VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

F’ĊIPRU U FIL-GREĊJA

(2-6 TA’ DIĊEMBRU 2021)

KONFERENZA STAMPA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

FIT-TITJIRA LURA MILL-GREĊJA

Titjira Papali

It-Tnejn 6 ta’ Diċembru 2021

 

Matteo Bruni

L-għodwa t-tajba, Santità! L-għodwa t-tajba u grazzi li mexxejtna f’dawn il-jiem intensi, anki biex immissu b’idejna dawk li inti sejjaħtilhom “pjagi”. U grazzi anki għal dan il-ħin, biex nistgħu nitkellmu flimkien. Grazzi.

 

Il-Papa Franġisku

L-għodwa t-tajba, u grazzi! Bżajt li mhix ħa taħdem il-biċċa, minħabba li ttardjajna, imma jidher li ħa naħdmu. Grazzi ħafna u nixtieq nisma’ l-mistoqsijiet tagħkom.

 

Matteo Bruni

Grazzi, Santità. L-ewwel mistoqsija ġejja minn Constandinos Tzindas tat-televiżjoni ta’ Ċipru.

 

Constandinos Tzindas mit-televiżjoni ta’ Ċipru

Santità, grazzi tal-opportunità u taż-żjara tiegħek f’Ċipru u fil-Greċja. Santità, l-osservazzjonijiet qawwija tiegħek fuq id-djalogu interreliġjuż [ekumeniku] kemm f’Ċipru u kemm fil-Greċja qajmu aspettattivi stimulanti fuq livell internazzjonali. Jgħidu li l-aktar ħaġa diffiċli hi li titlob skuża. Int dan għamiltu b’mod spettakolari. Imma fil-prattika x’inhu dak li qed jipprogramma l-Vatikan biex iġib flimkien il-Kristjanità Kattolika u dik Ortodossa? Hemm ipprogrammat Sinodu?

 

Li nkunu sinodali hi s-sustanza tal-fidi Nisranija, li l-oriġni tagħha qiegħda fit-Trinità u li tidher fil-vuċi komuni tal-Knisja fid-dinja. Kif hu ppruvat illum, f’ambjent globalizzat u diżumanizzat, Knisja magħquda biss tista’ tassew tkun effikaċi. San Ġwann Kriżostmu, kif għidt int, huwa eżempju tal-iskambju bejn il-ħsieb Grieg u dak Kristjan; hu stqarr li “f’termini umani l-Knisja hija kleru u lajċi, waqt li għal Alla aħna lkoll il-merħla tiegħu”.

 

Flimkien mal-Patrijarka Ekumeniku Bartilmew, int sejjaħt lill-Insara kollha biex jiċċelebraw fl-2025 is-17-il seklu tal-ewwel Sinodu ekumeniku ta’ Nicea. Liema huma l-passi ’l quddiem f’dan il-proċess?

 

U fl-aħħar nett – skużani ta’ din il-mistoqsija twila, imma hi fl-ispirtu tal-vjaġġ tiegħek – dan l-aħħar fl-UE ġiet espressa viżjoni partikulari: flok l-awguri tal-“Milied it-tajjeb” poġġejna “l-btajjel it-tajba”. Għaliex il-persuni mhumiex jirrealizzaw li l-fidi Nisranija mhijiex ideoloġija imma esperjenza ta’ ħajja li timmira biex twassal lill-bnedmin miż-żmien fuq din l-art għall-eternità? Allura neżisti jien u sieħbi wkoll jista’ jeżisti. Huwa l-aħna u mhux il-jien. Grazzi ħafna, Santità.

 

Il-Papa Franġisku

Iva, grazzi. Tlabt maħfra, tlabt maħfra quddiem Ieronymos, ħija Ieronymos. Tlabt skuża għall-firdiet kollha li hemm fost l-Insara, imma fuq kollox għal dawk li pprovokajna aħna l-Kattoliċi. Ridt ukoll nitlob maħfra, bi ħsiebi fil-Gwerra tal-Indipendenza. Ieronymos kien għallimni xi ħaġa: li parti mill-Kattoliċi skjerat ruħha mal-gvernijiet Ewropej biex ma tingħatax l-indipendenza Griega; imma fil-gżejjer, il-Kattoliċi tal-gżejjer, appoġġjaw l-indipendenza, marru għall-gwerra, xi wħud taw ħajjithom għal pajjiżhom. Imma ċ-ċentru – biex ngħidu hekk – f’dak il-mument skjera ruħu mal-Ewropa… U tlabt maħfra wkoll għall-iskandlu tal-firda, tal-inqas għal dak li għandna tort tiegħu aħna. L-ispirtu tal-awtosuffiċjenza. Nagħlqu ħalqna meta nisimgħu li jeħtieġ nitolbu maħfra, imma lili dejjem jiswieli ta’ ġid naħseb li Alla qatt ma jegħja jaħfer, qatt. Aħna li negħjew nitolbu maħfra, u meta ma nitolbux maħfra lil Alla, diffiċilment se nitolbuha lil ħutna. Huwa iżjed diffiċli nitolbu maħfra lil ħuna milli lil Alla, għax aħna nafu li hu jgħid: “Iva, mur, mur, int maħfur”. Imma, ma’ ħutna, hemm il-mistħija u l-umiljazzjoni… Imma fid-dinja tal-lum irid ikollok l-atteġġjament ta’ umiljazzjoni u titlob maħfra. Tant qed jiġru affarijiet fid-dinja, tant ħajjiet jintilfu, tant gwerer… Kif nistgħu ma nitolbux maħfra?

 

Lura għal dan, ridt nitlob maħfra għall-firdiet, tal-inqas għal dawk li ġibna b’idejna aħna. Għall-oħrajn, dan għandu jagħmlu min hu responsabbli għalihom, imma għal tagħna nitlob maħfra jien. U anki għal dak l-episodju tal-gwerra, fejn parti mill-Kattoliċi marret man-naħa tal-gvern Ewropew, u dawk tal-gżejjer marru fi gwerra biex jiddefendu… Ma nafx hux biżżejjed…

 

U anki ħaġa tal-aħħar – din ħarġet minn qalbi –: għall-iskandlu tat-traġedja tal-migranti, għall-iskandlu ta’ tant ħajjiet mgħarrqa fil-baħar.

 

Matteo Bruni

It-tieni mistoqsija kienet fuq l-aspett sinodali. Hu jikteb: “Il-Knisja hija sintesi, f’termini umani l-Knisja hija kleru u lajċi, waqt li għal Alla aħna merħla waħda”.

 

Il-Papa Franġisku

Iva, aħna merħla waħda, dan hu minnu. U din il-firda – kleru u lajċi – hija firda funzjonali, iva, ta’ kwalifika, imma hemm għaqda, merħla waħda. U d-dimanika bejn id-differenzi fil-Knisja hija s-sinodalità: jiġifieri nagħtu widen għal xulxin, u nimxu flimkien. Syn odòs: nimxu t-triq flimkien. Dan huwa s-sens tas-sinodalità. Il-Knejjes tagħkom Ortodossi, anki l-Knejjes Kattoliċi Orjentali, żammewh dan. Imma l-Knisja Latina kienet insietu s-Sinodu, u kien San Pawlu VI li reġa’ fetaħ din il-mixja sinodali, 54, 56 sena ilu. U qed nagħmlu mixja biex nerġgħu nidraw fis-sinodalità, li nimxu flimkien.

 

Matteo Bruni

L-aħħar mistoqsija mbagħad kienet fuq il-Milied, fejn jgħid: “Possibbli mhumiex jifhmu li l-Kristjaneżmu mhuwiex ideoloġija, imma esperjenza ta’ ħajja?”. Iridu jħassru…

 

Il-Papa Franġisku

Aħ, int qed tirreferi għad-dokumenti tal-Unjoni Ewropea fuq il-Milied… Huwa anakroniżmu dan. Fl-istorja kien hemm ħafna u ħafna dittaturi li ppruvaw jagħmluh dan. Jiġini f’moħħi Napuljun. Tiġini f’moħħi d-dittatura Nażista, jew dik Komunista… Hija moda ta’ lajċità żvojtata, ilma distillat… Imma din il-ħaġa fl-istorja ma ħadmitx. Dan iġagħalni naħseb f’ħaġa, la qed nitkellmu fuq l-Unjoni Ewropea, li naħseb hemm bżonnha: l-Unjoni Ewropea għandha taqbad f’idejha l-ideali tal-Missirijiet fundaturi tagħha, li kienu ideali ta’ għaqda, ta’ kobor, u toqgħod attenta biex ma tagħmilx wisa’ għall-kolonizzazzjonijiet ideoloġiċi. Dan jista’ jasal biex jifred il-pajjiżi u l-Unjoni Ewropea tispiċċa tfalli. L-Unjoni Ewropea għandha tirrispetta lil kull pajjiż kif inhu strutturat minn ġewwa. Il-varjetà tal-pajjiżi, u mhux tipprova tagħmel lil kulħadd uniformi. Jiena nemmen li mhix se tagħmel hekk, ma kinitx l-intenzjoni tagħha, imma aħjar toqgħod attenta, għax xi drabi jiġu u jixħtu hemm proġetti bħal dan u ma jafux x’inhuma jagħmlu… Le, kull pajjiż għandu l-partikularità tiegħu, imma kull pajjiż hu miftuħ għall-oħrajn. Unjoni Ewropea: is-sovranità tagħha, is-sovranità tal-aħwa f’għaqda li tirrispetta s-singularità ta’ kull pajjiż. U noqogħdu attenti biex ma nkunux aħna li nġorru kolonizzazzjonijiet ideoloġiċi. Għalhekk, dak l-intervent fuq il-Milied hu anakroniżmu.

 

Matteo Bruni

Grazzi, Santità. It-tieni – jew it-tielet mistoqsija, ladarba kellna dawn – ġejja minn Iliana Magra, ta’ Kathīmerinī: gazzetta ta’ kuljum Griega.

 

Iliana Magra, minn Kathīmerinī

L-għodwa t-tajba, Santità, grazzi taż-żjara tiegħek il-Greċja. Matul id-diskors tiegħek fil-Palazz Presidenzjali ta’ Ateni, int tkellimt fuq “irtirata” tad-demokrazija fid-dinja, u b’mod partikulari fl-Ewropa…

 

Matteo Bruni

[jittraduċi għall-Papa…] Tkellimt fuq demokrazija li marret lura, demokrazija li qed iċċedi l-ispazju tagħha, li qd iċċedi…

 

Iliana Magra

Tista’ tgħidilna xi ħaġa fuq dan, u tista’ tgħidilna għal liema pajjiżi kont qed tirreferi? U x’tgħidilhom lill-mexxejja u lill-eletturi tal-lemin estrem fl-Ewropa, li jistqarru li huma Nsara devoti, imma fl-istess waqt jippromovu valuri u politika mhix demokratika?

 

Il-Papa Franġisku

Iva, id-demokrazija hija teżor, teżor ta’ ċiviltà, u għandna nieħdu ħsiebu, nieħdu ħsiebu, u mhux biss tieħu ħsiebu entità superjuri, imma jieħdu ħsiebu l-istess pajjiżi bejniethom: nieħdu ħsieb id-demokrazija tal-oħrajn. Jeħduha kontra d-demokrazija jiena llum forsi nara żewġ perikli. Wieħed hu dak tal-populiżmi, li jinsab hawn, hemm, hemm, u jibdew juru snienhom. U jiena jiġini f’moħħi populiżmu kbir tas-seklu l-ieħor: in-Nażiżmu. In-Nażiżmu kien populiżmu li, huwa u jiddefendi l-valuri nazzjonali – hekk kienu jgħidu – irnexxielu jeqred il-ħajja demokratika, anzi, bil-qtil tan-nies, irnexxielu jeqred, sar dittatura tat-tixrid tad-demm. Illum ngħid – għax int staqsejtni fuq il-gvernijiet tal-lemin – li għandna noqogħdu attenti li l-gvernijiet – ma ngħidx il-gvernijiet tal-lemin jew tax-xellug, imma ħaġa oħra –: li l-gvernijiet ma jiżolqux f’din it-triq tal-populiżmi, tal-hekk imsejħa politikament “populiżmi”. Li ma għandhom xejn x’jaqsmu mal-popolariżmi, li huma l-espressjoni tal-popli, ħielsa: il-poplu li juri min hu bl-identità tiegħu, bil-folklor tiegħu, il-valuri tiegħu, l-arti tiegħu, u jżomm sħiħ. Il-populiżmu hu ħaġa, il-popolariżmu oħra. Minn naħa d-demokrazija tiddgħajjef, tidħol ftit ftit fi triq għan-niżla, meta jiġu ssagrifikati l-valuri nazzjonali, jitmermru għax ikunu mexjin lejn – ħa ngħidu kelma kerha, ma nixtieqx nuża lilha imma m’iniex insib oħra – lejn “imperu”, speċi ta’ gvern sopranazzjonali. U din hija ħaġa li għandha tħassibna. La rridu naqgħu fil-populiżmi, fejn nagħmlu dak li jrid il-poplu, imma ma jkunx il-poplu, għax tkun id-dittatura tagħna u ta’ dawk l-oħrajn – int ara n-Nażiżmu –; lanqas irridu nispiċċaw inġibu fix-xejn l-identitajiet tagħna fi gvern internazzjonali. Dwar dan hemm rumanz miktub fl-1903. Int ħa tgħidli li hu antikwat dan il-Papa fil-letteratura… Miktub minn Benson, awtur Ingliż. Dan Benson kiteb rumanz li jismu The Lord of the Earth jew The Lord of the World għandu ż-żewġ titli –, li joħlom il-futur bi gvern internazzjonali fejn, bil-miżuri ekonomiċi, il-miżuri politiċi, jiggverna lill-pajjiżi l-oħra kollha. U meta jkun hemm dan il-gvern, dan it-tip ta’ gvern – ifisser huwa – tintilef il-libertà u jippruvaw jagħmlu ugwaljanza waħda għal kulħadd. Imma dan jiġri meta jkun hemm superpotenza li tiddetta l-imġibiet kulturali, ekonomiċi u soċjali lill-pajjiżi l-oħra. Id-demokrazija tiddgħajjef, iva, minħabba l-periklu tal-populiżmi – li mhumiex il-popolariżmu, dan ħaġa sabiħa –, u l-periklu ta’ dawn ir-riferimenti għal potenzi internazzjonali: riferimenti ekonomiċi, kulturali, ikunu liema jkunu. Ma nafx, dan hu li jiġini f’moħħi, jiena m’iniex xjenzat politiku, nitkellem minn dak li nara.

 

Matteo Bruni

Grazzi, Santità. It-tielet mistoqsija ġejja minn Manuel Schwartz tad-Dpa (Deutsche Presse-Agentur), l-aġenzija stampa Ġermaniża.

 

Manuel Schwartz, Deutsche Presse-Agentur

Santità, qabelxejn grazzi li ġibtna miegħek f’dan il-vjaġġ importanti. Il-migrazzjoni hija tema ċentrali mhux biss fil-Mediterran, imma anki f’partijiet oħra tal-Ewropa, fuq kollox fl-Ewropa tal-Lvant, f’dawn il-jiem, b’tant barbed wire, kif sejjaħtlu inti, u anki bil-kriżi fil-Belorussja. X’għandu jistenna wieħed mill-pajjiżi ta’ din iż-żona, ngħidu aħna mill-Polonja u anki mir-Russja, u mbagħad x’nistennew minn pajjiżi oħra importanti fl-Ewropa, ngħidu aħna l-Ġermanja, fejn issa sa jkun hemm gvern ġdid wara l-era ta’ Angela Merkel?

 

Il-Papa Franġisku

Fuq dawk il-persuni li qed iżommu l-migrazzjonijiet jew li jagħlqu l-fruntieri – issa saret moda, intellgħu l-ħitan, inpoġġu l-barbed wire, anki l-wajer bil-concertinas (il-wajer imdawwar fi ċrieki), l-Ispanjoli jafu dan xi jfisser: dawn normalment jagħmluhom biex ma jħallux lil min jidħol – l-ewwel ħaġa li ngħid, kieku kelli xi mexxej ta’ gvern quddiemi: “Imma aħseb ftit fiż-żmien meta int kont migrant u ma ħallewkx tidħol, meta ridt taħrab minn artek, u issa spiċċajt int tibni l-ħitan”. Dan jiswa ta’ ġid, għax min jibni l-ħitan tilef is-sens tal-istorja, tal-istorja tiegħu, ta’ meta hu kien skjav ta’ pajjiż ieħor. Mhux kulħadd għandu din l-esperjenza, imma tal-inqas parti kbira minn dawk li jibnu l-ħitan għandhom din l-esperjenza: li kienu skjavi. Int forsi tgħidli: “Imma l-gvernijiet għandhom id-dmir li jiggvernaw u jekk tiġi mewġa hekk ta’ migranti, ma tistax tiggverna!”. U jien ngħidlek: kull gvern irid jgħid ċar u tond: “Jien nista’ nilqa’ daqstant”, għax min imexxi jaf kemm jiflaħ jilqa’: huwa d-dritt tagħhom, dan hu veru. Imma l-migranti għandhom jiġu milqugħa, akkumpanjati, promossi u integrati. Jekk gvern dan ma jistax jagħmlu, għandu jidħol fi djalogu mal-oħrajn u ħa jieħdu ħsieb l-oħrajn, kull wieħed minnhom. U għalhekk hija importanti l-Unjoni Ewropea, għax l-Unjoni Ewropea kapaċi toħloq l-armonija fost il-gvernijiet kollha għat-tqassim tal-migranti. Imma int ara Ċipru, ara l-Greċja, ara Lampedusa, ara Sqallija: jaslu l-migranti u ma hemmx armonija bejn il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea biex jibagħtu lil dawn hawn, dawn hemm, dawn hemm… Hemm nieqsa din l-armonija ġenerali.

 

U mbagħad, l-aħħar kelma li għidt hi integrati, le? Għandhom isibu min jilqagħhom, jakkumpanjahom, jippromovihom u jintegrahom. Integrati, għaliex? Għax jekk il-migrant ma tintegrahx, dan il-migrant ikollu ċittadinanza ta’ ghetto. L-eżempju – ma nafx semmejtux fuq l-ajruplan, darba – l-eżempju li l-aktar jolqotni hu tat-traġedja ta’ Zaventem: iż-żgħażagħ li għamlu l-istraġi tal-ajruport kienu Belġjani, imma wlied migranti tal-ghetto, li ma kinux ġew integrati. Jekk int migrant ma tintegrahx – bl-edukazzjoni, bix-xogħol, bil-kura tal-migrant – int tkun tirriskja li jkollok gwerillier, wieħed li jagħmillek dawn l-affarijiet. Mhux faċli nilqgħu l-migranti, mhux faċli nsolvu l-problemi tal-migranti; imma jekk aħna ma nsolvux il-problema tal-migranti, nirriskjaw li ngħarrqu ċ-ċiviltà. Illum, fl-Ewropa, kif qegħdin l-affarijiet. Mhux biss jispiċċaw mgħarrqa l-migranti fil-Mediterran, imma ċ-ċiviltà tagħna. Għalhekk hemm bżonn li r-rappreżentanti tal-gvernijiet Ewropej jiftiehmu. Għalija, mudell – fi żmienu – ta’ integrazzjoni, ta’ akkoljenza u integrazzjoni, kienet l-Iżvezja, li laqgħet lill-migranti kollha tal-Amerika Latina li kienu qed jaħarbu mid-dittaturi militari – Ċileni, Arġentini, Urugwajani, Brażiljani –, laqgħethom u integrathom. U llum kont fi skola, f’Ateni, u kont qed inħares u ngħid lit-traduttur: “Imma ara, hawn – użajt kelma familjari – hawn taħlita ta’ kulturi, huma kollha mħalltin!”. U hu weġibni: “Dan hu l-futur tal-Greċja”. L-integrazzjoni. Nikbru fl-integrazzjoni. Importanti.

 

U mbagħad traġedja oħra, nixtieq ninsisti fuqha: meta l-migranti, qabel jiġu, jaqgħu f’idejn it-traffikanti li jeħdulhom il-flus kollha li jkollhom u jeħduhom fuq id-dgħajsa. Meta jintbagħtu lura [ma jitħallewx jidħlu], jaħtfuhom taħt idejhom dawn it-traffikanti. Fid-Dikasteru għall-Migranti [Dikasteru għas-Servizz tal-Iżvilupp Uman Integrali – Taqsima Migranti u Rifuġjati] hemm filmati ta’ x’jiġri f’dawn il-postijiet fejn imorru l-migranti li jkunu qed jirritornaw. L-istess kif ma nistgħux nilqgħuhom u mbagħad nabbandunawhom, għax jeħtieġ nakkumpanjawhom, nippromovuhom u nintegrawhom, hekk ukoll, jekk jiena nibgħat lura migrant, irrid nakkumpanjah, nippromovih u nintegrah f’pajjiżu, u mhux nitilqu fuq il-kosta tal-Libja. Dik kefrija. Jekk tridu iżjed fuq dan, staqsu lid-Dikasteru tal-Migrazzjonijiet li għandu dawn il-filmati. U hemm ukoll filmat – intom żgur tafu bih – fuq l-Open Arms, li hu xi ftit romantiku imma jurina r-realtà ta’ dawk li jegħrqu. Hija ħaġa li ssewdilna wisq qalbna, din. Imma qed nirriskjaw iċ-ċiviltà tagħna, qed nirriskjaw iċ-ċiviltà!

 

Matteo Bruni

Grazzi, Santità. U issa mistoqsija mill-ġurnalisti ta’ lingwa Franċiża: hemm Dr Cécile Chambraud ta’ Le Monde li ħa tagħmel il-mistoqsija li jmiss

 

Cécile Chambraud ta’ Le Monde

Santità, se nagħmel il-mistoqsija bl-Ispanjol minħabba l-kollegi. Il-Ħamis, meta wasalna Nicosia, sirna nafu li int kont aċċettajt ir-riżenja tal-Arċisqof ta’ Pariġi, Mons. Aupetit. Tispjegalna għaliex, u għaliex daqshekk malajr? It-tieni mistoqsija: permezz tal-ħidma ta’ kummissjoni indipendenti fuq l-abbużi sesswali, il-Konferenza Episkopali ta’ Franza rrikonoxxiet li l-Knisja għandha responsabbiltà istituzzjonali għat-tbatijiet ta’ eluf ta’ vittmi. Issemmiet ukoll dimensjoni sistematika ta’ din il-vjolenza. Int x’taħseb fuq din id-dikjarazzjoni tal-isqfijiet Franċiżi? X’tifsira jista’ jkollha għall-Knisja universali? U, l-aħħar mistoqsija: int se tilqa’ għandek lill-membri ta’ din il-kummissjoni indipendenti?

 

Il-Papa Franġisku

Ħa nibda mit-tieni waħda, imbagħad immorru lura għall-ewwel. Meta jsiru studji, irridu noqogħdu attenti fl-interpretazzjonijiet tagħna, li jsiru dwar perjodi ta’ żmien. Meta nittrattaw żmien hekk twil, hemm ir-riskju li nħawdu l-mod ta’ kif inħarsu lejn il-problema ta’ epoka, 70 sena qabel l-oħra. Nixtieq ngħid biss dan, bħala prinċipju. Sitwazzjoni storika għandha tiġi interpretata bl-ermenewtika ta’ dik l-epoka, u mhux b’tagħna. Ngħidu aħna, l-iskjavitù: aħna ngħidu li “hi brutalità”. L-abbużi ta’ 100 sena ilu jew ta’ 70 sena ilu, ngħidu li “huma brutalità”. Imma l-mod kif għexuhom huma mhuwiex l-istess bħal tal-lum: kien hemm ermenewtika oħra. Ngħidu aħna, fil-każ tal-abbużi fil-Knisja, li wieħed kien jgħatti, kif kienu jagħmlu dakinhar – b’xorti ħażin – fil-familji, anki llum, fil-parti l-kbira tal-familji, fil-kwartieri, jaraw kif jgħattu, aħna ngħidu: “Le, m’għandux ikun hekk, irridu nikxfu”. Imma dejjem għandna ninterpretaw epoka bl-ermenewtika tal-epoka u mhux b’tagħna llum. Din hi l-ewwel ħaġa. Ngħidu aħna, l-istudju ta’ Indianapolis, famuż: dak waqa’ minħabba n-nuqqas ta’ interpretazzjoni ġusta. Kienu ħwejjeġ veri, xi wħud minnhom, oħrajn le; imma ħalltu l-epoki. Hawnhekk, li wieħed jaqasam f’setturi, jgħin.

 

Dwar l-informe [ir-rapport]: ma qrajtux, smajt il-kummenti tal-Isqfijiet Franċiżi. Le, ma nafx kif inwieġeb, veru. Issa għandhom jiġu l-Isqfijiet Franċiżi, dan ix-xahar, u se nitlobhom biex ifissruli.

 

U l-ewwel mistoqsija, fuq il-każ ta’ Aupetit. Jien nistaqsi: x’għamel, Aupetit, hekk gravi biex kellu joffri r-riżenja tiegħu? X’għamel? Xi ħadd iweġibni…

 

Cécile Chambraud

Ma nafx. Ma nafx.

 

Il-Papa Franġisku

Jekk ma nafux l-akkuż, ma nistgħux nikkundannaw. X’kienet l-akkuża? Min jaf? [ħadd ma jwieġeb] Kerha!

 

Cécile Chambraud

Problema ta’ tmexxija [tad-djoċesi] jew xi ħaġa oħra, ma nafux.

 

Il-Papa Franġisku

Qabel ma nwieġeb, ngħid: indagaw. Indagaw. Għax hemm il-periklu li ngħidu: “Ġie kkundannat”. Imma min ikkundannah? “L-opinjoni pubblika, it-tlablib…”. Imma x’għamel? “Ma nafux. Xi ħaġa…”. Jekk intom tafu għaliex, għidu. Jekk le, ma nistax inwieġeb. U intom ma tafux għaliex, għax dan kien nuqqas tiegħu, nuqqas kontra s-Sitt Kmandament, mhux totali, imma ta’ żegħil ċkejken u massaġġi żgħar li kien jagħmel: hekk qiegħda l-akkuża. Dan hu dnub, imma mhux mill-aktar dnubiet gravi, għax id-dnubiet tal-ġisem mhumiex l-iktar gravi. Id-dnubiet l-iżjed gravi huma dawk li għandhom l-iżjed “anġeliċità”: is-suppervja, il-mibegħda… dawn huma iżjed gravi. Hekk, Aupetit hu midneb kif jiena midneb jien. Ma nafx int tħossokx hekk, imma forsi… kif kien Pietru, l-isqof li fuqu Kristu bena l-Knisja. Kif qatt il-komunità ta’ dak iż-żmien aċċettat isqof midneb? U dak kellu dnubiet ħafna iktar “anġeliċi”, bħal li tiċħad lil Kristu, le? Imma kienet Knisja normali, kienet imdorrija tħossha midinba dejjem, kulħadd: kienet Knisja umli. Jidher ċar li l-Knisja tagħna mhix imdorrija jkollha isqof midneb, u nagħmlu tabirruħna li ngħidu: “Qaddis, l-isqof tiegħi”. Le, dan Barnuża Ħamra! Ilkoll aħna midinbin. Imma meta x-xnigħat jikbru u jikbru u jikbru, u persuna jeħdulha l-fama tajba tagħha, dak ir-raġel ma jkunx jista’ jmexxi, għax tilef il-fama, mhux minħabba dnubu – li hu dnub, bħal dak ta’ Pietru, bħal tiegħi, bħal tiegħek: hu dnub! –, imma minħabba s-seksik tan-persuni responsabbli għar-rakkont ta’ dawn il-ħwejjeġ. Bniedem li ħadulu l-fama hekk, pubblikament, ma jistax jiggverna. U din hi inġustizzja. Għalhekk, jiena aċċettajt ir-riżenja ta’ Aupetit mhux fuq l-altar tal-verità, imma fuq l-altar tal-ipokrezija. Dak li rrid ngħid. Grazzi.

 

Matteo Bruni

Grazzi, Santità. Forsi fadlilna xi minuta jew tnejn għal mistoqsija tal-aħħar? Min-naħa ta’ Vera Shcherbakova, mit-Tass.

 

Il-Papa Franġisku

Aħ! Brava! Is-“suċċessura” ta’ Alexei Bulgakov… kien bravu…

 

Vera Shcherbakova

Iva, u nimmissjah ħafna; nimmissjah ħafna, dejjem ngħidha. Grazzi ħafna, Santità, tal-atteġġjament tiegħek lejn Bulgakov tagħna li hu wirt tar-Russja u tal-aġenzija tagħna. Imma jien xtaqt nistaqsi dan: int, f’dan il-vjaġġ, iltqajt mal-kapijiet tal-Knejjes Ortodossi, għidt kliem mill-isbaħ fuq il-komunjoni u l-għaqda. Issa, meta jmiss il-laqgħa mal-Patrijarka Kirill? Liema huma l-proġetti komuni mal-Knisja Russa? U liema diffikultajiet, forsi, qed tħoss li hemm f’din il-mixja ta’ tqarrib? Grazzi.

 

Il-Papa Franġisku

Grazzi. Mistoqsija sabiħa!

 

Il-laqgħa mal-Patrijarka Kirill tinsab f’xefaq mhux wisq imbiegħed. Naħseb li l-ġimgħa d-dieħla ġej għandi Hilarion biex niftiehmu fuq il-possibbiltà ta’ laqgħa, għax il-Patrijarka jrid jivvjaġġa – ma nafx fejn sejjer… naħseb sejjer il-Fillandja, imma m’iniex ċert. Jiena dejjem dispost, dispost ukoll li mmur Moska: biex niddjaloga ma’ ħija ma hemmx bżonn protokolli. Ħija huwa ħija, qabel il-protokolli kollha. U jiena ma’ ħija Ortodoss – issa jismux Kirill, jismux Chrysostomos, jismux Ieronymos, huwa ħija – aħna aħwa u l-affarijiet nitkellmuhom wiċċ imb wiċċ. Ma noqogħdux niżfnu l-minwett, le, l-affarijiet ngħiduhom f’wiċċ xulxin. Imma bħala aħwa. Sabiħ naraw lill-aħwa jillatikaw: sabiħ ħafna, għax huma mill-istess Omm, il-Knisja Omm, imma huma xi ftit maqsuma bejniethom, xi wħud minħabba l-wirt, l-ieħor minħabba l-istorja li firdtihom… Imma aħna jeħtieġ nimxu flimkien u nfittxu li naħdmu u nimxu fl-għaqda u għall-għaqda. Jiena rikonoxxenti lejn Ieronymos, lejn Chrysostomos, lejn il-Patrijarki kollha li għandhom din ir-rieda li nimxu flimkien. L-għaqda… It-teologu kbir Ortodoss Zizioulas qed jistudja l-eskatoloġija, u biex jiċċajta darba qalli li l-għaqda nsibuha fl-eschaton, hemm isseħħ l-għaqda. Imma din espressjoni. Dan ma jfissirx li għandna noqogħdu b’idejna fuq żaqqna nistennew li t-teologi xi darba jaqblu, le. Din hija frażi, mod ta’ kif ngħidu, dan hu dak li jingħad li qal Atenagora lil Pawlu VI: “Tridx inpoġġu lit-teologi kollha fuq gżira u aħna mmorru flimkien band’oħra!”. Ċajta. Imma t-teologi qed ikomplu jistudjaw, għax dan jagħmlilna ġid u jwassalna biex nifhmu tajjeb u nsibu l-għaqda. Imma sadanittant, aħna nimxu ’l quddiem flimkien. “Imma kif?”. Iva, billi nitolbu flimkien, nagħmlu l-karità flimkien. Ngħidu aħna, naħseb fl-Iżvezja, li għandha l-Caritas Luterana-Kattolika, flimkien. Naħdmu flimkien, le? Naħdmu flimkien u nitolbu flimkien: dan nistgħu nagħmluh aħna. Il-bqija, ħa jagħmluh it-teologi, li aħna ma nifhmux kif jagħmluh. Imma nagħmlu dan: l-għaqda tibda llum, f’din it-triq.

 

Matteo Bruni

Grazzi, Santità. Grazzi tal-ħin li ridt tiddedika wkoll lill-mistoqsijiet tagħna. Nemmen li xi ftit jew wisq laħħaqna mal-ħinijiet tal-ikel.

 

Il-Papa Franġisku

Grazzi ħafna, u l-ikla t-tajba!

 

Matteo Bruni

Xi ġurnalista ried jgħaddilek minjatura tal-Akropoli ta’ Ateni, tal-Partenon, għax iddispjaċiehom li ma rnexxilekx tmissha b’idejk.

 

Il-Papa Franġisku

Iva, kien hemm il-periklu li nitlaq mingħajr ma narah [il-Partenon] u lbieraħ filgħaxija għidtilhom: “Le, irrid narah!”. U ħaduni hemm, rajtu mill-bogħod, imdawwal: tal-inqas rajtu. Ma missejtux, imma għidtilhom: “Grazzi ta’ din il-korteżija”.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard