Laikos

 

VIA CRUCIS FIL-KOLOSSEW

TALBA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Il-Ġimgħa l-Kbira, 15 ta’ April 2022

 

Missier ħanin,

li ttella’ x-xemx sew fuq it-tajbin u l-ħżiena,

la titlaqx għemil idejk,

li minħabba fih ma bqajtx lura

milli tagħti lil Ibnek il-waħdieni,

imwieled mill-Verġni,

mislub taħt Ponzju Pilatu,

mejjet u midfun fil-qalba tal-art,

imqajjem mill-mewt fit-tielet jum,

li deher lil Marija ta’ Magdala,

lil Pietru, lill-appostli u d-dixxipli l-oħra,

dejjem ħaj fil-Knisja mqaddsa,

il-Ġisem ħaj tiegħu fid-dinja.

 

Żomm imkebbes fil-familji tagħna

l-musbieħ tal-Vanġelu,

li jdawwal ferħ u niket,

taħbit u tamiet:

ħa tkun kull dar mera tal-wiċċ tal-Knisja,

li l-ogħla liġi tagħha hi l-imħabba.

Bit-tiswib tal-Ispirtu tiegħek,

għinna ninżgħu l-bniedem il-qadim,

imħassar mill-passjonijiet qarrieqa,

u erġa’ libbisna l-bniedem il-ġdid,

maħluq skond il-ġustizzja u l-qdusija.

 

Aqbdilna jdejna, bħal Missier,

biex ma nitbiegħdux minnek;

dawwar lejn qalbek il-qlub ribelli tagħna,

biex nitgħallmu nfittxu proġetti ta’ paċi;

l-għedewwa wassalhom biex jieħdu b’idejn xulxin,

ħa jiggustaw il-maħfra reċiproka;

żarma d-driegħ merfugħ tal-aħwa wieħed kontra l-ieħor,

biex fejn hemm il-mibegħda twarrad il-fehma waħda.

 

Agħmel li aħna ma nġibux ruħna ta’ għedewwa tas-salib ta’ Kristu,

biex nistgħu hekk ikollna sehem fil-glorja tal-qawmien tiegħu.

 

Hu li miegħek jgħix u jsaltan,

flimkien mal-Ispirtu s-Santu,

għal dejjem ta’ dejjem.

R/. Amen.


 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard