|
TESTMENT TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
Miserando atque Eligendo
Fl-Isem tat-Trinità Qaddisa. Amen.
Issa li qed inħoss li qed joqrob l-għabex tal-ħajja tiegħi fuq din l-art u b’tama sħiħa fil-Ħajja ta’ Dejjem, nixtieq nesprimi r-rieda testamentarja tiegħi biss f’dak li għandu x’jaqsam mal-post tad-difna tiegħi.
Il-ħajja tiegħi u l-ministeru saċerdotali u episkopali tiegħi dejjem fdajthom f’idejn l-Omm tas-Sinjur Tagħna, Marija Santissma. Għalhekk, nitlob li l-fdalijiet tal-ġisem tiegħi, fl-istennija ta’ jum il-qawmien, jistrieħu fil-Bażilika Papali ta’ Santa Maria Maggiore.
Nixtieq li l-aħħar vjaġġ tiegħi fuq din l-art jagħlaq proprju f’dan is-santwarju l-aktar antik Marjan fejn kont immur nitlob fil-bidu u fit-tmiem ta’ kull Vjaġġ Appostoliku tiegħi biex nafda bil-fiduċja kollha l-intenzjonijiet tiegħi lill-Omm Immakulata u rroddilha ħajr għall-kura doċli u materna tagħha.
Nitlob li l-qabar tiegħi jiġi mħejji fin-niċċa tad-dfin tan-nava laterali bejn il-Kappella Pawlina (Kappella tas-Salus Populi Romani) u l-Kappella Sforza tal-imsemmija Bażilika Papali kif indikat fid-disinn mehmuż.
Il-qabar għandu jkun fl-art; sempliċi, mingħajr dekorazzjoni partikulari u bl-unika skrizzjoni: Franciscus.
L-ispejjeż għat-tħejjija tad-difna tiegħi jiġu koperti mis-somma tal-benefattur li ddisponejt li tiġi ttrasferita lill-Bażilika Papali ta’ Santa Maria Maggiore, u dwar dan rajt li jingħataw l-istruzzjonijiet opportuni lil Mons. Rolandas Makrickas, Kummissarju Straordinarju tal-Kapitlu Liberjan.
Il-Mulej jagħti l-ħlas mistħoqq lil dawk li ħabbewni u li jkomplu jitolbu għalija. It-tbatija li dehret fl-aħħar parti tal-ħajja tiegħi noffriha lill-Mulej għall-paċi fid-dinja u għall-fraternità bejn il-popli.
Santa Marta, 29 ta’ Ġunju 2022
FRANĠISKU