VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

fir-REPUBBLIKA DEMOKRATIKA TAL-KONGO u fis-SUDAN TA’ ISFEL

(Pellegrinaġġ Ekumeniku tal-Paċi fis-Sudan ta’ Isfel)

[31 ta’ Jannar – 5 ta’ Frar 2023]

KONFERENZA STAMPA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

FIT-TITJIRA LURA

Titjira Papali

Il-Ħadd 5 ta’ Frar

 

Introduzzjoni ta’ M. Bruni

L-għodwa t-tajba, bla dubju ta’ xejn dan kien vjaġġ partikulari, partikulari kemm għall-ħwejjeġ li rajna u li smajna, imma wkoll għax hu vjaġġ li seħħ bħala pellegrinaġġ fil-kumpanija, pellegrinaġġ għall-paċi u fil-kumpanija, immaġni li tidher b’mod ċar hawn ukoll bħalissa. Jiena mbagħad xħin jasal il-ħin se nitlob lill-ġurnalisti jagħmlu l-mistoqsijiet tagħhom, u nindika wkoll lil min qed isiru f’dan il-każ, għax hawnhekk magħna flimkien mal-Papa, għandna l-Moderatur ġenerali tal-Knisja Presbiterjana Skoċċiża, u tafuh ukoll lill-Arċisqof Welby ta’ Canterbury. Imma qabel nibdew, nitlob qabelxejn lill-Qdusija Tiegħu jekk iridx jgħidilna xi kelma.

 

Il-Papa Franġisku

Il-Ħadd it-tajjeb u grazzi tal-ħidma tagħkom f’dawn il-jiem. Dan kien vjaġġ ekumeniku maż-żewġ ħuti u għalhekk ridt li fil-konferenza stampa jkun hawn ukoll huma t-tnejn, fuq kollox l-Arċisqof ta’ Canterbury, għax hu għandu l-istorja tul is-snin ta’ din it-triq ta’ rikonċiljazzjoni; hu ħadem ħafna qabli dwar dan. Għalhekk ridt li t-tnejn li huma jkunu hawn. Grazzi, u mbagħad nitkellmu.

 

Welby

Il-waranofsinhar it-tajjeb u grazzi ħafna. U, Santità, grazzi. Fl-2014, f’Jannar, jien u marti żorna s-Sudan ta’ Isfel bħala parti minn serje ta’ vjaġġi madwar il-Komunjoni Anglikana. U meta wasalna, ġejna mitluba mill-Arċisqof, l-Arċisqof Anglikan, biex immorru f’belt jisimha Bor. F’dak iż-żmien il-gwerra ċivili kienet ilha għaddejja għal xi ħames ġimgħat u kienet qalila ħafna. Meta wasalna Bor, irkibna ajruplan b’magna waħda u nżilna f’mitjar abbandunat li mal-bibien tiegħu kellu mixħuta l-ewwel iġsma mejta. Kien hemm 3,000 ġisem mhux midfun f’Bor dakinhar, u kien hemm 5,000. Kien hemm xi ftit tal-Ġnus Magħquda u ħafna truppi fil-madwar. Morna fil-katidral fejn il-kleru kollu kien ġie maqtul, il-kleru Anglikan, in-nisa tagħhom kienu ġew stuprati u mbagħad maqtula. Kienet sitwazzjoni terribbli.

 

Fi triqitna lura, jiena u marti ħassejna sejħa qawwija biex naraw xi stajna nagħmlu biex nissapportjaw il-poplu tas-Sudan ta’ Isfel. U minn hemm, f’waħda mil-laqgħat regolari li għandi l-privileġġ li jkolli mal-Papa Franġisku, tkellimna ħafna fuq is-Sudan ta’ Isfel u żviluppajna l-idea ta’ rtir fil-Vatikan. It-tim tiegħi f’Lambeth, flimkien mal-Vatikan, ħadmu fuqha, sa mill-2016, żaru s-Sudan ta’ Isfel f’diversi xhur u qattgħu l-ħin jaħdmu fuq il-post u jaħdmu mal-mexxejja biex jippruvaw jorganizzaw din iż-żjara. Marti marret mill-ġdid u ħadmet man-nisa tal-isqfijiet u mexxejja nisa, li huma stess kienu taħt pressjoni enormi, u żorna wkoll mexxejja li kienu fl-eżilju fl-Uganda.

 

Fl-2018, deher ċar li kien se jkun hemm il-possibbiltà ta’ żjara bikri fl-2019, u rnexxielna. Kien miraklu li din seħħet. Wieħed mill-Viċi-Presidenti kien taħt arrest domiċiljari f’Khartoum. U niftakar il-ġurnata qabel iż-żjara – kont sejjer Ruma kmieni ħafna l-għada filgħodu għaż-żjara. Kienu 36 siegħa qabel, lejliet – kont f’parkeġġ ta’ skola f’Nottingham, fl-Ingilterra, inċempel lis-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda biex ngħidlu jirranġa, li rnexxielu b’mod brillanti, u jġib visa għall-Viċi-President li qabad l-aħħar titjira ta’ Khartoum eżatt qabel ingħalaq l-ispazju tal-ajru minħabba l-coup detat.

 

Il-punt fokali tal-konferenza tal-2019 ovvjament kien id-dehra indimentikabbli tal-Papa jinżel għarkupptejh ibus is-saqajn tal-mexxejja u jgħid: “Nitlobkom tagħmlu paċi”, u huma jippruvaw iżommuh. Dan kien jeħodlok ħsiebek dritt lejn il-kapitlu 13 tal-Vanġelu ta’ San Ġwann. Kien mument tassew kbir.

 

Kellna xi konverżazzjonijiet ibsin ħafna, u f’mument minnhom il-Viċi-Presidenti daħlu separatament għal-laqgħa, li kienet intensa ħafna, imma ħarġu b’impenn li jġeddu l-ftehim ta’ paċi. U jien naħseb li dak il-mument tal-Papa kien il-mument deċiżiv, li dawwar kollox.

 

Imma kif qal il-maniġer ta’ qabel tal-futbol fl-Ingilterra, int tajjeb biss daqskemm hi tajba l-partita li jmiss tiegħek. U l-Covid ittardja serjament il-partita li kien imiss. Naħseb li r-riżultat ta’ dan kien li tlifna l-momentum fil-proċess tal-paċi. U xħin ġejna għal din iż-żjara, it-timijiet komplew jaħdmu, imma kienu ħafna inqas kunfidenti minn tal-2019.

 

Għalhekk jiena temmejt din iż-żjara b’sens qawwi ta’ inkuraġġiment, mhux daqstant li kien hemm xi ħaġa ta’ barra minn hawn, imma kien hemm sens, biex ninqeda bi frażi li qal il-Papa, ta’ qalb tkellem lil qalb. Il-kuntatt ma kienx fuq il-livell intellettwali, kif stajtu tinnotaw fid-diversi laqgħat fejn kien hemm diskorsi. Il-qalb kellmet lill-qalb. U aħna… Hemm momentum fuq il-livell tan-nofs u dak l-aktar prattiku. U dak li għandna bżonn issa hu bidla serja tal-qalb mit-tmexxija. Iridu jaqblu dwar proċess li jwassal għal transizzjoni tal-poter. Iridu jaqblu fuq proċess li jwassal għal transizzjoni paċifika tal-poter. Dan intqalilhom pubblikament. Għidnihulhom. Trid tispiċċa l-korruzzjoni u t-traffikar tal-armi u l-ġbir ta’ kwantitajiet kbar ta’ armi. Dan se jitlob ħafna iżjed xogħol flimkien mal-Vatikan u Lambeth, imma fuq kollox mal-gvernijiet, it-troika, biex jiftħu dan il-bieb, li għadu ma nfetaħx daqskemm nixtieq, li hu miftuħ, biex jiftħu beraħ il-bieb u jagħmlu progress veru. Bażikament fadal ftit inqas minn sentejn għall-elezzjonijiet, tmiem l-2024. Neħtieġu progress serju sa tmiem l-2023. Issa ngħaddi l-mikrofonu lill-Moderatur biex jgħid kelma hu wkoll.

 

Greenshields

Grazzi, Arċisqof. L-esperjenza tiegħi hi ovvjament differenti ħafna minn tal-Papa u tal-Arċisqof, għax din hi l-ewwel darba tiegħi fis-Sudan ta’ Isfel. Imma, din mhix l-ewwel darba tal-Knisja tiegħi fis-Sudan ta’ Isfel, għax Moderatur qabli kien ivvjaġġa f’dik li kienet, skont hu, sitwazzjoni estremament vulnerabbli. Rikonċiljazzjoni, maħfra, dawn kienu fil-qalba tal-konverżazzjoni u d-djalogu li seħħ dakinhar fl-2015. Ġew mistiedna nies mill-Iskozja biex jirriflettu u biex jitħarrġu u biex jerġgħu lura fis-Sudan ta’ Isfel. Issa din hi fit-territorju Presbiterjan tas-Sudan ta’ Isfel. Jiena rrid intenni dak li qal sieħbi hawn, li ntqal kliem qawwi ħafna. Intqalet il-verità. Lill-qalb kif ukoll lill-moħħ. Jiena naħseb li s-sitwazzjoni issa b’mod ċar hija din: li l-azzjonijiet jitkellmu b’qawwa ikbar mill-kliem. Aħna ġejna mistiedna mill-gvern u mill-knejjes biex immorru hemm l-istess kif ħabib jistiednek biex tidħol fil-kamra tiegħu, fid-dar tiegħu. U dik l-istedina kienet waħda fejn ġejna mitluba ngħinu b’kull mod possibbli biex nagħmlu differenza f’dik is-sitwazzjoni, biex niltaqgħu ma’ sħabna, biex nippruvaw b’kull mod li nistgħu nitkellmu ma’ dawk fil-poter. Dan sar. Issa f’idejn dawk li jistgħu jagħmlu differenza biex jibdew dan il-proċess b’mod urġenti. U dan hu li qed jiġi mitlub minna f’din iż-żjara.

 

Jean-Baptiste Malenge (RTCE-Radio Catholique Elikya ASBL)

Jien Jean-Baptiste Malenge mill-Elikya Catholic Radio-Television tal-Arċidjoċesi ta’ Kinshasa. Santità, int kont ilek tixtieq iżżur ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, u issa l-pajjiż kollu mimli bil-ferħ li inti żrajt. X’importanza tagħti lill-ftehim iffirmat fl-2016 bejn is-Santa Sede u r-Repubblika Demokratika tal-Kongo, ftehim fuq materji ta’ interess komuni bħall-edukazzjoni u s-saħħa? Il-ftehim qed jiġi implimentat, issa li missejt bosta ġrieħi b’idejk stess, issa li r-Ragħaj Universali xamm ir-riħa tan-nagħaġ tal-Kongo…

 

Il-Papa Franġisku

Grazzi. L-ewwel, fuq il-Ftehim. Jiena ma nafx x’hemm f’dak il-Ftehim, skużani. Hawnhekk hawn is-Segretarju tal-Istat, jista’ jagħti opinjoni. Naf li fl-aħħar żminijiet kien qed jinħadem Ftehim bejn is-Santa Sede u r-Repubblika Demokratika tal-Kongo, imma ma nafx x’fih, ma nistax inwieġbek fuq hekk. Lanqas naf id-differenza bejn dan il-ġdid li qed isir u l-ieħor. Dawn l-affarijiet tagħmilhom is-Segreterija tal-Istat, is-Segretarju tal-Istat u anki iżjed mill-qrib Mons. Gallagher li jinsab hawn, fil-parti politika tar-relazzjonijiet tas-Santa Sede mal-Istati; huma bravi biex ifasslu ftehim għall-ġid ta’ kulħadd.

 

Rajt fil-Kongo tant rieda li jimxu ’l quddiem, tant kultura. Qabel ġejt hawn, xi xhur ilu, kelli laqgħa online ma’ universitarji Afrikani, u xi wħud kienu mill-Kongo: intelliġentissmi; intom għandkom nies ta’ intelliġenza superjuri, intelliġentissmi. Dan hu fost l-għana tagħkom, iż-żgħażagħ, żgħażagħ intelliġenti; u rridu ngħinuhom lil dawn iż-żgħażagħ, biex jistudjaw u jimxu ’l quddiem; u rridu nagħmlulhom il-wisa’, mhux nagħlqulhom il-bibien.

 

Intom għandkom tant għana naturali, li jiġbed in-nies biex jiġu – skużawni l-kelma – biex jisfruttaw il-Kongo. Hemm din l-idea, li diġà semmejt, li l-Afrika għandha tiġi sfruttata. Xi ħadd jgħid, ma nafx hux minnu, li l-pajjiżi li kellhom kolonji tawhom l-indipendenza imma “mill-art ’il fuq”: taħtha ma tawhomx indipendenza, jiġu jfittxu l-minerali. Ma nafx dan hux minnu, hekk jingħad. Imma l-idea li l-Afrika qiegħda hemm biex tisfruttaha rridu nneħħuha. L-Afrika għandha d-dinjità tagħha. U l-Kongo f’dan jinsab f’livell għoli ħafna.

 

U la qed nitkellmu fuq sfruttament, tolqotni u tnikkitni l-problema tal-lvant, li hi problema ta’ gwerra u ta’ sfruttament. Fil-Kongo stajt niltaqa’ ma’ vittmi ta’ dik il-gwerra. Terribbli. Midruba, immutilati… Tant tbatija, tant tbatija. Kollox biex jieħdu l-ġid. Mhux sew, mhux sew!

 

Imma lura għall-mistoqsija tiegħek fuq il-Kongo, il-Kongo għandu tant possibbiltajiet.

 

Welby

Il-punent tal-Kongo ma nafux daqshekk sew. Marti reġgħet kienet hemm, taħdem ma’ nisa f’kunflitt. Imma jien… Jien iktar ivvjaġġajt fil-Lvant l-aħħar li ġejt fl-2018, eżatt qabel il-Covid. U rrid naqbel minn qalbi ma’ dak li qal il-Qdusija Tiegħu. Irridu nkunu ċari. Il-Kongo mhux post fejn joqogħdu jilagħbu l-potenzi l-kbar jew għall-piraterija tal-kumpaniji żgħar tal-minjieri. Il-kumpaniji hemmhekk qed jaġixxu bla responsabbiltà billi jużaw il-polvri biex jisplodu fil-minjieri, il-ħtif – l-użu ta’ tfal suldati, stupri fuq skala kbira, u sempliċiment qed iħarbtu l-pajjiż. Dak il-pajjiż għandu jkun wieħed mill-aktar sinjuri fuq wiċċ il-pjaneta. Wieħed mill-aktar li jagħtu għajnuna lill-bqija tal-Afrika. Spiċċa ttorturat. Ingħata l-indipendenza politika teknikament, imma mhux l-indipendenza ekonomika.

 

U l-esperjenza kollha tal-Lvant – l-aħħar li kont hemm kien fi żmien l-Ebola, eżatt f’nofs ir-reġjun militari, u konna qed inħarrġu l-pastors kif għandhom jittrattraw l-Ebola ta’ kull xorta… Il-Knejjes qed jagħmlu xogħol tal-għaġeb hemmhekk. L-uniku grupp li jiffunzjona, partikularment, Father, il-Knisja Kattolika Rumana, qed tagħmel xogħol mill-aqwa. Il-Great Lakes Peace Project, immexxi mill-Knisja Kattolika Rumana, hu tajjeb ħafna, imma l-potenzi l-kbar jgħidu: “L-Afrika u l-Kongo b’mod partikulari għandhom ħafna mill-blat mhux maħdum u l-metall u l-minerali u r-riżorsi li niġu bżonn fid-dinja, jekk l-ekonomija tad-dinja trid taqleb għal ‘ħadra’ u nsalvaw il-pjaneta mill-bidla fil-klima”. U l-uniku mod li dan jista’ jsir b’mod li ma jċappasx idejna bid-demm hu jekk il-potenzi l-kbar ifittxu l-paċi tal-Kongio u mhux biss il-ġid tagħhom.

 

Greenshields

Ma rridx inżid ħafna għax naħseb li dik kienet tweġiba mill-aqwa. Imma hi twissija, hux hekk, lil dawk li għandhom il-ġid. Imma jien naħseb li kienet xi ħaġa li l-Papa semma hawn dwar iż-żgħażagħ. L-imħuħ intelliġenti u tajbin taż-żgħażagħ jixirqilhom l-opportunità li jiżviluppaw. Issa, mill-esperjenza tiegħi f’partijiet oħra tad-dinja, l-imħuħ intelliġenti ta’ nisa żgħażagħ jixirqilhom id-dritt għall-istess opportunitajiet eżatt bħal oħrajn f’kull pajjiż ieħor, imma speċjalment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. U din hi t-talba tiegħi. Id-drittijiet tan-nisa u t-tfajliet b’mod partikulari għandhom jitqiesu l-aktar importanti.

 

Jean-Luc Mootosamy (CAPAV)

Rajna kif il-vjolenza mhix tieqaf minkejja għexieren ta’ preżenzi ta’ missjonijiet tal-Ġnus Magħquda. Kif tistgħu intom, flimkien, tgħinu biex nippromovu mudell ġdid ta’ intervent, meta qed naraw it-tentazzjoni tikber ta’ ħafna pajjiżi Afrikani li jagħżlu sieħba oħra biex jiggarantixxu s-sigurtà, sieħba li jista’ jkun li ma jirrispettawx il-liġijiet internazzjonali, bħal xi kumpaniji privati Russi jew organizzazzjonijiet oħra, fir-reġjun tas-Sahel ngħidu aħna?

 

Il-Papa Franġisku

Grazzi. It-tema tal-vjolenza hi tema ta’ kuljum. Għadna kemm rajna dan anki hawn fis-Sudan ta’ Isfel. Imma hi għafsa tal-qalb tara kif tinqala’ l-vjolenza. Wieħed mill-punti hu l-bejgħ tal-armi. L-Arċisqof Welby qal xi ħaġa fuq dan. Il-bejgħ tal-armi. Illum memmen li fid-dinja din hija l-pesta, l-ikbar pesta: il-kummerċ, il-bejgħ tal-armi. Xi ħadd qalli – wieħed jifhem – li b’dak li jintefaq f’sena fl-armi, nistgħu neqirdu l-ġuħ fid-dinja. Ma nafx jekk hux veru jew le. Imma llum, fuq nett, hemm il-bejgħ tal-armi. U mhux biss bejn il-potenzi l-kbar, anki ma’ dawn in-nies foqra. Nies li lilhom, b’dan, inkunu niżirgħulhom il-gwerra ġo fihom. X’kefrija! Jgħidulhom: “Mur għall-gwerra!”, u jagħtuhom l-armi, għax wara dan hemm l-interessi, fuq kollox interessi ekonomiċi, biex jisfruttaw l-art, biex jisfruttaw il-minerali, biex jisfruttaw il-ġid.

 

Huwa minnu li t-tribaliżmu fl-Afrika ma jgħinx. Ma nafx sew kif inhu fis-Sudan ta’ Isfel, imma nemmen li hawn. Hu meħtieġ id-djalogu bejn id-diversi tribujiet. Niftakar meta kont il-Kenja, fl-istadju mimli kulħadd qam bilwieqfa jgħid: “Le għat-tribaliżmu, le għat-tribaliżmu!”. Hu minnu li kull tribù għandu l-istorja tiegħu, li għandu tilwim antik jew kulturi differenti. Imma hu wkoll minnu li l-ġlieda bejn it-tribujiet tiġi pprovokata bil-bejgħ tal-armi u mbagħad jisfruttaw l-art taż-żewġ tribujiet li huma. Dan hu djaboliku. Ma nsibx kelma oħra. Inkunu neqirdu: neqirdu l-ħolqien, neqirdu l-persuna, neqirdu s-soċjetà.

 

Ma nafx jekk fis-Sudan ta’ Isfel jiġrix dan, imma f’xi pajjiżi t-tfal jeħduhom biex jagħmlu parti mill-milizzja u jiġġieldu, tfal. Din hi ta’ wġigħ il-qalb kbir.

 

Biex niġbor kollox fil-qosor: nemmen li l-problema l-aktar gravi hi l-ħerqa kbira li għandna biex nieħdu l-ġid ta’ dak il-pajjiż: koltan, litju u dawn l-affarijiet kollha – permezz tal-gwerra, li għaliha jbigħu l-armi, u jisfruttaw anki t-tfal.

 

Greenshields

Naħseb li wieħed mill-argumenti li jiġu f’moħħi dwar dan, hu l-livell kbir ta’ illitteriżmu li jeżisti f’dawn il-pajjiżi, fejn in-nies ma jifhmux sewwa min huma u fejn huma u kif jagħmlu għażliet edukati. Dik ħaġa. Ċertament irridu nisfidaw il-ġirja għall-armamenti, fejn hemm min qed jagħmel aktar flus minn dan mid-dinja kollha u aktarx minn kull ħaġa oħra. Dan irridu nagħmluh bil-persważjoni u l-firda negħlbuha bid-djalogu.

 

Irrid naqsam magħkom biss storja waħda ċkejkna dwar l-Iskozja, il-pajjiż li ġej minnu, li kien pajjiż reliġjożament maqsum ħafna fejn kellna affarijet terribbli għaddejjin, vjolenza terribbli, firda terribbli fin-nazzjon tagħna. Imbagħad hemm beda proċess ta’ djalogu bejnietna, il-Knisja tal-Iskozja u l-Knisja Kattolika fl-Iskozja, li wasal f’punt is-sena l-oħra fejn aħna ffirmajna dikjarazzjoni ta’ ħbiberija, fejn nistgħu nitkellmu ma’ xulxin fid-differenzi tagħna, imma wkoll fi qbil mal-affarijiet li naqblu fuqhom. U hu biss meta tasal għal dak l-istadju ta’ djalogu u laqgħa mal-persuna l-oħra li tibda ġġarraf dawk il-ħitan. U dan hu li nnutajna fl-Iskozja. U dak li, meta kont żgħir, kien pajjiż maqsum bil-kbir, qed jinbidel. U l-edukazzjoni tgħin ukoll biex isir dan.

 

Welby

Irrid naqbad ma’ punt ieħor, għax din kienet mistoqsija tajba ħafna u li għenitna. Mhux il-Ġnus Magħquda jew affarijiet oħra. Imma ‘u’. Dejjem ‘u’ iktar milli ‘jew’.

 

Dak li jġibu l-Knejjes mhumiex biss xbieki funzjonali li huma kważi inkorruttibbli. U allura meta inti toffri l-għajnuna tiegħek, u tasal għand in-nies hemmhekk; u x-xbieki tagħhom jaqsmu l-fruntieri tal-ġlied, u l-bqija kollu. Is-Sibt, l-Arċisqof tagħna f’Kajo Keji difen 20 ruħ. Mar hemm isfel hu stess. Reġa’ lura s-Sibt filgħaxija. Kien għamel differenza kbira. Hi l-bidla tal-qalb. U dan hu l-punt ta’ din iż-żjara.

 

103 snin ilu, 100 sena ilu, in-Nuer u d-Dinka kienu l-ħin kollu gwerra bejniethom. Kienet kultura ta’ vendetta. In-Nuer, b’mod partikulari, kienu fi gwerra mal-klans bejniethom, ukoll. Tħarbit tal-imrieħel. Id-differenza ma għamilhiex il-gvern kolonjali. Għamluha l-knejjes u l-bidla fil-qalb, waqt li n-nies irċiviet il-fidi fi Kristu u rrealizzat li kien hemm mod ġdid kif tgħix.

 

Allura t-talb tiegħi fi tmiem din iż-żjara mhuwiex biss ħafna attiviżmu, imma wkoll li l-Ispirtu Qaddis ta’ Alla jġib spirtu ġdid ta’ rikonċiljazzjoni u fejqan lill-poplu tas-Sudan ta’ Isfel.

 

Claudio Lavanga (NBC NEWS)

Bonġu lil kulħadd. Lilek, Santità, xtaqt insaqsik, ladarba l-Arċisqof Welby fakkar dak il-mument inkredibbli fl-2019, meta nżilt għarkupptejk quddiem il-mexxejja tas-Sudan ta’ Isfel biex titlob għall-paċi, b’xorti ħażina fi żmien ħmistax jaħbat l-ewwel anniversarju ta’ kunflitt ieħor terribbli, dak tal-Ukrajna, u l-mistoqsija tiegħi hi: int tkun lest tagħmel l-istess ġest fil-konfront ta’ Vladimir Putin kieku kellek il-possibbiltà li tiltaqa’ miegħu, ladarba l-appelli tiegħek għall-paċi sa issa waqgħu fuq widnejn torox? U lilkom it-tlieta: ridt naf tridux tagħmlu appell konġunt għall-paċi fl-Ukrajna, ladarba dan hu mument rari li fih tinsab t-tlieta li intom flimkien.

 

Il-Papa Franġisku

Jiena lest li niltaqa’ maż-żewġ Presidenti, dak tal-Ukrajna u dak tar-Russja, miftuħ għal laqgħa. Jekk ma mortx Kiev, dan għax ma kienx possibbli f’dak il-mument li mmur Moska. Imma kont fi djalogu, anzi t-tieni jum tal-gwerra mort fl-Ambaxxata Russa biex ngħidilhom li ridt immur Moska nitkellem ma’ Putin, bil-patt u l-kundizzjoni li tinfetaħ imqar tieqa ċkejkna biex ninnegozjaw. Imbagħad il-Ministru Lavrov weġibni: “Tajjeb”, li iva, kienu se jivvalutaw tajjeb il-biċċa, imma “mbagħad naraw ’il quddiem”. Dak kien ġest maħsub, u għidt: “ħa nagħmlu għalih”.

 

Imma dak il-ġest tal-laqgħa tal-2019 ma nafx kif ġara, ma kienx maħsub, u l-affarijiet li ma tkunx ħsibthom minn qabel ma tistax tirrepetihom, huwa l-Ispirtu li jwasslek sa hemm, ma tistax tispjega, daqshekk, u jiena nsejtu wkoll. Kien servizz, kont strument ta’ tqanqil interjuri, mhux ħaġa li ġiet ippjanata.

 

Illum qegħdin… imma mhijiex l-unika gwerra, jiena rrid nagħmel ġustizzja: is-Sirja ilha fi gwerra tnax, tlettax-il sena; il-Yemen ilu fi gwerra għal iżjed minn għaxar snin; naħsbu fil-Myanmar, fl-imsejkna nies Rohingya li jiġru mad-dinja, jiġru mad-dinja għax ġew imkeċċija minn arthom. Ma’ kullimkien, fl-Amerika Latina, kemm mixegħliet ta’ gwerra għandna! Iva, hemm gwerer iktar importanti minħabba l-istorbju li jagħmlu, imma, ma nafx, id-dinja kollha tinsab fi gwerra, qed teqred lilha nfisha. Irridu naħsbu serjament. Qed teqred lilha nfisha. Ejjew nieqfu qabel ma jkun tard wisq! Għax bomba titlob bomba oħra ikbar u oħra ikbar u oħra ikbar, u fl-eskalazzjoni int ma tafx fejn ħa tispiċċa… Irridu nirraġunaw.

 

Imbagħad, l-Eċċellenza Tiegħu tkellem fuq in-nisa: in-nisa, rajthom fis-Sudan ta’ Isfel, iressqu lill-ulied, xi drabi jibqgħu waħidhom, imma għandhom il-qawwa li joħolqu pajjiż. In-nisa huma kuraġġjużi, huma dawk li qed imexxu ’l quddiem… Għax l-irġiel imorru jiġġieldu, imorru għall-gwerra, u dawn in-nisa, bi tnejn, tliet, erba’, ħamest itfal jibqgħu għaddejjin… Rajthom hawn fis-Sudan ta’ Isfel. U, la qed nitkellmu fuq in-nisa, irrid ngħid kelma fuq is-sorijiet, is-sorijiet li jinvolvu ruħhom, rajt xi wħud minnhom hawn fis-Sudan ta’ Isfel u mbagħad fil-quddiesa tal-lum: smajtu l-isem ta’ tant sorijiet li ġew maqtula, imħanxra f’din il-gwerra… Imma lura għall-qawwa tan-nisa, irridu neħduha bis-serjetà u ma nużawhiex biss bħala pubbliċità ta’ maquillage! Nitlobkom, dan hu insult għall-mara, il-mara hi għall-ħwejjeġ ikbar!

 

Għall-punt l-ieħor diġà għidtlek, imma rridu nħarsu lejn il-gwerer kollha li għandna fid-dinja.

 

Welby

Tkellimt fuq ir-Russja u l-President Putin u l-Ukrajna meta kont hemm fi tmiem Novembru, il-bidu ta’ Diċembru. Fil-verità ma għandi xejn aktar xi nżid, ħlief ngħid li t-tmiem għal din il-gwerra jinsab f’idejn il-President Putin. Seta’ jtemmha billi jirtira lura u jwaqqaf il-bumbardamenti u mbagħad b’negozjar dwar ftehim fit-tul. Imma ma tistax… Hi gwerra terribbli u tal-biża’.

 

Imma rrid naqbel mal-Papa Franġisku. Hemm ħafna gwerer oħra. Kull ftit ġimgħat jiena nitkellem mal-kapijiet tal-Knisja tagħna fil-Myanmar. Inkellem lill-mexxejja tal-Knisja fin-Niġerja – 40 persuna maqtula fil-ġlied f’Katsina lbieraħ. Inkellem lil ħafna minn madwar id-dinja. Naqbel mija fil-mija mal-Papa. U ebda gwerra ma tintemm mingħajr l-involviment ta’ nisa u żgħażagħ preċiżament għar-raġunijiet li semma.

 

Bruce De Galzain (Radio France)

Santità, qabel ma tlaqt għall-vjaġġ appostoliku tiegħek int ikkundannajt il-kriminalizzazzjoni tal-omosesswalità. Delitt. Fis-Sudan ta’ Isfel u fil-Kongo mhix aċċettata mill-familji. Jiena stess din il-ġimgħa ltqajt f’Kinshasa ma’ ħames omosesswali, li kull wieħed minnhom kien ġie rrifjutat u saħansitra mkeċċi mill-familja tiegħu jew tagħha. Dawn l-omosesswali spjegawli li r-rifjut tagħhom ġej mill-edukazzjoni reliġjuża tal-ġenituri tagħhom. Xi wħud minnhom jeħduhom saħansitra għand saċerdoti eżorċisti għax il-familji tagħhom jemmnu li huma pposseduti minn spirti mniġġsa. Il-mistoqsija tiegħi, Santità: x’tgħidilhom lill-familji tal-Kongo-Kinshasa u tas-Sudan ta’ Isfel li għadhom jirrifjutaw lil uliedhom u x’tgħidilhom lill-qassisin, lill-isqfijiet? Grazzi.

 

Il-Papa Franġpisku

Fuq din il-problema tkellimt fl-okkażjoni ta’ żewġ vjaġġi: l-ewwel, lura mill-Brażil: jekk persuna ta’ tendenza omosesswali temmen u qed tfittex lil Alla, jien min jien biex niġġudikaha? Dan hu li għidt f’dak il-vjaġġ. It-tieni, lura mill-Irlanda – vjaġġ xi ftit problematiku għax dakinhar kienet ħarġet l-ittra ta’ dak iż-żagħżugħ –, hemmhekk għidt b’mod ċar lill-ġenituri: għandhom dritt li jibqgħu d-dar t-tfal li għandhom dan l-orjentament, intom ma tistgħux tkeċċuhom mid-dar, għandhom dritt għal dan. U mbagħad dan l-aħħar għidt ħaġa, ma niftakarx eżatt kif għidtha, fl-intervista tal-Associated Press. Il-kriminalizzazzjoni tal-omosesswalità hija problema li ma nistgħux inħalluha għaddejja. Il-kalkolu hu, ftit jew wisq, li 50 pajjiż b’mod jew ieħor qed iwasslu għal din il-kriminalizzazzjoni. Xi wħud jgħidu li hemm iżjed minn hekk, imma ħa ngħidu tal-inqas ħamsin. U xi wħud minn dawn – naħseb xi għaxra – għandhom ukoll il-piena tal-mewt, miftuħa jew moħbija, imma l-piena tal-mewt. Dan mhux sew, il-persuni ta’ tendenza omosesswali huma wlied Alla, Alla jħobbhom, Alla jimxi magħhom. Huwa minnu li xi wħud huma f’dan l-istat minħabba diversi sitwazzjonijiet mhux mixtieqa, imma li tikkundanna persuni hekk huwa dnub, li tikkriminalizza l-persuni ta’ tendenza omossesswali hi inġustizzja. M’iniex nitkellem fuq il-gruppi, le, fuq il-persuni. Tista’ tgħid: “Imma qed jagħmlu gruppi li jagħmlu ħafna storbju…”. Il-persuni. Il-lobby hu ħaġa oħra. Qed nitkellem fuq il-persuni. U naħseb li fil-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika hemm il-frażi li “ma għandhomx jiġu marġinalizzati”. Naħseb li fuq hekk il-ħaġa hi ċara.

 

Welby

Forsi ma ħarbitx għalkollox lill-attenzjoni tagħkom li, fil-Knisja Anglikana, dan l-aħħar ilna nitkellmu “xi ftit” dwar din, inkluż ħafna dibattiti fil-Parlament u kull xorta ta’ diskussjoni. Irrid ngħid li nixtieq li stajt tkellimt b’mod hekk elokwenti u ċar daqs il-Papa. Jiena naqbel bis-sħiħ ma’ kull kelma li qal hemm. Il-kriminalizzazzjoni – il-Knisja Anglikana, il-Komunjoni Anglikana – għaddiet riżoluzzjonijiet f’żewġ konferenzi ta’ Lambeth kontra l-kriminalizzazzjoni, imma xorta ma bidlitx il-ħsieb ta’ ħafna nies. Fl-erbat ijiem li ġejjin fis-Sinodu Ġenerali tal-Knisja Anglikana, din hi t-tema prinċipali għad-diskussjoni tagħna, u żgur li se nikkwota lill-Qdusija Tiegħu. Hu qalha b’mod sabiħ u ċar.

 

Greenshields

Sempliċiment osservazzjoni ċkejkna ħafna. Imkien fil-qari tiegħi tal-erba’ Vanġeli ma hemm li Ġesù rrifjuta lil xi ħadd. Imkien fl-erba’ Vanġeli ma nara ħlief lil Ġesù jesprimi mħabba lejn kull min jiltaqa’ miegħu. U bħala Nsara, dik hi l-unika espressjoni li nistgħu nagħtu lil kull bniedem f’kull ċirkustanza.

 

Alexander Hecht (ORF TV)

Mistoqsija lill-Papa: f’dawn l-aħħar jiem ingħad ħafna fuq l-għaqda, rajna wkoll wirja ta’ għaqda tal-Kristjaneżmu, fis-Sudan ta’ Isfel, anki ta’ għaqda tal-Knisja Kattolika nfisha. Nixtieq nistaqsik jekk int tħossx li wara l-mewt ta’ Benedittu XVI saru iżjed diffiċli għalik il-ħidma u l-missjoni tiegħek, għax żdiedu t-tensjonijiet bejn id-diversi ġwienaħ tal-Knisja Kattolika?

 

Il-Papa Franġisku

Fuq dan il-punt, nixtieq ngħid li mal-Papa Benedittu stajt nitkellem fuq kollox, u naqsmu opinjonijiet, u hu dejjem kien maġenbi, jappoġġjani; u jekk kellu xi diffikultà kien jgħidhieli u konna nitkellmu u ma kienx hemm problemi.

 

Darba jiena tkellimt fuq iż-żwieġ tal-persuni omosesswali, dwar il-fatt li ż-żwieġ hu sagrament u aħna ma nistgħux nagħmlu sagrament, imma hemm il-possibbiltà li jiġu żgurati l-beni bil-liġi ċivili – fi Franza bdiet, ma niftakarx x’jgħidulha –; kull persuna tista’ tagħmel unjoni ċivili, mhux neċessarjament ta’ koppja, ix-xjuħ fl-età tal-pensjoni jagħmlu unjoni ċivili… u l-bqija. Dakinhar kien hemm persuna, li taħseb li hi teologu kbir, u li permezz ta’ ħabib tal-Papa Benedittu, marret għandu u rrappurtatni. Benedittu ma beżax, ċempel lil erba’ Kardinali teologi tal-prima klassi u qal: “Spjegawli dan il-fatt”, u huma spjegawlu. U hekk spiċċat l-istorja.

 

Hu anneddotu biex nurik kif kien jaħdem Benedittu meta kien ikun hemm xi akkuża. Xi stejjer li jingħadu, li Benedittu kien imnikket minħabba din jew dik il-ħaġa li għamel il-Papa l-ġdid… huma “stejjer Ċiniżi”. Anzi, lil Benedittu jiena kkonsultajtu għal xi deċiżjonijiet li ridt nieħu u hu qabel.

 

Nemmen li l-mewt ta’ Benedittu ġiet strumentalizzata minn min ried jużaha għall-iskopijiet tiegħu. U n-nies li, b’mod jew ieħor, jistrumentalizzaw persuna hekk brava, hekk ta’ Alla, kważi kważi ngħid Santi Padru tal-Knisja, dawk in-nies ma għandhomx etika, huma nies partiġjani, mhux tal-Knisja. Tidher ma’ kullimkien it-tendenza li jieħdu pożizzjonijiet teoloġiċi tal-partiti u mbagħad iwasslu għal dan… Tagħtix kas… Dawn l-affarijiet jaqgħu waħidhom, jew xi wħud ma jaqgħux u jibqgħu sejrin, bħalma ġara fl-istorja tal-Knisja. Imma ridt nuri ċar min kien il-Papa Benedittu, ma kienx xi wieħed imdejjaq.

 

Jorge Barcia Antelo (RNE)

L-għodwa t-tajba, Santità. Din hi mistoqsija qabelxejn għalik. Qegħdin nirritornaw issa minn żewġ pajjiżi vittmi ta’ dik li int sejjaħt “globalizzazzjoni tal-indifferenza”. Dan int ilek tgħidu mill-bidu tal-pontifikat tiegħek u anki mill-vjaġġ tiegħek f’Lampedusa. F’ċertu sens din il-ġimgħa ngħalaq ċirku. Taħseb li għadek trid twessa’ iżjed sa fejn iwassal dan iċ-ċirku, li trid tmur lil hemm, iżżur pajjiżi oħra minsija? Liema postijiet għandek f’moħħok iżżur? U wara dan il-vjaġġ, li kien daqshekk twil, esiġenti, kif tħossok? Għadek tħossok b’saħħtek? Għandek ukoll is-saħħa meħtieġa biex tmur f’dawk il-postijiet kollha?

 

[Jistaqsi bl-Ingliż lill-Moderatur u lil-Arċisqof jekk hux se jingħaqdu mal-Papa għal xi vjaġġ ieħor bħal dan.]


Il-Papa Franġisku

Ħa nitkellem fuq il-globalizzazzjoni tal-indifferenza, imbagħad kien hemm ħaġa fiċ-ċentru tal-mistoqsija tiegħek…

 

Iva, hu minnu, kullimkien hemm il-globalizzazzjoni tal-indifferenza, kemm fil-pajjiż, jista’ jkun… Bosta persuni li nsew iħarsu lejn il-kompatrijotti tagħhom, il-konċittadini tagħhom, u jrekknuhom fil-ġenb biex ma joqogħdux jaħsbu. Iġagħalna naħsbu l-fatt li l-ikbar ġid tad-dinja jinsab f’idejh minoranza; u dawn in-nies ma jħarsux lejn il-miżerji, qalbhom ma jiftħuhiex biex jgħinu f’dawn is-sitwazzjonijiet.

 

Fuq il-vjaġġi. Nemmen li għall-Indja tkun is-sena d-dieħla, nemmen… It-23 ta’ Settembru se mmur Marseille; u hemm il-possibbiltà li minn Marseille ntir lejn il-Mongolja, imma din mhux definittiva, possibbli. U mbagħad hemm ieħor din is-sena: Lisbona. Imma l-kriterju hu dan: għażilt li nżur l-iżgħar pajjiżi tal-Ewropa. Forsi int tgħidli: “Imma mort Franza”. Le, mort Strasbourg, se mmur Marseille, mhux Franza. L-iżgħar, l-iżgħar, biex insir naf xi ftit lill-Ewropa moħbija, l-Ewropa li għandha tant kultura imma ma tafx lil kulħadd, biex insieħeb lill-pajjiżi, ngħidu aħna l-Albanija – li kien l-ewwel wieħed – li hu l-pajjiż li bata l-iżjed dittatura kiefra tal-istorja. L-għażla tiegħi hi xi ftit jew wisq din: li nfittex li ma naqax jien stess fil-globalizzazzjoni tal-indifferenza.

 

[Jistaqsuh fuq saħħtu] Int taf li ħaxixa ħażina ma tmut qatt! Le, mhux bħal fil-bidu tal-pontifikat, veru, din l-irkoppa tagħtini fastidju, imma miexja bil-mod il-mod, imbagħad naraw. Grazzi.

 

Welby

Bla dubju din hi l-aħjar kumpanija tal-ajru li qatt tirt biha. Allura nieħu pjaċir kieku… Imma apparti ċ-ċajt, iva, jekk il-Papa ħass li kelli xi valur miżjud xi stajt nagħti, jew l-Arċisqof fil-futur jista’ jżid xi valur, dejjem hu privileġġ enormi. Jiddependi fejn ikun u jekk inkunux ta’ iktar tfixkil jew għajnuna.

 

Greenshields

Bla dubju nieħdu pjaċir nagħmlu xi ħaġa bħal din mill-ġdid. L-unika preċiżazzjoni li nżid ma’ dan hu li jiena ntemm ir-rwol tiegħi fl-20 ta’ Mejju, u mara kapaċissma se tieħu posti bħala Moderatur tal-Knisja fl-Iskozja, imma żgur li tieħu pjaċir tagħmel l-istess!

 

 

miġjuba mit-Taljan u l-Ingliż għall-Malti minn Francesco Pio Attard