Laikos

 

Aktar mill-Papa Franġisku

     

IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 15 ta’ Frar 2017

 

It-Tama Nisranija – 11. It-tama ma tqarraqx bina (ara Rum 5:1-5)

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Sa minn ċkunitna jgħallmuna li mhux sewwa titkabbar bik innifsek. F’pajjiżi, dawk li jiftaħru jsejħulhom “paguni”. U veru, għax meta niftaħru b’dak li aħna jew b’dak li għandna, dan, barra li jġib ċerta suppervja, jikxef ukoll ċertu nuqqas ta’ rispett lejn l-oħrajn, speċjalment lejn dawk li huma inqas ixxurtjati minna. Imma f’din is-silta tal-Ittra lir-Rumani, l-Appostlu Pawlu jissorprendina, għax għal darba darbtejn jistedinna niftaħru. Mela biex nistgħu niftaħru? Għax jekk hu jsejħilna biex niftaħru, b’xi ħaġa tista’ tiftaħar. U kif nistgħu nagħmlu dan, bla ma nweġġgħu lill-oħrajn, bla ma neskludu lil ħadd?

 

Fl-ewwel każ, aħna mistednin niftaħru bil-kotra tal-grazzja li biha mtlejna fi Kristu Ġesù, permezz tal-fidi. Pawlu jrid jurina li, jekk nitgħallmu naqraw kull ħaġa bid-dawl tal-Ispirtu s-Santu, nintebħu li kollox hu grazzja! Kollox hu don! Fil-fatt, jekk noqogħdu attenti, nintebħu li – fl-istorja, kif ukoll f’ħajjitna – mhux aħna imma qabelxejn hu Alla li qed jaġixxi. Hu l-protagonista assolut, li joħoloq kollox bħala don ta’ mħabba, li jinseġ il-ħjata tal-pjan tiegħu ta’ salvazzjoni u jwasslu għat-twettiq tiegħu minħabba fina, permezz ta’ Ibnu Ġesù. Minna hu mitlub li nagħrfu dan kollu, li nilqgħuh bi gratitudni u li nagħmlu minnu motiv ta’ tifħir, ta’ barka u ta’ hena kbir. Jekk nagħmlu dan, inkunu fis-sliem ma’ Alla u ngħixu fil-ħelsien. U dan is-sliem imbagħad jinfirex fl-oqsma u r-relazzjonijiet kollha ta’ ħajjitna: inkunu fis-sliem magħna nfusna, inkunu fis-sliem fil-familja, fil-komunità tagħna, fuq ix-xogħol u mal-persuni li magħhom niltaqgħu ta’ kuljum fil-mixja tagħna.

 

Imma Pawlu jsejħilna niftaħru anki fit-tiġrib. Din mhux faċli nifhmuha. Dan jidhrilna iktar diffiċli u jista’ jidher li m’għandu xejn x’jaqsam mal-qagħda tas-sliem li għadna kemm fissirna. Imma fil-verità hu l-presuppost l-aktar awtentiku tagħha, l-iktar wieħed veru. Fil-fatt, is-sliem li joffrilna u li jiggarantilna l-Mulej ma hux in-nuqqas ta’ tħassib, ta’ delużjonijiet, ta’ nuqqasijiet, ta’ motivi ta’ tbatija. Kieku kien hekk, li kellna nsibu ftit ħin tal-mistrieħ, dak il-mument malajr kien jgħosfor u żgur nerġgħu nispiċċaw m’aħniex sew. Għax is-sliem li joħroġ mill-fidi huwa don: hi l-grazzja li nduqu li Alla jħobbna u li hu dejjem magħna, ma jitlaqna qatt waħidna lanqas għal waqt wieħed biss ta’ ħajjitna. U dan, kif jafferma l-Appostlu, iġib is-sabar, għax nafu li, imqar fl-iktar mumenti iebsa u li jħawduna, il-ħniena u t-tjieba tal-Mulej huma ikbar minn kull ħaġa oħra u xejn ma jista’ jaqlagħna minn ġo dirgħajh u mill-komunjoni tagħna miegħu.

 

Għalhekk li t-tama Nisranija hi b’saħħitha, għalhekk ma tqarraqx bina. Qatt ma tqarraq bina. It-tama ma tqarraq qatt bina! Mhix mibnija fuq dak li aħna nistgħu nagħmlu jew inkunu, u lanqas fuq dak li fih nistgħu naqgħu. Il-bażi tagħha, jiġifieri l-bażi tat-tama Nisranija, hi l-aktar ħaġa fidila u żgura li tista’ teżisti, jiġifieri l-imħabba li Alla nnifsu juri għal kull wieħed u waħda minna. Faċli ngħiduha: Alla jħobbna. Kollha ngħiduha. Imma aħsbu naqra: kull wieħed u waħda minna kapaċi jgħid: Jiena ċert li Alla jħobbni? Din mhux daqshekk faċli ngħiduha. Imma hi vera. Hu taħriġ tajjeb, dan, li ngħidu lilna nfusna: Alla jħobbni. Dan hu l-għerq taċ-ċertezza tagħna, l-għerq tat-tama. U l-Mulej sawwab bil-kotra l-Ispirtu tiegħu fi qlubna – li hi l-imħabba ta’ Alla – bħala ħallieq, bħala garanti, proprju biex jista’ jseddaq fina l-fidi u jżomm ħajja din it-tama. U din iċ-ċertezza: Alla jħobbni. “Imma f’dan iż-żmien ikrah li għaddej minnu?” – Alla jħobbni. “U lili, li għamilt din il-ħaġa kerha jew ħażina?” – Alla jħobbni. Dik iċ-ċertezza ħadd ma jista’ jeħodhielna. U jeħtieġ intennuha bħala talba: Alla jħobbni. Jiena ċert li Alla jħobbni. Jiena ċerta li Alla jħobbni.

 

Issa nifhmu għaliex l-Appostlu Pawlu jistedinna niftaħru dejjem b’dan kollu. Jien niftaħar bl-imħabba ta’ Alla, għax hu jħobbni. It-tama li ngħatatilna ma tifridniex mill-oħrajn, wisq inqas twassalna biex inbaxxuhom jew inwarrbuhom. Anzi, dan hu don tal-għaġeb li aħna msejħin insiru “kanali” tiegħu, b’umiltà u sempliċità, għal kulħadd. U għalhekk l-ikbar ftaħir tagħna jkun dak li jkollna bħala Missierna Alla li ma jagħmilx preferenzi, li ma jaqta’ lil ħadd barra, imma li jiftaħ daru għall-bnedmin kollha, ibda minn dawk tal-aħħar u mbiegħda, biex bħala wliedu nitgħallmu nfarrġu lil xulxin u nwieżnu wieħed lill-ieħor. U tinsewx: it-tama ma tqarraqx bina.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard