VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

fir-REPUBBLIKA DEMOKRATIKA TAL-KONGO u fis-SUDAN TA’ ISFEL

(Pellegrinaġġ Ekumeniku tal-Paċi fis-Sudan ta’ Isfel)

[31 ta’ Jannar – 5 ta’ Frar 2023]

QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

Mawsulew “John Garang (Giuba)

Il-Ħadd 5 ta’ Frar 2023

 

Kliem l-Appostlu Pawlu lill-komunità ta’ Korintu fit-Tieni Qari, irrid illum nagħmlu tiegħi u ntennih quddiemkom: “Meta jiena wasalt għandkom, ħuti, ma ġejtx inħabbrilkom il-Misteru ta’ Alla bi kliem kbir jew għaref. Ma ppretendejtx li kont naf xi ħaġa fostkom, ħlief lil Ġesù Kristu, u lil dan imsallab” (1 Kor 2:1-2). Iva, it-tregħid ta’ Pawlu hu tiegħi wkoll, meta ninsab hawn magħkom f’isem Ġesù Kristu, Alla tal-imħabba, Alla li ġab il-paċi permezz tas-salib tiegħu; Ġesù, Alla mislub għalina lkoll; Ġesù, mislub f’min qed ibati; Ġesù, mislub fil-ħajja ta’ ħafna minnkom, f’ħafna persuni ta’ dan il-pajjiż; Ġesù l-Irxoxt, rebbieħ fuq il-ħażen u fuq il-mewt. Qed niġi għandkom biex inxandrilkom lilu, biex inwettaqkom fih, għax il-bxara ta’ Kristu hi bxara ta’ tama: fil-fatt hu jaf it-tbatijiet u x-xewqat li ġġorru fil-qalb tagħkom, il-ferħ u t-taħbit li jimmarkaw lil ħajjitkom, id-dlamijiet li jifnukom u l-fidi li, bħal għanja billejl, intom tgħollu lejn is-Sema. Ġesù jafkom u jħobbkom; jekk nibqgħu fih, ma għandniex għax nibżgħu, għax anki għalina kull salib jinbidel f’qawmien, kull diqa f’tama, kull karba f’żifna.

 

U għalhekk nixtieq nieqaf fuq il-kliem tal-ħajja li Sidna Ġesù qalilna llum fil-Vanġelu: “Intom il-melħ tal-art […]. Intom id-dawl tad-dinja” (Mt 5:13,14). X’qed jgħidulna dawn ix-xbihat, lilna, dixxipli ta’ Kristu?

 

Qabelxejn, aħna melħ tal-art. Il-melħ iservi biex jagħti togħma lill-ikel. Hu l-ingredjent li ma jidhirx imma jagħti togħma lil kollox. Proprju għalhekk, sa mill-qedem, kienu jarawh bħala simbolu tal-għerf, jiġifieri ta’ dik il-virtù li ma tidhirx, imma li tagħti gost lill-ħajja u li mingħajrha l-ħajja ssir bla togħma. Imma fuq liema għerf qed ikellimna Ġesù? Hu jinqeda b’din ix-xbieha tal-melħ dritt wara li jkun xandar lid-dixxipli tiegħu l-Beatitudnijiet: allura nistgħu nifhmu li dawn huma l-melħ tal-ħajja tan-Nisrani. Fil-fatt, il-Beatitudnijiet iġibu fuq l-art l-għerf tas-Sema: jaqilbu ta’ taħt fuq il-kriterji tad-dinja u tal-mod kif soltu naħsbu. U x’jgħidu? Fi ftit kliem, jaffermaw li biex inkunu hienja, jiġifieri ferħanin għalkollox, ma rridux infittxu li nkunu b’saħħitna, għonja u setgħana, imma umli, ta’ qalb ħelwa, ħanina; ma nagħmlu deni lil ħadd, imma nkunu dawk li jwasslu l-paċi lil kulħadd. Dan – jgħidilna Ġesù – huwa l-għerf tad-dixxiplu, hu dak li jagħti togħma lill-art li ngħixu fuqha. Niftakruh dan: jekk inqiegħdu fil-prattika l-Beatitudnijiet, jekk inlaħħmu fina l-għerf ta’ Kristu, mhux lil ħajjitna biss inkunu nagħtu togħma tajba, imma anki lis-soċjetà, lill-pajjiż fejn ngħixu.

 

Imma l-melħ, barra li jagħti togħma, għandu funzjoni oħra, essenzjali fi żmien Kristu: li jikkonserva l-ikel biex ma jitħassarx. Imma l-Bibbja tgħid li kien hemm “ikel”, ġid essenzjali li kellu jiġi ppreservat qabel kull ħaġa oħra: il-patt ma’ Alla. Għalhekk f’dawk iż-żminijiet, kull darba li kienet issir offerta lill-Mulej, kienu jqiegħdu ftit tal-melħ. Fil-fatt nisimgħu x’tgħid l-Iskrittura dwar dan: “Kull offerta li toffri ixħtilha l-melħ u tħallix barra mill-offerta tiegħek il-melħ tal-patt ta’ Alla tiegħek; ma’ kull offerta tiegħek offri l-melħ” (Lev 2:13). Hekk il-melħ kien ifakkar fil-ħtieġa ewlenija li titħares ir-rabta ma’ Alla, għax huwa fidil lejna, il-patt tiegħu magħna ma jitħassarx, ma jitkissirx u jibqa’ għal dejjem (ara Num 18:19; 2 Kor 13:5). Għalhekk id-dixxiplu ta’ Ġesù, bħala melħ tal-art, hu xhud tal-patt li hu wettaq u li aħna niċċelebraw f’kull quddiesa: patt ġdid, etern, li ma jitkissirx (ara 1 Kor 11:25; Lhud 9), imħabba għalina li ma tistax titfarrak lanqas mill-infedeltajiet tagħna.

 

Ħuti, aħna xhieda ta’ din il-ħaġa tal-għaġeb. Dari, meta xi persuni jew popli kienu jistabbilixxu bejniethom ħbiberija, spiss dan kienu jistipulawh billi jagħtu lil xulxin ftit tal-melħ; aħna li aħna melħ tal-art, aħna msejħin nagħtu xhieda tal-patt ma’ Alla bil-ferħ, bi gratitudni, billi nuru li aħna persuni kapaċi joħolqu rabtiet ta’ ħbiberija, jgħixu l-fraternità, jibnu relazzjonijiet umani tajba, biex ma nħallux li jerfgħu rashom il-korruzzjoni tal-ħażen, il-marda tal-firdiet, il-ħmieġ tan-negozju qarrieq, il-pjaga tal-inġustizzja.

 

Illum nixtieq nirringrazzjakom għax intom melħ tal-art f’dan il-pajjiż. U madankollu, quddiem tant ġrieħi, vjolenzi li jżidu l-velenu tal-mibegħda, tal-ħażen li jipprovoka miżerja u faqar, forsi taħsbu li intom żgħar u bla saħħa. Imma, meta tasal fuqkom it-tentazzjoni li tħossukom m’intomx kapaċi, ippruvaw ħarsu lejn il-melħ u lejn il-frak żgħir ħafna tiegħu: hu ingredjent żgħir li, meta jitpoġġa fuq platt, jgħib, jinħall, imma hu proprju hekk li jagħti togħma lill-kontenut kollu. Hekk, aħna l-Insara, imqar jekk aħna dgħajfa u żgħar, anki meta l-forzi tagħna jidhrulna ħaġa żgħira wisq quddiem il-kobor tal-problemi u l-furja għamja tal-vjolenza, nistgħu noffru kontribut deċiżiv biex nibdlu l-istorja. Ġesù jixtieq li dan nagħmluh bħall-melħ: biżżejjed niskata li tinħall biex tagħti togħma differenti lil kollox. Allura ma nistgħux inħarsu lura, għax mingħajr dak il-ftit, mingħajr il-ftit tagħna, kollox jitlef il-gost tiegħu. Nibdew proprju mill-ftit, mill-essenzjal, minn dak li ma jidhirx fuq il-kotba tal-istorja imma jibdel l-istorja: f’isem Ġesù, f’isem il-Beatitudnijiet tiegħu, inċedu l-armi tal-mibegħda u tal-vendetta biex nagħmlu tagħna t-talb u l-karità; negħlbu dawk l-antipatiji u fastidji li, mal-medda taż-żmien, saru kroniċi u r-riskju hu li jġibu kontra xulxin tribujiet u gruppi etniċi; nitgħallmu nqiegħdu fuq il-feriti l-melħ tal-maħfra, li jaħraq imma jfejjaq. U, anki jekk il-qalb iddemma’ minħabba t-tort li jkun sarilna, ejjew nirrinunzjaw darba għal dejjem li nwieġbu għall-ħażen bil-ħażen, u nkunu tajbin minn ġewwa; nilqgħu lil xulxin u nħobbu lil xulxin b’sinċerità u ġenerożità, kif jagħmel Alla magħna. Inħarsu t-tajjeb li aħna, ma nħallux il-ħażen iħassarna!

 

Ngħaddu għat-tieni xbieha użata minn Ġesù, id-dawl: Intom id-dawl tad-dinja. Profezija famuża kienet tgħid hekk dwar Iżrael: “Jiena nagħmel minnek dawl għall-ġnus, biex is-salvazzjoni tiegħi sa truf l-art tinfirex” (Iż 49:6). Issa l-profezija seħħet, għax Alla l-Missier bagħat lil Ibnu, u huwa d-dawl tad-dinja (ara Ġw 8:12), id-dawl veru li jdawwal kull bniedem u kull poplu, id-dawl li jiddi fid-dlamijiet u jxejjen is-sħab ta’ kull dalma (ara Ġw 1:5,9). Imma l-istess Ġesù, dawl tad-dinja, jgħid lid-dixxipli tiegħu li huma wkoll huma dawl tad-dinja. Dan ifisser li aħna, meta nilqgħu d-dawl ta’ Kristu, id-dawl li hu Kristu, insiru kollna dawl, niddu bid-dawl ta’ Alla!

 

Ġesù jżid: “Belt li tkun qiegħda fuq muntanja ma tistax tinħeba. Anqas ma jixegħlu l-musbieħ u jqegħduh taħt is-siegħ, iżda fuq l-imnara, u hekk idawwal lil kull min ikun fid-dar” (Mt 5:15). F’dan il-każ qed nitkellmu wkoll fuq immaġni familjari għal dawk iż-żminijiet: diversi rħula fil-Galilija kienu mibnija fuq l-għoljiet, jidhru tajjeb mill-bogħod; u l-imsiebaħ, fid-djar, kienu jitqiegħdu fl-għoli biex idawlu l-irkejjen kollha tal-kamra; imbagħad, meta jkunu jridu jitfuhom, kienu jgħattuhom b’oġġett tat-terrakotta msejjaħ “modd”, li kien jaqta’ l-ossiġnu lill-fjamma sa ma jitfiha.

 

Ħuti, l-istedina ta’ Ġesù biex inkunu dawl tad-dinja hi ċara: aħna, li aħna dixxipli tiegħu, aħna msejħin niddu bħal belt fil-għoli, bħal musbieħ li l-fjamma tiegħu ma għandha qatt tiġi mitfija. Fi kliem ieħor, qabel ma ninkwetaw għad-dlam li hawn madwarna, qabel ma nistennew li xi ħaġa madwarna tiċċara, aħna għandna nibbrillaw, indawlu bil-ħajja tagħna u bl-opri tagħna l-bliet, l-irħula u l-postijiet li ngħixu fihom, il-persuni li magħhom niltaqgħu, il-ħidmiet li nwettqu. Il-Mulej jagħtina l-qawwa biex nagħmlu dan, biex fih inkunu dawl, għal kulħadd; għax kulħadd irid ikun jista’ jara l-opri tajba tagħna u, meta jarawhom – ifakkarna Ġesù –, jiftħu qalbhom bi stagħġib għal Alla u jagħtu glorja lilu (ara v. 16): jekk ngħixu bħala wlied u aħwa fuq din l-art, l-oħrajn jiskopru li għandhom Missier fis-smewwiet. Għalhekk aħna msejħin nitkebbsu bl-imħabba: biex ma jiġrix li d-dawl tagħna jintefa, li mill-ħajja tagħna jgħib l-ossiġnu tal-imħabba, li l-opri tal-ħażen jaqtgħu l-arja pura lix-xhieda tagħna. Din l-art, tant sabiħa u mifnija, għandha bżonn tad-dawl li kull wieħed u waħda minnkom għandu, jew aħjar, tad-dawl li hu u hi kull wieħed u waħda minnkom!

 

Għeżież, nawguralkom li tkunu melħ tal-art li jinfirex u jinħall b’ġenerożità biex jagħti lis-Sudan ta’ Isfel it-togħma fraterna tal-Vanġelu; li tkunu komunitajiet Insara li jagħtu d-dawl u li, bħal bliet fil-għoli, jixħtu dawl ta’ tjieba fuq kulħadd u juru li hi ħaġa sabiħa u possibbli tgħix il-gratwità, tittama, tibni lkoll flimkien futur ta’ rikonċiljazzjoni. Ħuti, jiena ninsab magħkom u nawguralkom li dduqu l-ferħ tal-Vanġelu, it-togħma u d-dawl li l-Mulej, “Alla tas-sliem” (Fil 4:9), “Alla ta’ kull faraġ” (2 Kor 1:3), irid isawwab fuq kull wieħed u waħda minnkom.

_________________________________

 

TISLIMA TAL-AĦĦAR

 

Grazzi, għażiż Ħija Stephen, ta’ dawn il-kelmiet. Insellimlek, Sur President tar-Repubblika, flimkien mal-Awtoritajiet ċivili u reliġjużi preżenti. Issa wasalt fl-aħħar ta’ dan il-pellegrinaġġ f’nofskom u nixtieq nesprimi rikonixximent għal-laqgħa li tajtuni u għax-xogħol kollu li wettaqtu fit-tħejjija għal din iż-żjara, li kienet żjara fraterna ta’ tlieta flimkien.

 

Inħossni grat lejkom kollha, ħuti li ġejtu hawn fl-għadd minn diversi nħawi, ħafna minnkom għamiltu tant sigħat jekk mhux ukoll jiem timxu! Barra għall-imħabba li wrejtu lejja, nirringrazzjakom tal-fidi tagħkom, tas-sabar tagħkom, tal-ġid kollu li tagħmlu u tat-taħbit li toffru lil Alla mingħajr ma taqtgħu qalbkom, għax tafu tibqgħu mexjin ’il quddiem. Fis-Sudan ta’ Isfel hemm Knisja kuraġġjuża, li għandha rabta qawwija ma’ dik tas-Sudan, kif fakkarna l-Arċisqof, li semma l-figura ta’ Santa Ġużeppina Bakhita: mara kbira, li bil-grazzja ta’ Alla bidlet f’tama t-tbatija li għaddiet minnha. “It-tama, li kienet twieldet għaliha u ‘fdietha’, ma setgħetx iżżommha għaliha waħidha; din it-tama kellha tilħaq lil ħafna, tilħaq lil kulħadd”, kiteb Benedittu XVI (Ittra enċiklika Spe salvi, 3). Tama hija l-kelma li nixtieq inħalli lil kull wieħed u waħda minnkom, bħala don biex taqsmuh, bħala żerriegħa li tagħmel il-frott. Kif tfakkarna l-figura ta’ Santa Ġużeppina, il-mara, hi b’mod speċjali hawn, sinjal ta’ tama, u rrid nirringrazzja u nbierek b’mod speċjali lin-nisa kollha ta’ dan il-pajjiż.

 

Mat-tama nixtieq norbot kelma oħra, il-kelma ta’ dawn il-ġranet: paċi. Ma’ Ħuti Justin u Iain, li rroddilhom ħajr minn qalbi, ġejna hawn u se nkomplu nsieħbu l-passi tagħkom, it-tlieta li aħna flimkien, u nagħmlu kulma nistgħu biex ikunu passi ta’ paċi, passi lejn il-paċi. Nixtieq nafda din il-mixja tal-poplu kollu magħna t-tlieta, din il-mixja tar-rikonċiljazzjoni u tal-paċi, lil mara oħra. Hija l-Omm wisq ħelwa tagħna Marija, is-Sultana tal-paċi. Hi seħbitna bil-preżenza tagħha, kollha għożża u siekta. Lilha, li issa se nitolbuha, nafdawlha l-kawża tal-paċi fis-Sudan ta’ Isfel u fil-Kontinent Afrikan kollu. Lill-Madonna nafdawlha wkoll il-paċi fid-dinja, b’mod partikulari l-għadd ta’ pajjiżi li jinsabu fil-gwerra, bħalma hi l-imsejkna Ukrajna.

 

Għeżież ħuti, aħna t-tlieta se nerġgħu lura fis-sede tagħna, u issa iktar se nġorrukom fil-qalb tagħna. Intenni: intom tinsabu fil-qalb tagħna, intom fil-qlub tagħna, intom fil-qlub tal-Insara tad-dinja kollha! Qatt titilfu t-tama. U titilfux l-okkażjoni li tibnu l-paċi. Ħa jgħammru fikom it-tama u l-paċi, ħa jgħammru t-tama u l-paċi fis-Sudan ta’ Isfel!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard