Udjenza Ġenerali. 17 ta' Novembru 2021
Illum nixtieq nibgħat messaġġ lill-bnedmin li qed jgħixu fil-periferiji ġeografiċi l-iżjed minsija tad-dinja jew li qed jgħixu sitwazzjonijiet fejn iħossuhom imwarrba fil-ħajja. Ħa ssibu f’San Ġużepp ix-xhud u l-ħarries li lejh tħarsu. Lejh nistgħu nduru b’din it-talba, talba “tad-dar”, imma li ħierġa mill-qalb:
San Ġużepp,
inti li dejjem fdajt f’Alla,
u għamilt l-għażliet tiegħek
imdawwal mill-providenza tiegħu,
għallimna ma nserrħux iżżejjed fuq il-proġetti tagħna,
imma fuq il-pjan tiegħu ta’ mħabba.
Int li ġej mill-periferiji,
għinna ndawru l-ħarsa tagħna
u nippreferu dak li d-dinja tarmi u twarrab fil-ġenb.
Farraġ lil min qed iħossu waħdu
u wieżen lil min fis-skiet qed iħabrek
biex jiddefendi l-ħajja u d-dinjità umana. Amen.
Udjenza Ġenerali. 24 ta' Novembru 2021
Għeżież ħuti, qed naħseb f’tant persuni li jbatu biex isibu rabtiet sinifikattivi f’ħajjithom, u proprju minħabba f’hekk izappu, iħossuhom waħidhom, ma għandhomx is-saħħa u l-kuraġġ biex jibqgħu mexjin ’il quddiem. Nixtieq nagħlaq b’talba li tgħin lilhom u lilna lkoll insibu f’San Ġużepp alleat, ħabib u għajnuna.
San Ġużepp,
int li ħarist ir-rabta tiegħek ma’ Marija u ma’ Ġesù,
għinna nieħdu ħsieb tar-relazzjonijiet f’ħajjitna.
Agħmel li ħadd ma jħoss sens ta’ abbandun
li jiġi mis-solitudni.
Għin lil kulħadd jitħabbeb mal-istorja tiegħu,
ma’ min ġie qablu,
u jagħraf ukoll fl-iżbalji li għamel
bieb li nfetaħ għall-Providenza,
fejn il-ħażen ma kellux l-aħħar kelma.
Uri li int ħabib għal min l-iżjed li qed isibha bi tqila,
u kif weżint lil Marija u lil Ġesù fil-mumenti ibsin,
hekk wieżen lilna wkoll fil-mixja tagħna. Amen.
Udjenza Ġenerali. 1 ta' Diċembru 2021
U din id-darba wkoll nagħlqu b’talba lil San Ġużepp.
San Ġużepp,
int li ħabbejt lil Marija b’libertà sħiħa,
u għażilt li twarrab dak li immaġinajt biex tagħmel wisa’ għar-realtà,
għin lilna lkoll inħallu lil Alla jissorprendina
u nilqgħu l-ħajja mhux bħala imprevist li rridu niddefendu ruħna minnu,
imma bħala misteru li jaħbi s-sigriet tal-ferħ veru.
Agħti lill-għarajjes kollha Nsara l-ferħ u r-radikalità,
imma waqt li jżommu dejjem l-għarfien
li l-ħniena u l-maħfra biss jagħmlu l-imħabba possibbli. Amen.
Udjenza Ġenerali. 15 ta' Diċembru 2021
Nagħlqu b’talba:
San Ġużepp, bniedem tas-skiet,
int li fil-Vanġelu ma lissintx kelma waħda,
għallimna nsumu mill-kliem fil-vojt,
biex niskopru mill-ġdid il-valur tal-kliem li jedifika, jagħmel il-qalb, ifarraġ, iwieżen.
Kun qrib ta’ dawk li qed ibatu minħabba kliem li jweġġa’,
bħall-kalunnji u l-qlajjiet foloz,
u għinna biex mal-kliem norbtu dejjem il-fatti. Amen.
Udjenza Ġenerali. 29 ta' Diċembru 2021
Ejjew naħsbu f’tant nies vittmi tal-gwerer li jridu jaħarbu minn pajjiżhom u ma jistgħux; naħsbu fil-migranti li jibdew dik it-triq biex ikunu ħielsa u ħafna jispiċċaw mixħuta fit-triq jew fil-baħar; naħsbu f’Ġesù f’dirgħajn Ġużeppi u Marija, qed jaħarbu, u nilmħu fih lil kull wieħed u waħda mill-migranti tal-lum. Hija realtà, din tal-migrazzjoni tal-lum, li quddiemha ma nistgħux nagħlqu għajnejna. Huwa skandlu soċjali tal-umanità.
San Ġużepp,
int li ġarrabt it-tbatija ta’ min ikollu jaħrab,
int li kellek taħrab
biex issalva l-ħajja tal-persuni l-aktar għeżież,
ħares fuq dawk kollha li qed jaħarbu minħabba l-gwerra,
il-mibegħda, il-ġuħ.
Weżinhom fl-għawġ tagħhom,
qawwihom fit-tama u agħmel li jsibu min jilqagħhom u jurihom solidarjetà.
Mexxi l-passi tagħhom u iftaħ il-qalb ta’ dawk li jistgħu jgħinuhom. Amen.
Udjenza Ġenerali. 5 ta' Jannar 2022
Nitlob li ħadd ma jħossu mċaħħad minn rabta ta’ mħabba paterna. U dawk li huma morda għax iltiema, jalla jimxu ’l quddiem mingħajr dan is-sentiment hekk ikrah. Ħa jħaddem San Ġużepp il-protezzjoni tiegħu u l-għajnuna tiegħu fuq l-iltiema; u jaqbeż hu għall-koppji li jixtiequ li jkollhom tarbija. Għal dan nitolbu flimkien:
San Ġużepp,
int li ħabbejt lil Ġesù bi mħabba ta’ missier,
kun qrib ta’ tant tfal li m’għandhomx familja
u jixtiequ missier u omm.
Wieżen lill-koppji miżżewġa li mhux jirnexxilhom ikollhom tfal,
għinhom jiskopru, permezz ta’ din it-tbatija, proġett ogħla.
Agħmel li lil ħadd ma tonqsu dar, rabta,
persuna li tieħu ħsieb tiegħu jew tagħha;
u fejjaq l-egoiżmu ta’ min jagħlaq qalbu għall-ħajja,
biex jiftaħha beraħ għall-imħabba.
Udjenza Ġenerali. 12 ta' Jannar 2022
Għeżież ħuti, għal dan kollu llum nixtieq ngħid magħkom it-talba li San Pawlu VI għamel lil San Ġużepp fl-1 ta’ Mejju 1969:
O San Ġużepp,
Patrun tal-Knisja,
int li, qrib tal-Verb inkarnat,
ħdimt biex taqla’ l-ħobża ta’ kuljum,
u minnu xrobt il-qawwa li tgħix u li titħabat;
int li ġarrabt l-ansjetà tal-jum ta’ għada,
il-morr tal-faqar, il-prekarjetà tax-xogħol:
int li llum iddawwalna, bl-eżempju tal-figura tiegħek,
umli quddiem il-bnedmin
imma mill-aktar kbira quddiem Alla,
żomm idejk fuq il-ħaddiema fil-ħajja iebsa tagħhom ta’ kuljum,
ħarishom mill-qtigħ ta’ qalb,
mir-ribelljoni taċ-ċaħda,
kif ukoll mit-tentazzjonijiet tal-edoniżmu;
u żomm lid-dinja fil-paċi,
dik il-paċi li waħidha tista’ tiggarantixxi l-iżvilupp tal-popli. Amen.
Udjenza Ġenerali. 19 ta' Jannar 2022
U nagħlqu b’din it-talba:
San Ġużepp, missier fil-ħlewwa,
għallimna naċċettaw li aħna maħbuba proprju f’dak li hu l-iżjed dgħajjef fina.
Agħmel li ma npoġġu ebda impediment
bejn il-faqar tagħna u l-kobor tal-imħabba ta’ Alla.
Qanqal fina x-xewqa li nersqu għas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni,
biex niġu maħfura u mogħnija bil-ħila li nħobbu bil-ħlewwa
lil ħutna fil-faqar tagħhom.
Kun qrib ta’ dawk li żbaljaw u għalhekk qed iħallsu l-prezz;
għinhom biex, flimkien mal-ġustizzja, isibu wkoll il-ħlewwa biex jistgħu jibdew mill-ġdid.
U għallimhom li l-ewwel mod kif jerġgħu jibdew
hu li b’sinċerità jitolbu maħfra, biex iħossu fuqhom iż-żegħila tal-Missier.
Udjenza Ġenerali. 26 ta' Jannar 2022
Ġużeppi kien jitlob, jaħdem u jħobb – tliet ħwejjeġ sbieħ għall-ġenituri: jitlob, jaħdem u jħobb – u għalhekk irċieva dejjem il-meħtieġ biex seta’ jaffronta t-tiġrib tal-ħajja. Ejjew nafdaw fih u fl-interċessjoni tiegħu.
San Ġużepp, int il-bniedem li joħlom,
għallimna nerġgħu nfittxu l-ħajja spiritwali
bħala l-post ġewwieni li fih Alla jurina lilu nnifsu u jsalvana.
Tajjar minn moħħna kull ħsieb illi t-talb hu għalxejn;
għin lil kull wieħed u waħda minna biex nikkorrispondu ma’ dak li l-Mulej qed jurina.
Ħa jkunu r-raġunamenti tagħna mdawla mid-dawl tal-Ispirtu,
il-qalb tagħna mħeġġa mill-qawwa tiegħu,
u l-biżgħat tagħna salvati mill-ħniena tiegħu. Amen.
Udjenza Ġenerali. 2 ta' Frar 2022
Għalhekk nixtieq nagħlaq din il-katekeżi b’talba lil San Ġużepp li magħha nħoss li għandi rabta partikulari u li ili ngħid ta’ kuljum għal iżjed minn 40 sena. Hija talba li sibt fi ktieb tat-talb tas-Sorijiet ta’ Ġesù u Marija, tal-1700, tmiem is-seklu tmintax. Hija sabiħa ħafna, imma iżjed milli talba hija sfida lil dan il-ħabib, lil dan il-missier, lil dan il-ħarries tagħna li huwa San Ġużepp. Sabiħ kieku titgħallmuha din it-talba u tirrepetuha. Ħa naqraha:
“O Glorjuż Patrijarka, li l-qawwa tiegħek taf tagħmel possibbli l-ħwejjeġ impossibbli, għinni inti f’dawn il-mumenti ta’ tbatija u diffikultà. Ħu taħt il-ħarsien tiegħek is-sitwazzjonijiet hekk gravi u ibsin li qed nafdalek, biex twassalhom għal tmiem hieni. Missier maħbub tiegħi, inqiegħed fik il-fiduċja kollha tiegħi. Biex ma jgħidux li sejjaħtlek għalxejn, u ladarba int kollox tista’ tikseb mingħand Ġesù u Marija, urini li t-tjieba tiegħek hi kbira daqs setgħetek”.
Jien kuljum nafda lili nnifsi lil San Ġużepp, b’din it-talba, sa minn iżjed minn 40 sena ilu: hija talba antika.
Ejjew nimxu ’l quddiem, f’din ix-xirka tal-qaddisin kollha li għandna fis-sema u fl-art: il-Mulej ma jitlaqniex waħidna.
Udjenza Ġenerali. 9 ta' Frar 2022
Ħa jgħinna San Ġużepp biex ngħixu l-misteru tal-mewt bl-aħjar mod possibbli. Għan-Nisrani l-mewt it-tajba hija esperjenza tal-ħniena ta’ Alla, li toqrob lejna anki f’dak l-aħħar mument tal-ħajja tagħna. Anki fit-talba tas-Sliema, aħna nitolbu lill-Madonna tkun ħdejna “fis-siegħa tal-mewt tagħna”. Proprju għalhekk irrid nagħlaq din il-katekeżi billi flimkien nitolbu lill-Madonna għall-agonizzanti, għal dawk li qed jgħixu dan il-mument ta’ passaġġ minn dan il-bieb mudlam, u għall-familjari li qed jgħixu l-luttu. Nitolbu flimkien:
Sliema…