VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

fir-REPUBBLIKA DEMOKRATIKA TAL-KONGO u fis-SUDAN TA’ ISFEL

(Pellegrinaġġ Ekumeniku tal-Paċi fis-Sudan ta’ Isfel)

[31 ta’ Jannar – 5 ta’ Frar 2023]

TALBA EKUMENIKA

Mawsulew “John Garang (Giuba)

Is-Sibt 4 ta’ Frar 2023

 

Sur President tar-Repubblika,

Awtoritajiet distinti reliġjużi u ċivili,

Għeżież ħuti!

 

Minn din l-art maħbuba u mifnija għadhom kemm telgħu lejn is-Sema tant talbiet: ilħna differenti ngħaqdu flimkien, isawru leħen wieħed. Flimkien, bħala Poplu qaddis ta’ Alla, tlabna għal dan il-poplu miġruħ. Bħala Nsara, it-talb hu l-ewwel u l-aktar ħaġa importanti li aħna msejħin nagħmlu biex nistgħu naħdmu tajjeb u jkollna l-qawwa li nimxu. Nitolbu, naħdmu u nimxu: nirriflettu fuq dawn it-tliet verbi.

 

Nitolbu, qabelxejn. L-impenn kbir tal-komunitajiet Insara fil-promozzjoni umana, fis-solidarjetà u fil-paċi jkun għalxejn mingħajr it-talb. Fil-fatt, ma nistgħux nippromovu l-paċi mingħajr qabel ma nkunu sejjaħna lil Ġesù, “Prinċep tas-sliem” (Iż 9:5). Dak li nagħmlu għall-oħrajn u naqsmu mal-oħrajn hu qabelxejn don b’xejn li nirċievu b’idejna vojta mingħandu: hu grazzja, grazzja pura. Aħna Nsara għax Kristu ħabbna b’xejn.

 

Dalgħodu ispirajt ruħi mill-figura ta’ Mosè u issa, proprju f’rabta mat-talb, nixtieq nevoka mill-ġdid episodju deċiżiv għalih u għall-poplu tiegħu, li seħħ meta kien għadu kemm għadu beda jakkumpanjah fil-mixja lejn il-libertà. Meta jaslu qrib ix-xatt tal-Baħar l-Aħmar, tfeġġ quddiem għajnejh u quddiem dawk tal-Iżraeliti kollha xena drammatika: quddiemu mifrux il-ħajt tal-ilmijiet li ma jistax jinqabeż; warajh hemm riesaq l-eżerċtu tal-għadu, b’karrijiet u żwiemel. Forsi dan ma jfakkarniex fl-ewwel passi ta’ dan il-pajjiż, maħbut kemm mill-ilmijiet tal-mewt, kemm mit-tempesti diżastrużi li laqtuh, kemm minn vjolenza ta’ gwerra attroċi? Imma, f’dik is-sitwazzjoni ddisprata Mosè jgħid lill-poplu: “La tibżgħux! Żommu sħiħ, u taraw is-salvazzjoni li se jġibilkom illum il-Mulej” (Eż 14:13). Issa jiena nistaqsi: mnejn ġietu lil Mosè ċertezza bħal din, waqt li l-poplu tiegħu baqa’ jgerger kollu mbeżża’? Din il-qawwa ġietu mis-smigħ tal-Mulej (ara vv. 2-4), li kien wiegħdu li se juri l-glorja tiegħu. L-għaqda miegħu, il-fiduċja fih ikkultivata fit-talb, kienet is-sigriet li bih Mosè seta’ jsieħeb lill-poplu mill-jasar għall-ħelsien.

 

U hekk ukoll jiġri lilna: meta nitolbu, dan jagħtina l-qawwa li nimxu ’l quddiem, li naraw lil hemm, anki qalb id-dalma, is-salvazzjoni li Alla qed iħejji. Iktar minn hekk, it-talb jiġbed is-salvazzjoni ta’ Alla fuq il-poplu. It-talb ta’ interċessjoni, li kkaratterizza l-ħajja ta’ Mosè (ara Eż 32:11-14), hu dak li għandna nagħmlu fuq kollox aħna, Ragħajja tal-Poplu qaddis ta’ Alla. Sakemm Sid il-paċi jintervieni hu hemmhekk fejn il-bnedmin ma jirnexxilhomx jibnuha, hemm il-ħtieġa tat-talb: talb determinat u kostanti ta’ interċessjoni. Ħuti, ejjew inwieżnu lil xulxin f’dan: fid-diversi Konfessjonijiet tagħna ejjew inħossuna magħqudin bejnietna, bħal familja waħda; u nħossuna inkarigati nitolbu għal kulħadd. Fil-parroċċi, il-knejjes, il-ġemgħat tagħna ta’ kult u ta’ tifħir nitolbu b’mod assidwu u b’fehma waħda (ara Atti 1:14) biex is-Sudan ta’ Isfel, bħall-poplu ta’ Alla fl-Iskrittura, “jilħaq l-art imwiegħda”: ħa jagħmel użu b’mod seren u ekwu mill-art għammiela u għanja li jippossedi u ħa jimtela b’dik il-paċi mwiegħda imma li b’xorti ħażina għadha ma ntlaħqitx.

 

Proprju għall-kawża tal-paċi aħna msejħin, it-tieni nett, biex naħdmu. Għax Ġesù jridna “nġibu l-paċi” (Mt 5:9), irid li l-Knisja tiegħu ma tkunx biss sinjal u strument tal-għaqda intima ma’ Alla, imma anki tal-għaqda tal-familja kollha tal-bnedmin (ara Lumen gentium, 1). Fil-fatt, Kristu, kif ifakkar l-Appostlu Pawlu, “hu s-sliem tagħna” preċiżament fis-sens li hu se jerġa’ jwaqqaf l-għaqda: hu dak li “minn tnejn jagħmel ħaġa waħda, iġarraf il-ħajt li jifred, il-mibegħda” (ara Efes 2:14). Din hi l-paċi ta’ Alla: mhux biss waqfien mill-ġlied, imma komunjoni tal-aħwa, li tiġi billi wieħed jgħaqqad flimkien, u mhux jassorbi; billi wieħed jaħfer, mhux jaħkem; billi jirrikonċilja, mhux jimponi ruħu. Tant hi kbira din ix-xewqa ta’ paċi tas-Sema, li ġiet imħabbra diġà fil-mument tat-twelid ta’ Kristu: “sliem fl-art lill-bnedmin li jogħġbu lilu” (Lq 2:14). U tant kienet it-tbatija ta’ Ġesù għaċ-ċaħda ta’ dan id-don li hu ġabilna, li hu beka fuq Ġerusalemm, u qal: “Mhux li għaraft imqar int ukoll f’dan il-jum x’inhu ta’ ġid għalik!” (Lq 19:42).

 

Aħna, għeżież ħuti, naħdmu bla heda għal din il-paċi, li l-Ispirtu ta’ Ġesù u tal-Missier qed jistedinna nibnu: paċi li tintegra d-differenzi, li tippromovi l-għaqda fil-pluralità. Din hija l-paċi tal-Ispirtu s-Santu, li jarmonizza d-differenzi, waqt li l-ispirtu għadu ta’ Alla u tal-bniedem japprofitta mid-differenzi biex jifred. Dwar dan, l-Iskrittura tgħid: “B’dan jidhru min huma wlied Alla u min huma wlied ix-Xitan; għax min ma jagħmilx il-ġustizzja mhuwiex minn Alla, anqas min ma jħobbx lil ħuh” (1 Ġw 3:10). Għeżież, min jgħid li hu Nisrani għandu jagħżel ma’ liema naħa qiegħed. Min jimxi wara Kristu jagħżel il-paċi, dejjem; min jaqla’ l-gwerra u l-vjolenza jkun jittradixxi lill-Mulej u jiċħad il-Vanġelu tiegħu. L-istil li Ġesù jgħallimna huwa ċar: inħobbu lil kulħadd, għax huma kollha maħbuba bħala wlied mill-Missier komuni li hu fis-smewwiet. L-imħabba tan-Nisrani mhijiex biss għal dawk tal-qrib, imma għal kulħadd, għax f’Ġesù kulħadd huwa proxxmu tagħna, ħuna, saħansitra l-għadu (ara Mt 5:38-48); iktar u iktar allura dawk li huma mill-istess poplu tagħna, imqar jekk ta’ grupp etniku differenti. “Li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien” (Ġw 15:12): dan hu l-kmandament ta’ Ġesù, li jeħodha kontra kull viżjoni tribali tar-reliġjon. Biex “ikunu lkoll ħaġa waħda” (Ġw 17:21): din hi t-talba mqanqla ta’ Ġesù lill-Missier għalina lkoll li nemmnu.

 

Ħuti, ejjew inħabirku għal din l-għaqda fraterna bejnietna l-Insara u ngħinu lil xulxin biex ngħaddu l-messaġġ tal-paċi fis-soċjetà, biex inxerrdu l-istil tan-non-vjolenza ta’ Ġesù, biex f’min jistqarr li jemmen ma jkunx hemm iżjed wisa’ għal kultura msejsa fuq l-ispirtu ta’ vendetta; biex il-Vanġelu ma jkunx biss diskors reliġjuż sabiħ, imma profezija li ssir realtà fl-istorja. Ejjew inħabirku għal dan: naħdmu għall-paċi billi ninsġu u nħitu mill-ġdid, u qatt ma naqtgħu jew inċarrtu. Nimxu wara Ġesù u, warajh, nimxu b’passi komuni fit-triq tal-paċi (ara Lq 1:79).

 

U hawn jiġi t-tielet verb: wara li nitolbu u naħdmu, nimxu. Hawn, tul is-snin, il-komunitajiet Insara impenjaw ruħhom bil-qawwa biex jippromovu mixjiet ta’ rikonċiljazzjoni. Jiena nixtieq nirringrazzjakom għal din ix-xhieda mdawla ta’ fidi, li twieldet mir-rikonoxximent, mhux biss bil-kliem, imma bil-fatti, li qabel il-firdiet storiċi hemm realtà li ma tinbidilx: aħna Nsara, aħna ta’ Kristu. Kemm hu sabiħ li, qalb tant kunflitti, l-appartenenza Nisranija qatt ma sfrattat il-poplu, imma kienet, u għadha, fattur ta’ għaqda. Il-wirt ekumeniku tas-Sudan ta’ Isfel hu teżor prezzjuż, għanja ta’ ġieħ lill-isem ta’ Ġesù, att ta’ mħabba lill-Knisja l-għarusa tiegħu, eżempju universali għall-mixja tal-għaqda tal-Insara. Hu wirt li għandna nħarsuh bl-istess spirtu: il-firdiet ekkleżjali tas-sekli l-imgħoddija ma jridux iħallu effetti qarsa fuq min jiġi evanġelizzat, imma ż-żrigħ tal-Vanġelu jrid jikkontribwixxi biex ixerred għaqda ikbar. It-tribaliżmu u l-partiġjaniżmu li jrewħu l-vjolenzi fil-pajjiż ma jxejnux ir-relazzjonijiet interkonfessjonali; bil-maqlub, ix-xhieda tal-għaqda bejn dawk li jemmnu tissawwab fuq il-poplu.

 

F’dan is-sens, biex nagħlaq, nixtieq nissuġġerixxi żewġ kelmiet-muftieħ għall-bqija tal-mixja tagħna: memorja u impenn. Memorja: il-passi li tagħmlu jimxu fuq dawk tal-predeċessuri tagħkom. La tibżgħux li mhux ħa taslu, imma ħossukom imħeġġa minn min ħejjielkom it-triq: bħal dak li jgħaddi t-torċa lil ta’ warajh, ilqgħu x-xhieda tagħhom biex tħaffu taslu fid-destinazzjoni ta’ komunjoni sħiħa u viżibbli. U mbagħad impenn: nimxu lejn l-għaqda meta l-imħabba hi konkreta, meta flimkien ngħinu lil min jinsab fit-tarf, min hu midrub jew imwarrab. Dan intom diġà qed tagħmluh f’diversi oqsma, jiġuni f’moħħi b’mod partikulari dawk tas-saħħa, tat-tagħlim, tal-karità: kemm għajnuniet urġenti u indispensabbli tagħtu lill-poplu! Grazzi ta’ dan. Komplu hekk: qatt kompetituri, imma familjari; aħwa li, permezz tal-kompassjoni għall-batuti, l-ippreferuti ta’ Ġesù, jagħtu glorja lil Alla u xhieda tal-komunjoni li huwa jħobb.

 

Għeżież, jien u ħuti ġejna pellegrini f’nofskom, Poplu qaddis ta’ Alla li jinsab fil-mixja. Imqar jekk imbiegħda fiżikament, dejjem se nkunu qrib tagħkom. Ejjew ta’ kuljum nerġgħu nibdew billi nitolbu għal xulxin u mal-oħrajn, billi naħdmu flimkien bħala xhieda u medjaturi tal-paċi ta’ Ġesù, billi nimxu fl-istess triq, nagħmlu passi konkreti ta’ mħabba u ta’ għaqda. F’kollox, ejjew inħobbu lil xulxin bi mħabba kbira u tassew mill-qalb (ara 1 Piet 1:22).

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard