Laikos

 

 

TALBA LILL-VERĠNI U OMM TAGĦNA MARIJA

Mill-Papa Franġisku fi tmiem l-Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Gaudium

Nitolbuha li bit-talb tagħha ta’ omm tgħinna biex il-Knisja ssir dar għal ħafna, omm għall-ġnus kollha, u tagħmel possibbli t-twelid ta’ dinja ġdida.  Hu l-Irxoxt li qed jgħidilna, b’qawwa li timliena b’fiduċja liema bħalha u tama qawwija: “Ara, se nġedded kollox” (Apok 21:5).  Ma’ Marija nimxu kollna fiduċja lejn din il-wegħda, u ngħidulha:

 

Verġni u Omm tagħna Marija,

int li, imqanqla mill-Ispirtu,

ilqajt il-Verb tal-ħajja

fil-qiegħ nett tal-fidi umli tiegħek,

mogħtija kollha kemm hi lill-Etern,

għinna llissnu l-“iva” tagħna

għas-sejħa urġentitagħfas fuqna iktar minn qatt qabel,

li nsemmgħu mill-ġdid il-Bxara t-Tajba ta’ Ġesù.

 

Mimlija bil-preżenza ta’ Kristu,

int ġibt il-ferħ lil Ġwanni l-Battista,

hekk li qabeż fil-ġuf ta’ ommu.

Taqbeż bil-hena,

int għannejt l-għeġubijiet sbieħ tal-Mulej.

Int, li bqajt wieqfa taħt is-Salib

b’fidi li ma tiġġarrafx,

u lqajt il-faraġ hieni tal-Qawmien,

ġmajt id-dixxipli fl-istennija tal-Ispirtu

biex hekk twieldet il-Knisja evanġelizzatriċi.

 

Iksbilna issa l-ħeġġa ġdida li jnissel il-Qawmien,

biex nistgħu nwasslu lil kulħadd il-Vanġelu tal-ħajja

li jegħleb il-mewt.

Agħtina l-kuraġġ qaddis li nfittxu toroq ġodda

biex jasal għand kulħadd

id-don tal-ġmiel li ma jintefiex.

 

Int, Verġni tas-smigħ u tal-kontemplazzjoni,

omm tal-imħabba, għarusa tat-tieġ etern,

aqbeż għall-Knisja, li tagħha int ix-xbieha l-iżjed safja,

biex qatt ma tingħalaq fiha nfisha u qatt ma tehda

fil-passjoni tagħha biex twaqqaf mill-ġdid is-Saltna.

 

Kewkba tal-evanġelizzazzjoni ġdida,

għinna nkunu dawl fix-xhieda tagħna tal-komunjoni,

tas-servizz, tal-fidi mħeġġa u ġeneruża,

tal-ġustizzja u tal-imħabba lejn il-foqra,

biex il-ferħ tal-Vanġelu

jasal sa truf l-art

u l-ebda periferija ma tisfa mċaħħda mid-dawl tiegħu.

 

Omm il-Vanġelu ħaj,

għajn ta’ ferħ għaċ-ċkejknin,

itlob għalina.

 

Amen.  Hallelujah.

 

Mogħti Ruma, f’San Pietru, f’għeluq is-Sena tal-Fidi, nhar l-24 ta’ Novembru, Solennità tas-Sinjur Tagħna Ġesù Kristu, Sultan tal-Univers, tas-sena 2013, l-ewwel waħda tal-Pontifikat tiegħi.