipali. Imbagħad staqsejtu fuq l-età medja, għax jiena nħossni mħasseb fuq ix-xitwa demografika. Fl-Italja, jekk m’iniex sejjer żball, l-età medja hi ta’ 47 u naħseb li Spanja agħar minn hekk. Tant irħula vojta jew bi ftit għexieren ta’ anzjani… hu tħassib serju… Kif se nsolvuh? U hemm il-President fissirli – dejjem il-President – fissirli l-liġi li għandhom biex jgħinu l-koppji żgħażagħ jiżżewġu, u jkollhom l-ulied. Interessanti. Hija liġi… ma nafx… li tixbah mhux ħażin lil dik Franċiża imma hi iżjed żviluppata. Għalhekk il-Franċiżi ma għandhomx it-traġedja li għandha Spanja u li għandna aħna [fl-Italja]. Fissruli dan u żiedu miegħu xi ħaġa teknika t-tnejn l-oħra, il-Prim Ministru u l-Viċi, kif inhi din il-liġi. U mbagħad… fuqiex iżjed tkellmu? Fuq il-migrazzjoni xejn, le, ma tkellimniex. U mbagħad erġajna lura mill-ġdid fuq l-ekoloġija, u iva, il-familja, fis-sens ta’ dak li jiena staqsejt, u nistgħu naraw li hemm tant nies żgħażagħ, tant tfal. Imma anki fis-Slovakkja: jiena bqajt mistagħġeb, tant tfal u tant koppji żgħażagħ, u din hija wegħda. Issa l-isfida hi li nfittxu postijiet tax-xogħol, biex ma jkollhomx għax iħallu l-pajjiż, għax jekk ma jkunx hemm postijiet tax-xogħol, ikollhom isiefru biex ifittxu xogħol. Dawn kienu s-suġġetti. Tkellem dejjem il-President u ż-żewġ Ministri żiedu xi tagħrif biex jippreċiżaw. Kien hemm atmosfera tajba. U domna mhux ħażin, naħseb xi 35-40 minuta.

 

Matteo Bruni:

Grazzi, Santità; grazzi, Daniel. Ir-raba’ mistoqsija ġejja minn Jerry O’Connell, li se jagħmel mistoqsija f’isem American Magazine:

 

Gerard O’Connell, American Magazine:

Qabelxejn, li lkoll ninsabu kuntenti li l-intervent kirurġiku kellu riżultat mill-aqwa, u rġajt qisek żagħżugħ.

 

Il-Papa Franġisku:

Qalli xi ħadd li ried jagħmel dan l-intervent, ma nafx min kien, kont smajt… Imma ma kinitx xi ħaġa estetika!

 

Gerard O’Connell, American Magazine:

Santità, int spiss għidt li aħna lkoll midinbin u li l-Ewkaristija mhijiex xi premju għall-perfetti imma mediċina u ikel għad-dgħajfin. Kif taf, fl-Istati Uniti, speċjalment wara l-aħħar elezzjonijiet, imma anki mill-2004 ’il quddiem, inħolqot bejn l-Isqfijiet diskussjoni fuq it-tqarbin lill-politiċi li imbuttaw liġijiet favur l-abort u d-dritt tal-mara li tagħżel. U kif taf, hemm Isqfijiet li jridu jċaħħdu t-tqarbin lill-President u lil nies f’karigi oħra għolja; hemm Isqfijiet oħrajn li huma kontra, hemm xi Isqfijiet li jgħidu: “Ma rridux nużaw l-Ewkaristija bħala arma”. Il-mistoqsija tiegħi hi din: int x’taħseb minn din ir-realtà kollha, u x’parir tagħti lill-Isqfijiet? Imbagħad, it-tieni mistoqsija: int, bħala Isqof, f’dawn is-snin kollha, qatt irrifjutajt pubblikament l-Ewkaristija lil xi ħadd minn dawn?

 

Il-Papa Franġisku:

Le, jiena qatt ma rrifjutajt l-Ewkaristija lil ħadd, lil ħadd. Ma nafx qatt ġie xi ħadd li kien f’dawn il-kundizzjonijiet, imma jiena qatt, qatt ma ċaħħadt lil ħadd mill-Ewkaristija. U dan diġà minn meta kont qassis. Qatt. Imma qatt ma kont konxju li għandi quddiemi persuni kif qed tiddeskrivi int, dan hu veru. Sempliċiment, l-unika darba li kelli xi ftit… ħaġa simpatika, kienet meta mort niċċelebra l-quddiesa f’dar tal-anzjani u konna fis-salott u għidt: “Min irid jitqarben, jgħolli idu”: kollha, ix-xjuħ, kollha riedu jitqarbnu, u meta qarbinthom waħda mara qabditli idi u qaltli: “Grazzi, Dun, grazzi. Jiena Lhudija…”. Jiena għidt: “Le… Anki dak li tajtek hu Lhudi… Immexxu”. Din hi l-unika ħaġa stramba, imma dik il-mara ma kinitx qaltli qabel, qaltli wara. Le. It-tqarbin mhuwiex premju għall-perfetti. Jiġini f’moħħi Port Royal, il-problema ta’ Angélique Arnaud, il-Ġanseniżmu: il-perfetti jistgħu jitqarbnu. It-tqarbin huwa don, rigal; il-preżenza ta’ Ġesù fil-Knisja tiegħu u fil-komunità. Din hi t-teoloġija. Imbagħad, dawk li mhumiex fil-komunità ma jistgħux jitqarbnu, bħal din is-sinjura Lhudija; imma l-Mulej ried jippremjaha bla ma kont naf jien. Għaliex? Għax qegħdin barra mill-komunità, ex-comunitate – skumnikati, jissejħu. Huwa terminu iebes, imma dan ifisser li mhumiex fil-komunità, jew għax ma jagħmlux parti minnha, mhumiex mgħammdin, jew għax tbiegħdu minħabba xi ħaġa.

 

It-tieni, il-problema tal-abort. L-abort hu iżjed minn problema, l-abort hu omiċidju. L-abort… bla ma noqogħdu nomogħduha: min jagħmel abort, ikun joqtol. Aqbdu liema ktieb ta’ embrijoloġija tridu, minn dawk li jistudjaw l-istudenti fil-fakultajiet tal-Mediċina. It-tielet ġimgħa mit-tnissil, fit-tielet ġimgħa, tant drabi qabel ma l-omm tintebaħ, l-organi kollha diġà jkunu hemm, kollha, anki d-DNA. Dik mhijiex persuna? Hija ħajja umana, daqshekk. U din il-ħajja umana trid tiġi rrispettata. Dan il-prinċipju huwa hekk ċar, u lil min ma jistax jifhmu jien nagħmillu żewġ mistoqsijiet: sewwa li toqtol ħajja umana biex issolvi problema? Xjentifikament hija ħajja umana. It-tieni mistoqsija: sewwa li tikri assassin biex issolvi problema? Dan għidtu pubblikament lil Jordi Evole meta għamilt [l-intervista] Għidtu l-aħħar darba lill-Cope [radju Kattoliku Spanjol], ridt nirrepetih… u daqshekk. Ma nagħmlux mistoqsijiet strambi. Xjentifikament hija ħajja umana. Il-kotba jgħallmuna. Jiena nistaqsi: tajjeb li tneħħiha min-nofs, biex issolvi problema? Għalhekk il-Knisja hi hekk iebsa fuq dan l-argument, għax, jekk taċċetta dan, qisha qed taċċetta omiċidju ta’ kuljum. Kien qed jgħidli Kap ta’ Stat li t-tnaqqis fil-popolazzjonijiet minn hemm beda, għandhom vojt tal-età, għax f’dawk is-snin kien hemm liġi tal-abort tant b’saħħitha li għamlu sitt miljun abort, jikkalkulaw, u dan ġab tnaqqis kbir ħafna fis-soċjetà ta’ dak il-pajjiż. Issa mmorru għal dik il-persuna li mhijiex fil-komunità, ma tistax titqarben, għax tinsab barra mill-komunità, u din mhix xi piena. Le, int tinsab barra. It-tqarbin ifisser li tingħaqad mal-komunità. Imma l-problema mhijiex teoloġika, li hi sempliċi, il-problema hi pastorali, kif aħna l-isqfijiet għandna nimxu pastoralment fuq dan il-prinċipju. U jekk aħna naraw l-istorja tal-Knisja, naraw li kull darba li l-isqfijiet ma mxewx bħala ragħajja dwar problema, daħlu fil-kamp politiku, fil-problema politika. Għax ma ħadux ħsieb tajjeb ta’ problema, marru fuq in-naħa tal-politika. Niftakru fil-lejl ta’ San Bartilmew: “Eretiċi! Iva, l-ereżija hi gravi ħafna, inħanxruhom kollha!”. Le, dan hu fatt politiku. Naħsbu f’Jeanne d’Arc, f’dik il-viżjoni, naħsbu fil-kaċċa għas-sħaħar… dejjem. Naħsbu f’Campo de’ Fiori, f’Savonarola, f’dawn in-nies kollha: meta l-Knisja biex tiddefendi prinċipju ma tagħmilx hekk pastoralment, tispiċċa tirfes fil-kamp politiku. U dan dejjem hekk kien, biżżejjed inħarsu lura lejn l-istorja. U x’għandu jagħmel ir-ragħaj? Ikun ragħaj. Ikun ragħaj u ma joqgħodx jikkundanna, ma jikkundannax: ikun ragħaj. Imma ragħaj ukoll tal-iskumnikati? Iva, hu ragħaj u għandu jkun ragħaj miegħu, ikun ragħaj bl-istil ta’ Alla. U l-istil ta’ Alla hu qrubija, ħniena u ħlewwa. Il-Bibbja kollha tgħidu dan. Qrubija, diġà fid-Dewteronomju, fejn jgħid lil Iżrael: “Għidli liema popli għandhom l-allat tagħhom hekk qrib tagħhom kif int għandek lili?”. Qrubija, ħniena. Il-Mulej li tiġih ħniena minna. Naqraw f’Eżekjel, naqraw f’Hosegħa. Diġà sa mill-bidu hu ħlewwa u tjieba. Biżżejjed inħarsu lejn il-Vanġelu u l-ħwejjeġ ta’ Ġesù. Ragħaj li ma jafx jimxi bl-istil ta’ Alla, jiżloq fin-niexef u jispiċċa jagħmel ħafna affarijiet li ma jixirqux lil ragħaj.

 

Għalija… Ma rridx nidħol f’dettalji, għax int tkellimt fuq l-Istati Uniti, għax ma nafx tajjeb id-dettalji, qed nagħti l-prinċipju. Int tista’ tgħidli: jekk int qrib ta’ persuna, int twajjeb, turi ħniena ma’ persuna, tqarbinha? Din hi ipoteżi. Kun ragħaj, ir-ragħaj jaf x’għandu jagħmel f’kull mument, imma bħala ragħaj. Imma jekk joħroġ minn din il-pastoralità tal-Knisja, immedjatament isir politiku. Dan tarawh fil-kundanni kollha, fil-kundanni kollha mhux pastorali li tagħmel il-Knisja. B’dan il-prinċipju nemmen li ragħaj jista’ jimxi tajjeb. Il-prinċipji huma tat-teoloġija. Il-pastorali hija t-teoloġija u l-Ispirtu s-Santu li jdawlek biex tagħmel dan bl-istil ta’ Alla. Jien sa hawn nissogra ngħid. Jekk int tgħidli: imma tista’ jew ma tistax tqarben? Hi każistika, din, li jagħmluha t-teologi. Int tiftakar xi rwiefen qamu kontra l-Amoris lætitia, meta ħareġ dak il-kapitlu ta’ akkumpanjament lill-miżżewġin separati, divorzjati: “Ereżija, ereżija!”. Imnalla kien hemm il-Kardinal Schönborn hemm, li hu teologu kbir u ċċara l-affarijiet. Imma hemm dejjem din il-kundanna, kundanna… Daqshekk skomuniki, nitlobkom, ejjew ma niskumnikaw lil ħadd iżjed. Povri nies, huma wlied Alla, jinsabu barra temporanjament, imma huma wlied Alla u jridu u għandhom bżonn tal-qrubija pastorali tagħna. Imbagħad ir-ragħaj ħa jsolvi l-affarijiet skont kif inebbħu l-Ispirtu.

 

Matteo Bruni:

Grazzi, Santità. Grazzi, Gerry. Il-mistoqsija li jmiss, forsi għandna żmien għal mistoqsa oħra mingħand Stefano Maria Paci ta’ SkyTg24. F’idejk, Stefano.

 

Stefano Maria Paci, Sky Tg24:

Il-ġurnata t-tajba, Santità. Għax nafek, jiena nemmen li dan il-messaġġ li se ngħaddilek, int se tqisu bħal rigal. Billi taf li jien nivvjaġġa miegħek fit-titjiriet, talbitni ngħaddihulek, bagħtithuli lbieraħ filgħaxija Edith Bruck, il-kittieba Lhudija li ta’ 13-il sena kienet ġiet deportata f’Auschwitz, rebbieħa din is-sena tal-Premju Strega giovani, u int, ħaġa mhux tas-soltu, kontu mort iżżurha f’darha fiċ-ċentru ta’ Ruma biex tiltaqa’ magħha. Hu messaġġ twil iffirmat “Oħtok Edith”, li fih tirringrazzjak għall-appelli u ġesti mtennija tiegħek kontra l-antisemitiżmu f’dan il-vjaġġ. L-ewwel kelmiet huma: “Maħbub Papa Franġisku, kliemek fuq l-antisemitiżmu, li għadu ma nqalax minn għeruqu, illum hu attwali iżjed minn qatt qabel, mhux biss fil-pajjiżi li qed iżżur, imma fl-Ewropa kollha”.

 

Il-Papa Franġisku:

Hu minnu dan. L-antisemitiżmu hu moda llum, qed jerġa’ jirxoxta. Hu ħaġa kerha, kerha, kerha.

 

Stefano Maria Paci:

U l-mistoqsija hi fuq il-familja. Int tkellimt ħafna dwarha mal-Awtoritajiet Ungeriżi, erġajt tkellimt fuqha lbieraħ fil-laqgħa maż-żgħażagħ. U minn Strasbourg proprju lbieraħ waslet l-aħbar ta’ riżoluzzjoni tal-Parlament Ewroprew li tistieden lill-Istati membri jirrikonoxxu ż-żwiġijiet omosesswali u relazzjonijiet ta’ ġenitorjalità marbuta magħhom. Santità, x’taħseb int dwar dan?

 

Il-Papa Franġisku:

Dwar dan tkellimt ċar. Iż-żwieġ hu sagrament. Iż-żwieġ hu sagrament. Il-Knisja m’għandhiex is-setgħa li tibdel is-sagramenti kif għamilhom il-Mulej. Dawn huma liġijiet li jfittxu jgħinu s-sitwazzjonijiet ta’ tant nies, ta’ orjentament sesswali differenti. U dan hu importanti, li ngħinu lin-nies. Imma mingħajr ma nimponu ħwejjeġ li, minħabba n-natura tagħha, fil-Knisja ma jmorrux. Imma jekk huma jridu jgħixu ma’ xulxin, koppja omosesswali, l-Istati għandhom il-possibbiltà li ċivilment jgħinuhom, li jagħtuhom iċ-ċertezza ta’ wirt, ta’ saħħa… Il-Franċiżi għandhom liġi fuq hekk, mhux biss għall-omosesswali, imma għall-persuni kollha li jridu jkunu ma’ xulxin. Imma ż-żwieġ huwa ż-żwieġ. Dan ma jfissirx li nikkundannaw il-persuni li huma hekk, le, nitlobkom, huma ħutna. Irridu nakkumpanjawhom. Imma ż-żwieġ bħala sagrament hu ċar, hu ċar. Ħa jkun hemm liġijiet ċivili li… Tliet romol, ngħidu aħna, li jridu jingħaqdu flimkien taħt liġi biex ikollhom is-servizz tas-saħħa, biex imbagħad ikun hemm il-wirt bejniethom, dawn affarijiet li jsiru. Dan hu l-Pacs Franċiż, imma m’għandux x’jaqsam mal-koppji omosesswali; il-koppji omosesswali jistgħu jużawh, jistgħu jużawh, imma ż-żwieġ bħala sagrament hu bejn raġel u mara. Xi drabi, fuq dak li ngħid jien, tinħoloq konfużjoni. Iva, jeħtieġ, ilkoll ugwali, nirrispettaw lil kulħadd; il-Mulej hu tajjeb u jsalva lil kulħadd. Dan ma ngħiduhx ngħajtu [jidħak], imma l-Mulej irid is-salvazzjoni ta’ kulħadd. Imma nitlobkom biex ma nġagħlux il-Knisja tiċħad il-verità tagħha. Ħafna, ħafna persuni ta’ orjentament omosesswali jersqu għas-Sagrament tal-Penitenza u jersqu jitolbu parir lis-saċerdoti, u l-Knisja tgħinhom jibqgħu mexjin ’il quddiem f’ħajjithom, imma s-Sagrament taż-Żwieġ mhux għalihom. Grazzi.

 

Matteo Bruni:

Grazzi, Santità

 

Il-Papa Franġisku:

U grazzi lilkom! Tridu ngħidilkom xi ħaġa sabiħa fuq waħda minnkom? Dan sa nħallihulkom bħala fjurett qabel immur. Qalu li din il-ġurnalista ssibha disposta 24 siegħa fix-xogħol tagħha, li dejjem tħalli lill-oħrajn jgħaddu qabilha, u hi wara, u li dejjem tagħti l-kelma lill-oħrajn u hi tiskot. Sabiħ li fuq ġurnalista jgħidu dan, u dan jgħidu Manuel Beltran fuq Eva Fernandez tagħna. Grazzi!

 

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard