|
IL-PAPA FRANĠISKU
UDJENZA ĠENERALI
Pjazza San Pietru
L-Erbgħa 24 ta’ Mejju
2017
It-Tama Nisranija
– 23.
Għemmaws,
il-mixja tat-Tama
Għeżież ħuti, l-għodwa
t-tajba!
Illum nixtieq
nieqaf fuq l-esperjenza taż-żewġ dixxipli ta’
Għemmaws, li dwarha jitkellem il-Vanġelu ta’ Luqa (ara
24:13-35). Ejjew nistħajlu x-xena: żewġt irġiel mexjin
qalbhom maqtugħa, imnikkta, konvinti li ħallew warajhom il-qsim
il-qalb ta’ biċċa li spiċċat ħażin. Qabel dak
l-Għid kienu mimlija ħeġġa: konvinti li dawn il-jiem
kellhom ikunu deċiżivi għal dak li kienu qed jistennew u
għat-tama tal-poplu kollu. Ġesù, li f’idejh kienu fdaw
ħajjithom, sa fl-aħħar deher li kien wasal għall-battalja
deċiżiva tiegħu: issa kien se juri qawwietu, wara perjodu twil
ta’ preparazzjoni u ta’ ħajja fil-moħbi. Dan hu li kienu qed
jistennew. U ma seħħx hekk.
Iż-żewġ pellegrini kienu xettlu
fihom tama li hi biss umana, li issa kienet ġiet fix-xejn. Dak is-salib
mgħolli fuq il-Kalvarju kien l-iktar sinjal elokwenti ta’ telfa li ma
kinux bassru. Jekk tassew dak Ġesù kien skont il-qalb ta’ Alla, kellhom
jikkonkludu li Alla kien bla saħħa, bla difiża f’idejn
il-vjolenti, bla ħila li jġib reżistenza
għall-ħażen.
Hekk, dak il-Ħadd filgħodu, dawn
it-tnejn kienu qed jaħarbu minn Ġerusalemm. Quddiem għajnejhom
kien għad kellhom il-ġrajjiet tal-passjoni, il-mewt ta’ Ġesù; u
ruħhom kienet għadha ħosbiena bit-turmenti ta’ dawk
il-ġrajjiet, tul il-mistrieħ impost mis-Sibt. Dik il-festa
tal-Għid, li kellha tintona l-għanja tal-ħelsien, minflok kienet
inbidlet fl-iktar jum ta’ niket ta’ ħajjithom. Iħallu Ġerusalemm
warajhom biex imorru band’oħra, f’raħal kwiet. Għandhom il-bixra
kollha ta’ persuni li qed jaraw kif ikeċċu għal dejjem tifkira
li għadha taħraq. Għalhekk jinsabu fit-triq, mexjin, imdejqa.
Dan ix-xenarju – it-triq – diġà kien importanti fir-rakkonti
tal-vanġeli; issa sa jsir dejjem iżjed, malli nibdew nisimgħu
r-rakkont tal-istorja tal-Knisja.
Il-laqgħa ta’ Ġesù ma’ dawk
iż-żewġ dixxipli donnha kienet għalkollox b’kumbinazzjoni:
tixbah lil ħafna mid-drabi fil-ħajja meta jiġrilna li
naħbtu ġo xulxin fit-triq. Iż-żewġ dixxipli mexjin
kollhom imħassba u wieħed barrani jidħol magħhom fit-triq.
Hu Ġesù; imma għajnejhom ma setgħux jagħrfuh. U
għalhekk Ġesù jibda t-“terapija tat-tama” tiegħu. Dak li
jseħħ f’din it-triq hu terapija tat-tama. Min jagħmilha?
Ġesù.
L-ewwel nett jistaqsi u jisma’: Alla tagħna
mhux Alla invadenti. Anki jekk diġà jaf il-motiv tad-delużjoni ta’
dawk it-tnejn, jagħtihom iż-żmien biex setgħu jiflu
fil-fond l-imrar li ħakimhom. Toħroġ stqarrija li hi ritornell
tal-ħajja umana: “Aħna konna
nittamaw, imma… Aħna konna nittamaw, imma…” (v. 21). Kemm dwejjaq,
kemm telfiet, kemm fallimenti fil-ħajja ta’ kull persuna!
Fl-aħħar mill-aħħar ilkoll kemm aħna xi ftit bħal
dawk iż-żewġ dixxipli. Kemm drabi fil-ħajja tagħna
ttamajna, kemm drabi ħassejna li konna pass biss bogħod
mill-kuntentizza tagħna, u mbagħad spiċċajna mgħattna mal-art
kollna delużi. Imma Ġesù jimxi mal-persuni kollha li jħossuhom
qalbhom maqtugħa u li mexjin rashom baxxuta. Hu jimxi magħhom,
bil-kwiet, u jirnexxielu jerġa’ jimlihom bit-tama.
Ġesù jkellimhom qabelxejn permezz tal-Iskrittura. Min jaqbad f’idejh il-ktieb
ta’ Alla mhux sa jsib fih stejjer ta’ eroiżmu faċli, kampanji ta’
rebħa ta’ malajr. It-tama vera qatt ma tiġi bi prezz ċkejken:
dejjem tgħaddi mit-telfiet. It-tama ta’ min ma jbatix, forsi lanqas hi
tama. Alla ma jiħux pjaċir b’min iħobbu bħallikieku kien xi
kaptan li jkaxkar għal warajh lejn ir-rebħa lill-poplu tiegħu jgħum
fid-demm tal-għedewwa tiegħu. Alla tagħna hu dawl baxx li
jnemnem f’jum ta’ kesħa u ta’ riħ, u li tidher kemm tidher
dgħajfa l-preżenza tiegħu f’din id-dinja, hu għażel
il-post li kollha nistmerru.
Imbagħad Ġesù jtenni
għaż-żewġ dixxipli l-ġest
li miegħu ddur kull Ewkaristija: jaqbad il-ħobż, ibierku,
jaqsmu u jnewwilhulhom. Forsi f’din is-serje ta’ ġesti ma hemmx l-istorja
ta’ Ġesù? U forsi f’kull Ewkaristija m’hemmx anki l-ħolma ta’
x’għandha tkun il-Knisja? Ġesù jaqbadna, iberikna, “jaqsam”
il-ħajja tagħna – għax m’hemmx imħabba mingħajr sagrifiċċju
– u joffriha lill-oħrajn, joffriha lil kulħadd.
Hi laqgħa ta’ malajr, dik ta’ Ġesù
maż-żewġ dixxipli ta’ Għemmaws. Imma fiha hemm id-destin
kollu tal-Knisja. Tirrakkontalna li l-komunità Nisranija mhix magħluqa
f’xi ċittadella ffortifikata, imma timxi fl-iżjed ambjent ħaj
tagħha, jiġifieri fit-triq. U hemm tiltaqa’ mal-persuni, mat-tamiet u
l-qtigħ il-qalb tagħhom, xi drabi tqal. Il-Knisja tisma’ l-istejjer
ta’ kulħadd, kif joħorġu mis-senduq prezzjuż tal-kuxjenza
personali; biex imbagħad toffri l-Kelma tal-ħajja, ix-xhieda
tal-imħabba, imħabba fidila sat-tmiem. U hekk il-qalb tal-bnedmin
terġa’ titkebbes bit-tama.
Ilkoll kemm aħna, fil-ħajja
tagħna, kellna waqtiet diffiċli, mudlama; waqtiet li fihom imxejna bi
qsim il-qalb, imħassba, bla xefaq, b’xi ħajt biss quddiemna. U
Ġesù dejjem qiegħed magħna biex jagħtina t-tama, biex
ikebbes mill-ġdid il-qalb u jgħidilha: “Ibqa’ miexja, jiena
miegħek. Ibqa’ miexi”. Is-sigriet tat-triq li twassal għal
Għemmaws kollu hawn qiegħed: anki meta kollox jidher bil-kontra,
aħna nibqgħu maħbubin, u Alla mhu sa jieqaf qatt iħobbna.
Alla jimxi magħna dejjem, dejjem, anki fil-waqtiet tal-ikbar tbatija, anki
fil-waqtiet l-iżjed koroh, anki meta nħossuna telliefa: hemm hu
l-Mulej. U din hi t-tama tagħna. Ejjew nibqgħu mexjin b’din it-tama!
Għax hu jinsab magħna u jimxi magħna, dejjem!
miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard