Laikos

 

Aktar mill-Papa Franġisku

     

IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 29 ta’ Marzu 2017

 

It-Tama Nisranija – 16. It-tama kontra kull tama (ara Rum 4:16-25)

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Is-silta mill-Ittra ta’ San Pawl lir-Rumani li għadna kemm smajna hi rigal kbir għalina. Fil-fatt, aħna mdorrijin nagħrfu f’Abraham il-missier tagħna fil-fidi; illum l-Appostlu jfehimna kif Abraham hu għalina missier fit-tama; mhux biss missier fil-fidi, imma missier fit-tama. U dan għax fl-istorja tiegħu diġà nsibu bxara tal-Qawmien, tal-ħajja ġdida li tegħleb il-ħażen u l-istess mewt.

 

Fit-test jingħad li Abraham emmen f’Alla “li jagħti l-ħajja lill-mejtin, u li jsejjaħ fl-eżistenza lil dak li ma jeżistix” (Rum 4:17); u mbagħad jippreċiża: “U ma naqasx fil-fidi tiegħu, anqas meta ġieb quddiem għajnejh li ġismu kien mejjet għax kien għoddu laħaq il-mitt sena, u mejjet ukoll kien ġuf Sara” (Rum 4:19). Araw, din hi l-esperjenza li aħna wkoll imsejħin ngħixu. Alla li juri lilu nnifsu lil Abraham hu Alla li jsalva, Alla li joħroġ mill-qtigħ il-qalb u mill-mewt, Alla li jsejjaħ għall-ħajja. Fil-ġrajja ta’ Abraham kollox isir għanja lil Alla li jeħles u jnissel mill-ġdid, kollox isir profezija. U jsir hekk għalina, għalina li issa nagħrfu u niċċelebraw it-twettiq ta’ dan kollu fil-misteru tal-Għid. Fil-fatt Alla “qajjem mill-imwiet lil Ġesù Sidna” (Rum 4:24), biex aħna wkoll fih nistgħu ngħaddu mill-mewt għall-ħajja. Mela tabilħaqq Abraham jista’ jissejjaħ “missier ta’ kotra kbira ta’ ġnus”, għax jilma bħala bxara ta’ umanità ġdida – aħna! –, li Kristu jifdi mid-dnub u mill-mewt u jdaħħal darba għal dejjem fit-tgħanniqa tal-imħabba ta’ Alla.

 

Hawn, Pawlu jgħinna niffukaw fuq ir-rabta qawwija bejn il-fidi u t-tama. Fil-fatt hu jafferma li “meta ma kellu ebda tama, Abraham ittama u emmen” (Rum 4:18). It-tama tagħna ma tistrieħx fuq raġunamenti, tbassir u rassigurazzjonijiet umani; u tidher hemm fejn ma fadalx iżjed tama, fejn m’għad hemm xejn fiex nittamaw, sewwasew kif seħħ lil Abraham, quddiem il-mewt imminenti tiegħu u l-isterilità ta’ martu Sara. Għalihom kien qed joqrob it-tmiem, ma setgħux ikollhom tfal, u f’dik il-qagħda, Abraham emmen u ttama kontra kull tama. U din ħaġa kbira! It-tama kbira ssib għeruqha fil-fidi, u sewwasew għalhekk hi kapaċi tmur lil hemm minn kull tama. Iva, għax ma tinbeniex fuq il-kelma tagħna, imma fuq il-Kelma ta’ Alla. Allura, imqar f’dan is-sens, aħna msejħin nimxu fuq l-eżempju ta’ Abraham, li, imqar quddiem l-evidenza ta’ realtà li donnha ddestinata biex tmut, jafda f’Alla, “żamm bis-sħiħ li min kien għamillu l-wegħda kien qawwi biżżejjed biex iżomm kelmtu” (Rum 4:21). Nixtieq nagħmlilkom mistoqsija: Aħna, ilkoll kemm aħna, konvinti minn dan? Aħna konvinti li Alla jridilna l-ġid u li dak kollu li wegħedna hu lest li jwasslu sat-tmiem? Imma, Dun, kemm irridu nħallsu? Hemm biss prezz wieħed: “iftħu qalbkom”. Iftħu qalbkom u din il-qawwa ta’ Alla tmexxikom ’il quddiem, kapaċi tagħmel l-għeġubijiet u tgħallimkom x’inhi t-tama. Dan hu l-uniku prezz: iftħu qalbkom għall-fidi u hu jagħmel il-bqija.

 

Dan hu l-paradoss u fl-istess waqt l-iktar element b’saħħtu u għoli tat-tama tagħna! Tama mibnija fuq wegħda li mill-perspettiva umana tidher inċerta u imprevedibbli, imma li qatt ma tonqos lanqas quddiem il-mewt, għax dak li qed jagħmel il-wegħda hu Alla tal-Qawmien u l-ħajja. Mhux qed iwiegħed wieħed kien li kien! Dak li qed jagħmel il-wegħda hu Alla tal-Qawmien u l-ħajja.

 

Għeżież ħuti, lill-Mulej illum nitolbuh il-grazzja li nibqgħu nistrieħu mhux tant fuq iċ-ċertezzi tagħna, fuq il-ħiliet tagħna, imma fuq it-tama li toħroġ mill-wegħda ta’ Alla, bħala veri wlied ta’ Abraham. Meta Alla jwiegħed, iwassal fit-tmiem dak li jkun wiegħed. Qatt ma jerġa’ lura kelma waħda biss. U hekk il-ħajja tagħna tikseb dawl ġdid, fl-għarfien li Dak li qajjem lil Ibnu mill-mewt se jqajjem lilna wkoll u jagħmilna tabilħaqq ħaġa waħda miegħu, flimkien ma’ ħutna kollha fil-fidi. Aħna lkoll nemmnu. Illum qegħdin kollha fil-pjazza, infaħħru lill-Mulej, inkantaw il-Missierna, imbagħad nirċievu l-barka… Imma dan jgħaddi. Imma din hi wkoll wegħda mimlija tama. Jekk illum aħna niftħu qalbna, niżgurakom li lkoll kemm aħna għad niltaqgħu fil-pjazza tal-Ġenna li ma tgħaddi qatt u tibqa’ għal dejjem. Din hi l-wegħda ta’ Alla u din hi t-tama tagħna, jekk aħna niftħu qlubna. Grazzi.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard