TISLIMA TAL-QUDIJA TIEGĦU L-PAPA FRANĠISKU
LILL-MISTEDNIN ĊKEJKNIN TAL-
“AUTISMUSZENTRUM SONNENSCHEIN ST. PÖLTEN” (AWSTRIJA)

“ĊENTRU TAL-AWTIŻMU DIJA TAX-XEMX – ST. PÖLTEN” (AWSTRIJA)

Sala Klementina
It-Tnejn, il-21 ta’ Settembru 2020

 

Għeżież tfal, għeżież ġenituri,
Eċċellenzi, Sinjuri!

Nilqagħkom hawn fil-Vatikan. Ninsab kuntent li qed nara wiċċkom, u f’għajnejkom nista’ nara li anke intom kuntenti li tinsabu għal ftit tal-ħin miegħi.

Id-dar tagħkom tissejjaħ "Sonnenschein ", li tfisser "dija tax-xemx". Nista' nobsor għaliex dawk responsabbli għażlu dan l-isem. Għax din id-dar tagħkom qisha mergħa mill-isbaħ mimlija fjuri fid-dija tax-xemx, u l-fjuri ta' din id-dar huma intom! Alla ħalaq id-dinja b’varjetà kbira ta’ fjuri ta’ kull lewn. Kull fjura għandha s-sbuħija tagħha, u hija unika. Anke kull wieħed minna huwa sabiħ f’għajnejn Alla, u Hu jħobbna. Dan iġegħelna nħossu l-bżonn li ngħidu lil Alla: grazzi! Grazzi għar-rigal tal-ħajja, grazzi għall-ħlejjaq kollha! Grazzi għall-mamà u għall-papà! Grazzi għall-familji tagħna! U grazzi wkoll għall-ħbieb taċ-Ċentru "Sonnenschein "!

Meta ngħidu "grazzi" lil Alla inkunu qed nagħmlu talba sabiħa. Alla jħobb dan il-mod ta’ talb. Imbagħad tistgħu anke żżidu xi mistoqsija żgħira. Per eżempju: Ġesù twajjeb, tista' tgħin lill-mamà u lill-papà fix-xogħol tagħhom? Tista' tgħin lin-nanna li hi marida? Tista' tipprovdi ikel għat-tfal mad-dinja kollha li huma neqsin mill-ikel? Jew: Ġesù, jekk jogħġbok għin lill-Papa biex imexxi sew il-Knisja. Jekk titolbu bil-fidi, il-Mulej ċertament jismagħkom.

Fl-aħħarnett, rrid nesprimi l-gratitudni tiegħi lill-ġenituri tagħkom, lil dawk li qed jakkumpanjawkom, lill-President tar-Reġjun u lil dawk kollha preżenti. Grazzi għal din l-inizjattiva sabiħa u għall-impenn favur iċ-ċkejknin afdati f’idejkom. Kull ma għamiltu ma’ wieħed minn dawn, għamiltuh ma’ Ġesù!

Niftakar fikom fit-talb tiegħi. Ġesù jberikkom dejjem u l-Madonna tħariskom.

U jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. Ix-xogħol tiegħi mhux faċli. Jekk jogħġobkom itolbu għalija. Grazzi ħafna!

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Fr Roy Galdes