SOLENNITÀ TAL-IMMAKULAT KONĊEPIMENT TAL-VERĠNI MARIJA

ATT TA’ QIMA LILL-IMMAKULATA FI PIAZZA DI SPAGNA

 

TALBA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

LIL MARIJA IMMAKULATA

 

Piazza di Spagna

Il-Ħamis 8 ta’ Diċembru 2022

 

Omm tagħna Immakulata,

illum il-poplu Ruman qed iross madwarek.

Il-ward imqiegħed f’riġlejk

minn tant realtajiet tal-belt

jesprimi l-imħabba u l-qima lejk,

li tindokra lilna lkoll.

U int tara u tilqa’ wkoll

dak il-ward li ma jidhirx li huma l-ħafna invokazzjonijiet,

il-ħafna talb fis-skiet, xi kultant fgat,

moħbi imma mhux għalik, li inti Omm.

 

Wara sentejn li fihom ġejt hawn

nagħtik qima waħdi qabel sbiħ il-jum,

illum erġajt lura hawn għandek flimkien man-nies,

in-nies ta’ din il-Knisja, in-nies ta’ din il-Belt.

U nwassallek ir-radd il-ħajr u t-talbiet

ta’ wliedek kollha, tal-qrib u tal-bogħod.

 

Int, mill-Ġenna fejn laqgħek Alla,

il-ħwejjeġ ta’ din l-art tarahom ħafna aħjar minna;

imma bħala Omm tagħti widen għall-invokazzjonijiet tagħna

biex tippreżentahom lil Ibnek,

lill-Qalb tiegħu mimlija ħniena.

 

Qabelxejn inwassallek l-imħabba ta’ wlied

ta’ għadd bla tarf ta’ rġiel u nisa, mhux biss Insara,

li għandhom lejk l-akbar rikonoxximent

għall-ġmiel tiegħek kollu grazzja u umiltà:

għax qalb tant sħab mudlam

inti sinjal ta’ tama u ta’ faraġ.

 

Inwassallek it-tbissimiet tat-tfal,

li quddiem xbieha tiegħek jitgħallmu ismek,

f’dirgħajn l-ommijiet u n-nanniet,

u jibdew jintebħu

li għandhom ukoll Omm fis-Sema.

U meta, fil-ħajja, jiġri li flok dawk it-tbissimiet

jitfaċċa d-dmugħ,

kemm ikun importanti li jkunu saru jafuk,

li jkunu rċivew b’don il-maternità tiegħek!

 

Inwassallek il-gratitudni tal-anzjani u tax-xjuħ:

radd ta’ ħajr li hu ħaġa waħda ma’ ħajjithom,

nisġa ta’ tifkiriet, ta’ ferħ u ta’ tbatija,

ta’ miri li huma jafu tajjeb

li rnexxielhom jilħqu bl-għajnuna tiegħek,

billi żammew idejhom f’tiegħek.

 

Omm tagħna, jiena nwassallek it-tħassib tal-familji,

tal-missirijiet u tal-ommijiet li spiss qed isibuha bi tqila

jħallsu l-ispejjeż kollha tad-dar,

u ta’ kuljum jaffrontaw

sfidi żgħar u kbar biex jibqgħu mexjin.

B’mod partikulari nafdalek il-koppji żgħażagħ,

biex waqt li jħarsu lejk u lejn San Ġużepp,

jaffaċċjaw il-ħajja bil-kuraġġ

u jafdaw fil-Providenza ta’ Alla.

 

Inwassallek il-ħolm u l-ansjetajiet taż-żgħażagħ,

miftuħa għall-futur imma mliġġma minn kultura

sinjura fil-ġid u fqira fil-valuri,

mimlija informazzjoni u nieqsa milli teduka,

li tilludi b’perważjoni u tiddeludi mingħajr ħniena.

Nirrakkomandalek b’mod speċjali l-adolexxenti

li l-aktar batew minħabba l-pandemija,

biex ftit ftit jerġgħu jibdew

iċaqilqu u jifirxu ġwenħajhom

u jsibu mill-ġdid il-gost li jtiru fil-għoli.

 

Verġni Immakulata, illum kieku xtaqt

inġiblek ir-radd il-ħajr tal-poplu Ukren,

għall-paċi li issa ilna żmien nitolbu lill-Mulej.

Minflok ikolli mill-ġdid nippreżentalek it-talba

tat-tfal, tal-anzjani,

tal-missirijiet u tal-ommijiet, taż-żgħażagħ

ta’ dik l-art mifnija, li qed tbati tant.

Imma fir-realtà lkoll kemm aħna nafu

li inti tinsab magħhom u ma’ dawk kollha li qed ibatu,

l-istess kif kont maġenb is-salib ta’ Ibnek.

 

Grazzi, Omm tagħna!

Meta nħarsu lejk, li inti bla ħtija,

nistgħu nkomplu nemmnu u nittamaw

li fuq il-mibegħda tirbaħ l-imħabba,

fuq il-gidba tirbaħ il-verità,

fuq l-offiża tirbaħ il-maħfra,

fuq il-gwerra tirbaħ il-paċi. Hekk ikun!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard