VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIGĦU FRANĠISKU
fir-REPUBBLIKA DEMOKRATIKA TAL-CONGO U S-SUDAN T’ISFEL

(Pellegrina
ġġ Ekumeniku ta’ Paċi fis-Sudan t’Isfel)
[31 ta’ Jannar – 5 ta’ Frar, 2023]

LAQGĦA MAL-AWTORITAJIET, MAS-SOĊJETÀ ĊIVILI U L-KORP DIPLOMATIKU

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU

Ġnien tal-Palazz Presidenzjali (Giuba)
Il-Ġimgħa, 3 ta’ Frar, 2023

Sur President tar-Repubblika,
Si
njuri Viċi Presidenti,
illustri Membri
tal-Gvern u tal-Korp Diplomatiku,
distint
i Awtoritajiet reliġjużi,
insi
nji Rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u tad-dinja tal-kultura,
Si
njuri!

 

Sur President, grazzi tal-kliem li indirizzajtli.  Jien kuntent li ninsab f’din l-art li nġorr f’qalbi.  Irroddlok ħajr, Sur President, għal-laqgħa li tajtni.  Insellem minn qalbi lil kull wieħed u waħda minnkom, u permezz tagħkom lin-nisa u l-irġiel kollha ta’ dal-pajjiż għażiż u żgħażugħ. Ġejt bħala pellegrin tar-rikonċiljazzjoni, bil-ħolma li nakkumpanjakom fil-mixja tagħkom lejn il-paċi, mixja mħabbla li ma tistax tibqa’ injorata iżjed.  Ma ġejtx hawn waħdi, għax fil-paċi, bħalma jiġri fil-ħajja, nimxu flimkien.  Għalhekk jien ninsab hawn flimkien ma’ żewġ ħuti, l-Arċisqof ta’ Canterbury u l-Moderatur tal-Assemblea ġenerali tal-Knejjes tal-Iskozja, li rrodilhom ħajr għal dak li se jgħidulna.  Flimkien, aħna u ntukom idejna, qed nippreżentaw ruħna lilkom u lil dal-poplu f’isem Ġesù Krtistu, Prinċep tal-paċi.

Infatti, l-inizjattiva għal dal-pellegrinaġġ ekumeniku ta’ paċi, ħadnieha wara li smajna l-għajta ta’ poplu sħiħ, li b’dinjtà kbira jibki minħabba l-vjolenza li qed isofri, in-nuqqas ta’ siġurtà ma jaqta’ xejn, il-faqar li qed jgħakksu u d-diżastri naturali bla għadd.  Snin ta’ gwerer u kunflitti donnu mhemmx tmiemhom u anki fl-imgħoddi qrib, saħnasitra lbieraħ, sar ġlied aħrax, waqt li l-proċessi tar-rikonċiljazzjoni donnhom staġnati u l-wegħdiet tal-paċi baqgħu bla temma.  Din it-tbatija li tifleġ, m’għandiex tkun fiergħa; il-paċenzja u s-sagrifiċċji tal-poplu tas-Sudan t’Isfel, ta’ dal-poplu żgħażugħ, umli u kuraġġuż, jiċċalinġjaw lil kulħadd, u bħal żerriegħa li mill-art tagħti ħajja lill-pjanta, jixtiequ jaraw tinbet paċi li tagħti l-frott.  Ħuti, hu ħin il-paċi!

Hawnhekk hawn abbundanza ta’ frott u ħxejjex bis-saħħa tax-xmara kbira li tiġri tul dal-pajjiż.  Dak li kien jgħid l-istoriku tal-qedem Erodotu dwar l-Eġittu, jiġifieri “dan id-don tan-Nil” jgħodd ukoll għas-Sudan t’Isfel.  Tabilħaqq, kif tgħidu hawn, din hi “art ta’abbundanza kbira”.  Għaldaqstant irrid lil tmexxini din it-tixbiha tax-xmara kbira li tiġri tul dal-pajjiż żgħażugħ imma bi storja antika.  Tul is-sekli l-esploraturi daħlu fit-territorju li ninsabu fih biex jaqdfu għal għonq in-Nil l-Abjad ifittxu l-għejjun tal-aktar xmara twila fid-dinja.  Propju mit-tfittxija ta’ dawn l-għejjun tal-ħajja komuni nixtieq nibda’ dan l-itinerarju flimkien magħkom.  Għaliex din l-art, li fiha hemm abbundanza ta’ tant ġid moħbi taħt l-art, imma fuq kollox fil-qlub u fl-imħuħ tal-abitanti tagħha, illum għandha bżonn taqta’ l-għatx mill-ilma ta’ nixxiegħat friski u vitali.

Distinti Awtoritajiet, l-għejjun huma intom, l-għejjun li jsaqqu l-konvivenza komuni, intom il-missirijiet u l-ommijiet ta’ dal-pajjiż għadu tfal.  Intom għandkom sejħa biex tiġġeneraw mill-ġdid il-ħajja soċjali, bħal nixxiegħat ta’ ilma safi, ta’ prosperità u ta’ paċi, għax dan għandhom bżonn ulied is-Sudan t’Isfel; għandhom bżonn missirijiet, mhux sidjien; passi stabbli ta’ żvilupp, mhux waqgħat bla tarf.  Is-snin ta’ wara t-twelid tal-pajjiż, immarkati bi tfulija miġrugħa, għandhom iċedu posthom għal-tkabbir paċifiku: dan mitlub minnkom issa.  Illustri Awtoritajiet, “uliedkom” u l-istorja nfisha, għad ifakkrukom jekk intom għamiltux ġid lil dil-popolazzjoni li ġiet fdata f’idejkom, biex isservuha.  Il-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni għad jonoraw jew jikkanċellaw il-memorja ta’ isimkom minħabba dak li qed tagħmlu bħalissa, għax, bħalma x-xmara tibda’ l-ġirja tagħha għax tkun ħalliet warajha l-għejjun, l-istess il-mixja tal-istorja tħalli warajha lill-għedewwa tal-paċi u tagħti ġieħ lil min jaħdem għall-paċi: infatti, kif tgħallimna l-Iskrittura, “Ulied iħalli min ikollu s-sliem” (Salm 37,37).

Iżda minflok, il-vjolenza treġġa’ lura l-mixja tal-istorja.  L-istess Erodotu kien wera ċar il-konfużjoni ġenerazzjonali li din tiġġenera u osserva li ma jkunux aktar l-ulied li jidfnu lill-missierhom imma jkunu l-missirijiet li jidfnu lil uliedhom (cfr Storja, I,87).  Sabiex din l-art ma ssirx ċimiterju, imma terġa’ ssir ġnien iwarrad, nitlobkom, minn qiegħ qalbi, tilqgħu kelma sempliċi: mhux tiegħi, imma ta’ Kristu.  Hu qalha propju fi ġnien, fil-Ġethsemani, meta fil-preżenza ta’ dixxiplu li kien silet is-sejf, qal: “Biżżejjed!” (Lq 22,51).  Sur President, Sinjuri Viċi-Presidenti, f’isem Alla, dak Alla li lilu tlabna flimkien f’Ruma, Alla ta’ qalb ħelwa u umli (cfr Mt 11,29), dak li bosta nies f’dal-pajjiż jemmnu fih, hu l-ħin li tgħidu biżżejjed, bla tlaqliq: biżżejjed tixrid ta’ demm, biżżejjed kunflitti, biżżejjed vjolenza u akkużi reċiproċi dwar min iwettaqhom, biżżejjed tħallu lill-poplu għatxan għall-paċi.  Biżżejjed qerda, hu żmien il-bini!  Itfgħu wara spallejkom żmien il-gwerra u jalla jqum żmien ta’ paċi.  U fuq dan, Sur President, tiġini f’qalbi dik id-diskursata li kellna flimkien snin ilu billejl, fl-Uganda: ir-rieda tiegħek tal-paċi hemm kienet....  Ejjew nibqgħu mexjin fuq dil-linja!  

Immorru lura għall-għejjun tax-xmara, għall-ilma simbolu tal-ħajja.  Fl-għejjun ta’ dal-pajjiż hemm kelma oħra, li tfassal il-mixja li nbdiet mill-poplu tas-Sudan t’Isfel nhar id-9 ta’ Lulju, 2011: Repubblika.  Imma xi jfisser li tkun res publica?  Ifisser li nagħrfu lil xulxin bħala realtà pubblika, naffermaw, cioè, li l-Istat hu ta’ kulħadd; u għalhekk, kulmin jinsab fih għandu responsabbiltajiet akbar, kemm jekk jippresjedih inkella jekk jiggvernah, u ma jistax ħlief iqiegħed lilu nnifsu għas-servizz tal-ġid komuni.  Dan hu l-għan tal-poter: servizz lill-komunità.  It-tentazzjoni dejjem lesta biex taqbad fin-nassa li bniedem jinqeda bil-ġid għall-interessi tiegħu.  Għalhekk, mhux biżżejjed li tkun tissejjaħ Repubblika, jeħtieġ li tkun Repubblika ibda mill-ġid primarju: ir-riżorsi abbundanti li bihom Alla bierek din l-art li m’għandhomx ikunu riservati għall-ftit, imma huma dritt ta’ kulħadd, u flimkien mal-pjanijiet ta’ rkupru ekonomiku għandu jkun hemm ukoll tqassim ekwu tar-rikkezzi.

L-iżvilupp demokratiku hu fundamentali għall-ħajja ta’ kull Repubblika.  Dan hu benefiċċju u protezzjoni biex ikun hemm distinzjoni ċara bejn is-setgħat, ħalli, per eżempju, min jamminstra l-ġustizzja jkun jista’ jħarreġ is-setgħa tiegħu bla ma jkun kundizzjonat minn min jagħmel il-liġijiet jew jiggverna.  Minbarra dan, id-demokrazija timplika r-rispett tad-drittijiet umani, imħarsin mill-liġi u mit-tqegħid fis-seħħ tagħha, u b’mod partikolari, il-libertà li bniedem jesprimi l-ideat tiegħu.  Infatti, hemm bżonn niftakru li mingħajr ġustizzja mhemmx paċi (cfr San Ġwanni Pawlu II), Messaġġ għaċ-ċelebrazzjoni tal-XXXV Jum Dinji tal-Paċi, 1 ta’ Jannar, 2002), imma wkoll li mingħajr libertà mhemmx ġustizzja.  Allura, lil kull ċittadin u ċittadina għandha tingħatalhom il-possibbiltà li jiddisponu minn dan id-don uniku u irripetibbli tal-eżistenza bil-mezzi kollha adattati biex ikunu jistgħu jeżerċitaw dan id-dritt: kif kien kiteb il-Papa Ġwanni XXIII: “kull bniedem għandu dritt għall-eżistenza, għall-integrità fiżika, għall-mezzi indispensabbli u li jkunu biżżejjed biex ikollu livell ta’ għejxien dinjituz” (S. Ġwanni XXIII, Enċ Pacem in terris, 6).

Wara li x-xmara Nil tkun fawret min-nixxiegħat tagħha, wara li tkun ċarċret b’ħeffa ma’ kaskati, darba li tidħol fil-pjanura tan-nofsinhar tas-Sudan, propju qrib Giuba, issir navigabbli, biex imbagħad tiġri lejn irqajja aktar mistagħdra.  Bl-istess mod nawgura li l-mixja tal-paċi tar-Repubblika ma tgħaddix minn tlugħ u nżul, imma, ibda minn dil-belt kapitali, issir navigabbli, bla ma tibqa’ staġnata fl-inerzja.  Ħbieb, hu żmien li mill-kliem ngħaddu għall-fatti.  Żmien li ndawru l-paġna, hu żmien l-impenn ta’ trasformazzjoni urġenti u meħtieġa.  Il-proċess tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni jitlob skussjatura oħra.  Nifhmu dan u mmexxu ‘l quddiem il-Ftehim ta’ paċi, kif ukoll ir-Road Map!  F’dinja mmarkata b’firdiet u kunflitti, dal-pajjiż qed jospita pellegrinaġġ ekumeniku ta’ paċi, li fil-fatt hu rarità; ħalli din tkun okkażjoni ta’ pass aktar mgħaġġel, għas-Sudan t’Isfel, okkażjoni biex tibdew tbaħħru mill-ġdid f’ilmijiet aktar kalmi, jerġa’ jibda d-djalogu, mingħajr doppia faccia u opportuniżmi.  Ħalli jkun għal kulħadd okkażjoni biex terġa’ titħawwel it-tama, mhux biss għall-gvern, għal kulħadd: kull ċittadin għandu jifhem li spiċċa ż-żmien li jinġarr mill-ilmijiet imniġġsa tal-mibgħeda, tat-tribaliżmu u tad-differenzi etniċi.  Ħuti hu żmien li tbaħħru flimkien lejn il-ġejjieni!  Flimkien.  Dil-kelma qatt m’għandha tintesa: flimkien.

Il-mixja tax-xmara l-kbira terġa’ tkun ta’ għajnuna għalina, u tissuġġerielna l-metodu.  Fil-ġirja tagħha, qrib l-għadira No, tingħaqad ma’ xmara oħra u tifforma dik magħrufa bħala n-Nil l-Abjad.  Iċ-ċarezza tal-ilmijiet għalhekk tiġi mil-laqgħa.  Din hi t-triq, ħuti: rispett reċiproku, issiru tafu sew lil xulxin, djalogu.  Għax jekk fl-għeruq ta’ kull vjolenza hemm l-għadab u r-rankur, u wara kull għadab u rankur hemm memorja mhix imfejqa ta’ ġrieħi, umiljazzjonijiet u ħtijiet, id-direzzjoni biex toħorġu minn dit-triq hi biss dik tal-laqgħa, il-kultura tal-laqgħa: tilqa’ lill-ieħor bħala ħuk, oħtok u tagħmlilhom il-wisa, anki billi tagħraf tagħmel pass lura.  Dan l-atteġġjament, essenzjali għall-proċessi tal-paċi, huwa indispensabbli wkoll għall-iżvilupp li jgħaqqad is-soċjetà.  U biex ngħaddu mill-inċiviltà tal-kunflitt għaċ-ċiviltà tal-laqgħa, hu deċisiv ir-rwol li jista’ u jridu li jkollhom iż-żgħażagħ.  Allura, ħalli jingħataw spazju ħieles ta’ laqgħa biex jiltaqgħu u jiddibattu; u jalla jieħdu f’idejhom, bla biża’, il-futur li hu tagħhom!  Ħalli jkollohom sehem akbar, anki fil-proċessi politiċi u deċiżjonali, u n-nisa wkoll, l-ommijiet, li jafu verament kif tiġġenera u tindokra l-ħajja.  Għandu jkun hemm rispett lejhom għax min juża l-vjolenza fuq mara jkun qed jagħmilha fuq Alla, li minn mara ħa l-laħam.

Kristu, il-Verb inkarnat, għallimna li aktar ma niċċekknu, nagħmlu wisa għall-oħrajn u nilqgħu lill-proxxmu kollu bħala ħuna, aktar nikbru f’għajnejn il-Mulej.  L-istorja żgħażugħa ta’ dal-pajjiż, imbiċċer bit-tqabid etniku, jeħtieġlu jsib mill-ġdid il-mistika tal-inkontru, il-grazzja tal-flimkien.   Jeħtieġ li l-ħarsa tmur ‘l hinn mill-gruppi u mid-differenzi biex timxu bħala poplu wieħed, li fih, kif jiġri lin-Nil, is-swieqi jistgħanuh.  Kien propju permezz tax-xmara li l-ewwel missjunarji, aktar minn seklu ilu, resqu lejn dawn ix-xtut; maż-żmien, flimkien mal-preżenza tagħhom, ingħaqdet ukoll dik ta’ bosta operaturi umanitarji: irrid irrodd ħajr lil kulħadd għall-ħidma prezzjuża li jwettqu.  Imma rrid niftakar ukoll fil-missjunarji li sfortunatament jiltaqgħu mal-mewt waqt li jkunu jiżirgħu l-ħajja.  Ma ninsewhomx, u ma ninsewx niggarantixxu lilhom u lill-operaturi umanitarji l-oħra s-sigurtà meħtieġa, u nwieżnu kif jixraq l-opri ta’ ġid li jagħmlu, sabiex ix-xmara ta’ ġid tkompli l-ġirja tagħha.

Madankollu, xmara kbira kultant tista’ tisbroffa u tagħmel id-diżastri.  F’din l-art, bi sfortuna, ġarrbu dan il-bosta vittmi ta’ għarar, jien nesprimi l-qrubija tiegħi lejhom, u nagħmel appell biex ma jibqgħux neqsin mill-għajnuna li għandhom bżonn.  It-traġedji naturali huma rakkont ta’ ħolqien miġrugħ u mfarrak, li minn għajn ta’ ħajja jista’ jinbidel f’theddida ta’ mewt.  Jeħtieġ nindukrawh, b’ħarsa fit-tul, immirata lejn il-ġenerazzjonijiet tal-futur.  Qed naħseb, b’mod partikolari, fil-bżonn li tkun miġġielda d-deforestazzjoni htija tal-kilba bla rażan għall-qligħ.

Biex nilqgħu l-isbruffar ta’ xmara hemm bżonn inżommu l-qiegħa nadifa.  Lil hinn mill-metafra, l-indafa li għandha bżonn il-mixja tal-ħajja soċjali hi l-ġlieda kontra l-korruzzjoni.  It-traffikar inġust, intriċċi bil-moħbi għall-akkwist tal-ġid, klijenteliżmu, nuqqas ta’ trasparenza: din hi l-qiegħa mniġġsa tas-soċjetà umana, li lil min hu l-aktar fil-bżonn ma twassallux dak li jeħtieġ.  Qabel kollox, biex ikun miġġieled il-faqar, li hu art għammiela li fiha jitħawlu l-mibgħeda, il-firdiet u l-vjolenza.

Sabiex l-ilmijiet tal-ħajja ma jinbidlux f’perikli tal-mewt hu fundamentali li x-xmara jkollha lqugħ adattat. L-istess jgħodd għall-konvivenza umana.  Qabel kollox jeħtieġ li tkun ikkontrollata l-wasla tal-armi, għax minkejja l-projbizzjoni, għadhom qed jaslu f’ħafna pajjiżi taż-żona u fis-Sudan t’Isfel ukoll: hawnhekk hawn bżonn ta’ ħafna affarijiet, imma żgur mhemmx ħtieġa ta’ aktar strumenti tal-mewt.  Hemm bżonn ta’ lqugħ ieħor essenzjali biex ikun garanzija għall-mixja tal-ħajja soċjali: qed nirreferi għall-ħolqien ta’ politika sanitarja xierqa, għall-bżonn ta’ infrastrutturi vitali u, b’mod speċjali, għar-rwol primarju tal-alfabetiżmu u l-istruzzjoni, triq ewlenija sabiex ulied din l-art jieħdu l-ġejjieni tagħhom f’idejhom.  Huma, l-istess bħat-tfal kollha l-oħra ta’ dal-kontinent u tad-dinja, għandhom dritt jikbru bil-pitazzi u l-ġugarelli f’idejhom, mhux bl-istrumenti tax-xogħol u l-armi.

In-Nil l-Abjad fl-aħħar iħalli s-Sudan t’Isfel, jgħaddi minn Stati oħra, jiltaqa’ man-Nil Ikħal u jasal fil-baħar: ix-xmara ma’ tagħrafx konfini, anzi tgħaqqad it-territorji.  Bl-istess mod, biex ikun hemm żvillupp xieraq u essenzjali, illum daqs qatt qabel, hemm bżonn nikkultivaw relazzjonijiet pożittivi ma’ pajjiżi oħra, ibda minn dawk tal-madwar.  Qed naħseb ukoll fil-kontribut prezzjuż tal-komunità internazzjonali rigward dal-pajjiż: nesprimi rikonoxxenza għall-impenn immirat biex jiffavorixxi l-iżvilupp u r-rikonċiljazzjoni tal-pajjiż.  Jien konvint li biex il-kontributi jagħtu l-frott, indispensabbli wieħed jifhem id-dinamika u l-problemi soċjali. Mhux biżżejjed tosservahom u tiddenunzjahom minn barra; hemm bżonn involviment dirett bil-paċenzja u d-determinazzjoni u, b’mod aktar ġenerali, reżistenza għat-tentazzjoni li jkunu imposti mudelli stabbilliti minn qabel imma barranin għar-realtà lokali.  Kif kien qal San Ġwanni Pawlu II, tletin sena ilu fis-Sudan: “Hemm bżonn jinstabu soluzzjonijiet afrikani għall-problemi afrikani” (Appell waqt iċ-ċerimonja ta’ merħba, 10 ta’ Frar, 1993).

Sur President, Awtoritajiet distinti, permezz ta’ mixja man-Nil ridt nidħol fil-mixja ta’ dal-pajjiż tant żgħażugħ daqskemm hu għażiż.  Naf li ċertu kliem li bih iddeskrivejt il-ġrajjiet tagħkom setgħu kienu sbukkati u diretti, imma nitlobkom temmnu li dan nibet mill-għożża u l-preokkupazzjoni li bihom jien insegwi ġrajjietkom, flimkien mal-aħwa li ġew hawn miegħi, pellegrin tal-paċi.  Nixtiequ noffru minn qalbna t-talb tagħna u s-sostenn tagħna sabiex is-Sudan t’Isfel jirrikonċilja ruħu u jibdel ir-rotta, ħalli l-mixja vitali tiegħu ma tkunx aktar mgħarrqa mill-għarar tal-vjolenza, ostakolata mill-istagħdir tal-korruzzjoni u mxejna mill-isbruffar tal-faqar.   Il-Mulej tas-Sema, li jħobb lil din l-art, itiha żmien ġdid ta’ paċi u prosperità: Alla jbierek ir-Repubblika tas-Sudan t’Isfel!  Grazzi.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber