Laikos

 

Ara l-vidjo tat-talba ...

Talba tal-Papa Frangisku għall-paċi fil-konflitt bejn Ukrajna u r-Russja

 

Aħfrilna din il-gwerra, Mulej.

Mulej Kristu Ġesù, Bin Alla,  ikollok ħniena minna l-midinbin.

Mulej Ġesù, imwieled taħt il-bombi ta’ Kiev, ikollok ħniena minna.

Mulej Ġesù, mejjet f’dirgħajn ommok ġewwa bunker f’Kharkiv, ikollok ħniena minna.

Mulej Ġesù, li t’għoxrin sena bagħtuk fuq il-fruntiera, ikollok ħniena minna.

Mulej Ġesù, li taħt id-dell tas-salib għadek tara l-idejn iġorru l-armi, ikollok ħniena minna.

Aħfrilna Mulej, aħna li ma kkuntentajniex bl-imsiemer li bihom ċarratnielek idejk,

qed inkomplu nixorbu d-dmija tal-iġsma mċarrtin bl-armamenti.

Aħfrilna Mulej, jekk dawn idejna li inti ħlaqthomlna biex joffru l-protezzjoni, aħna bdilniehom fi strument tal-mewt.

Aħfrilna Mulej, jekk se nibqgħu noqtlu lil ħuna, jekk bħal Kajjin se nibqgħu niġbru l-ġebel mill-art  sabiex noqtlu bih lil Abel.

Aħfrina Mulej, jekk fl-għejja tagħna se nibqgħu niġġustifikaw il-kefrija li nwettqu, jekk fl-uġigħ tagħna se nilliġittimizzaw il-kefrija ta’ għemilna.

Aħfrilna din il-gwerra, Mulej.

Mulej Kristu Ġesù, Bin Alla, nitolbuk! Waqqaf id Kajjin.

Dawlilna l-kuxjenza tagħna u tħallix li r-rieda tagħna sseħħ. Titlaqniex f’idejn l-għemejjel tagħna.

Waqqafna Mulej, waqqafna!

U meta twaqqaf id Kajjin, ħu ħsieb tiegħu wkoll.  Għax dan huwa wkoll ħuna.

Mulej, waqqaf din il-vjolenza. Waqqafna Mulej.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Trevor Zahra

 

Ara wkoll ...