|
IL-PAPA FRANĠISKU
UDJENZA ĠENERALI
Pjazza San Pietru
L-Erbgħa 22 ta’ Frar
2017
It-Tama Nisranija
12.
Fit-tama nagħrfu li aħna lkoll salvi (ara Rum 8:19-27)
Għeżież ħuti, l-għodwa
t-tajba!
Spiss aħna ttentati naħsbu li
l-ħolqien hu proprjetà tagħna, li nistgħu nagħmlu użu
minnu kif jogħġobna u li m’aħna obbligati nagħtu kont lil
ħadd dwaru. Imma fis-silta tal-Ittra lir-Rumani (8:19-27) li għadna
kemm smajna parti minnha, l-Appostlu Pawlu jfakkarna li l-ħolqien hu don
mill-isbaħ li Alla ħalla f’idejna, biex nistgħu nidħlu
f’relazzjoni miegħu u nagħrfu fih il-marka tal-pjan ta’ mħabbtu,
li aħna, jum wara l-ieħor, imsejħin nikkollaboraw fit-twettiq
tiegħu.
Imma meta jħalli l-egoiżmu jirkbu,
il-bniedem jispiċċa jirvina mqar l-isbaħ affarijiet li ġie
fdat bihom. U hekk ġara wkoll għall-ħolqien. Aħsbu fl-ilma.
L-ilma hu ħaġa sabiħa ħafna u tant importanti; l-ilma
jagħtina l-ħajja, jgħinna f’kollox, imma biex nużaw
il-minerali qed inniġġsu l-ilma, inħammġu u neqirdu
l-ħolqien. Dan hu biss eżempju wieħed. Hemm ħafna
oħrajn. Bl-esperjenza traġika tad-dnub, meta farrakna l-komunjoni
tagħna ma’ Alla, ksirna dik il-komunjoni tal-bidu ma’ dak kollu li
għandna madwarna u spiċċajna biex għarraqna l-ħolqien,
u hekk jassarnieh, spiċċa lsir tal-waqgħa tagħna li twassal
għall-mewt. U l-konsegwenza ta’ dan kollu qed narawha sseħħ
traġikament taħt għajnejna stess, ta’ kuljum. Meta jkisser
il-komunjoni ma’ Alla, il-bniedem jitlef il-ġmiel li kellu u
jispiċċa jisfigura kull ħaġa li għandu madwaru; u fejn
qabel, kollox kien iwasslek għand il-Missier Ħallieq u l-imħabba
bla tarf tiegħu, issa jġorr is-sinjal kiebi u vojt tal-kburija u
tal-kilba umana. Il-kburija tal-bniedem tabbuża mill-ħolqien u
ġġib il-qerda.
Imma l-Mulej ma jitlaqniex waħidna u anki
f’dan il-kwadru ta’ qtigħ il-qalb joffrilna perspettiva ġdida ta’
ħelsien, ta’ salvazzjoni universali. Hu dak li jurina Pawlu bil-ferħ,
meta jistedinna nagħtu widen għall-krib tal-ħolqien kollu.
Fil-fatt, jekk noqogħdu attenti, madwarna kollox qed jokrob: jokrob
il-ħolqien stess, nokorbu aħna l-bnedmin u jokrob l-Ispirtu fina,
fil-qalb tagħna. Issa dan il-krib mhux lamentazzjoni vojta, bla faraġ,
imma – kif jippreċiża l-Appostlu – hu l-krib tal-uġigħ
tal-ħlas; hu l-krib ta’ min qed ibati, imma li fl-istess waqt jaf li
waslet biex tfeġġ ħajja ġdida. U fil-każ tagħna
hu tassew hekk. Aħna għadna qed nitqabdu mal-konsegwenzi tad-dnub
tagħna u kollox, madwarna, għadu jġib is-sinjal
tal-uġigħ tagħna, tan-nuqqasijiet tagħna, tal-għeluq
tagħna. Imma fl-istess waqt nafu li ġejna mifdija mill-Mulej u
diġà nistgħu nikkontemplaw u niggostaw minn qabel fina u f’dak li
għandna madwarna s-sinjali tal-Qawmien, tal-Għid, li jġib
ħolqien ġdid.
Dan hu l-kontenut tat-tama tagħna.
In-Nisrani ma jgħixx barra mid-dinja, jaf jagħraf fl-istess
ħajtu u f’dak ta’ madwaru s-sinjali tal-ħażen, tal-egoiżmu
u tad-dnub. Hu solidali ma’ min qed ibati, ma’ min qed jibki, ma’ min hu
emarġinat, ma’ min iħossu qalbu maqtugħa… Imma, fl-istess waqt,
in-Nisrani tgħallem jaqra dan kollu bl-għajnejn tal-Għid,
bl-għajnejn ta’ Kristu Rxoxt. U għalhekk jaf li qed ngħixu
ż-żmien tal-istennija, iż-żmien ta’ xenqa li tmur lil hemm
mill-preżent, iż-żmien tal-milja sħiħa. Fit-tama nafu
li l-Mulej bil-ħniena tiegħu jrid ifejjaq għalkollox il-qlub
miġruħa u mċekkna u dak kollu li l-bniedem għarraq bil-ħażen
tiegħu, u li hekk hu se jġedded dinja u umanità ġdida, sa
fl-aħħar irrikonċiljati fi mħabbtu.
Kemm drabi aħna l-Insara nħossuna
ttentati naqtgħu qalbna, inkunu pessimisti… Xi drabi nħallu jkaxkarna
t-tgergir bla siwi, inkella nibqgħu bla kliem u bilkemm nafu
x’għandna nitolbu, x’għandna nittamaw… Imma għal darb’oħra
jaqbeż għalina l-Ispirtu s-Santu, nifs tat-tama tagħna, li
jżomm ħajja l-karba u l-istennija tal-qalb tagħna. L-Ispirtu
jara fina iktar minn dak li jidher negattiv bħalissa u jurina minn issa
s-smewwiet ġodda u l-art ġdida li l-Mulej qed iħejji
għall-umanità.
miġjub
mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard