ITTRA APPOSTOLIKA

SCRIPTURÆ SACRÆ AFFECTUS

TAL-QDUSIJA TIEGĦU

FRANĠISKU

FIS-XVI-IL ĊENTINARJU MILL-MEWT TA’ SAN ĠIROLMU

 

Għożża għall-Iskrittura Mqaddsa, imħabba sħiħa u ħelwa għall-Kelma ta’ Alla miktuba, dan hu l-wirt li San Ġirolmu ħalla lill-Knisja permezz ta’ ħajtu u l-opri tiegħu. L-espressjonijiet meħuda mit-Tifkira liturġika tal-Qaddis[1] joffrulna muftieħ indispensabbli ta’ kif naqraw u nagħrfu, f’dan is-sittax-il ċentinarju minn mewtu, il-figura imponenti tiegħu fl-istorja tal-Knisja u l-imħabba kbira li kellu għal Kristu. Din l-imħabba tgelgel, bħal xmara f’tant nixxigħat, fil-ħidma tiegħu ta’ studjuż bla heda, traduttur, eseġeta, għaref profond u xandar appassjonat tal-Iskrittura Mqaddsa; ta’ interpretu raffinat tat-testi bibliċi; ta’ difensur imħeġġeġ u daqstant ieħor qalil tal-verità Nisranija; ta’ eremita axxetiku u rigoruż; kif ukoll ta’ gwida spiritwali esperta, fil-ġenerożità u l-ħlewwa tiegħu. Illum, elf u sitt mitt sena wara, il-figura tiegħu tibqa’ ta’ attwalità kbira għalina l-Insara tas-seklu 21.

 

Introduzzjoni

It-30 ta’ Settembru tas-sena 420 Ġirolmu temm f’Betlehem, fil-komunità minnu mwaqqfa biswit il-grotta tan-Natività, ħajtu fuq din l-art. Hekk hu fada ruħu f’idejn dak il-Mulej li kien dejjem fittex u għaraf fl-Iskrittura, l-istess wieħed li bħala Mħallef kien diġà ltaqa’ miegħu, marid, f’viżjoni, aktarx fir-Randan tat-375. F’dik il-ġrajja, li mmarkat bidla deċiżiva fil-ħajja tiegħu, mument ta’ konverżjoni u bidla ta’ perspettiva, hu ħassu mkaxkar lejn il-preżenza tal-Imħallef: “mistoqsi dwar il-qagħda tiegħi, weġibt li kont Nisrani. Imma dak li kien qed jippresiedi żied jgħid: ‘Qed tigdeb! Int Ċiċeronjan, mhux Nisrani’”.[2] Fil-fatt, Ġirolmu sa minn żgħożitu kien ħabb il-ġmiel fiċ-ċarezza tat-testi klassiċi Latini, li ħdejhom il-kitbiet tal-Bibbja kienu jidhrulu, għall-bidu, ħorox u bla grammatika, morri wisq għall-gost letterarju raffinat tiegħu.

 

Dak l-episodju ta’ ħajtu wasslu għad-deċiżjoni li jiddedika ruħu kollu kemm hu għal Kristu u għall-Kelma tiegħu, billi jikkonsagraha biex jagħmel dejjem iżjed aċċessibbli l-ittri divini għall-oħrajn, bil-ħidma tiegħu bla waqfien ta’ traduttur u kummentatur. Dik il-ġrajja mmarkat lil ħajtu b’orjentament ġdid u iżjed deċiż: li jsir qaddej tal-Kelma ta’ Alla, bħal namrat tal-“laħam tal-Iskrittura”. Hekk, fit-tiftix kontinwu li kkaratterizza lil ħajtu, ivvalorizza l-istudji ta’ żgħożitu u l-formazzjoni li rċieva f’Ruma, u reġa’ ordna l-għerf tiegħu fil-qadi iktar matur ta’ Alla u tal-komunità ekkleżjali.

 

Għalhekk, San Ġirolmu jidħol bir-raġun kollu qalb il-figuri kbar tal-Knisja antika, fil-perjodu meqjus baħal s-seklu tad-deheb tal-Patristika, pont veru bejn Lvant u Punent: kien ħabib taż-żgħożija ta’ Rufinu ta’ Aquileia, iltaqa’ ma’ Ambroġ u żamm korrispondenza twila ma’ Wistin. Fil-Lvant sar jaf lil Girgor Nazjanzenu, Didimu l-Agħma, Epifanju ta’ Salamina. It-tradizzjoni ikonografika Nisranija tikkonsagrah billi tirrappreżentah, flimkien ma’ Wistin, Ambroġ u Girgor il-Kbir, fost l-erba’ dutturi l-kbar tal-Knisja tal-Punent.

 

Il-predeċessuri tiegħi diġà xtaqu jfakkru l-figura tiegħu f’diversi ċirkustanzi. Seklu ilu, fl-okkażjoni tal-ħmistax-il ċentinarju minn mewtu, Benedittu XV iddedikalu l-Ittra enċiklika Spiritus Paraclitus (15 ta’ Settembru 1920), u ppreżentah lid-dinja bħala doctor maximus explanandis Scripturis.[3] Iktar lejn żmienna, Benedittu XVI f’żewġ katekeżijiet wara xulxin ippreżenta l-personalità u l-opri tiegħu.[4] Issa, fis-sittax-il ċentinarju minn mewtu, nixtieq jien ukoll infakkar lil San Ġirolmu u nerġa’ nipproponi l-attwalità tal-messaġġ u t-tagħlim tiegħu, ibda mill-imħabba kbira li kellu għall-Iskrittura.

 

F’dan is-sens, jista’ jitqiegħed f’rabta ideali, bħala gwida żgura u xhud ipprivileġġjat, mat-XII-il Assemblea tas-Sinodu tal-Isqfijiet, iddedikata lill-Kelma ta’ Alla,[5] u mal-Eżortazzjoni appostolika Verbum Domini tal-predeċessur tiegħi Benedittu XVI, ippubblikata proprju nhar il-festa tal-Qaddis, it-30 ta’ Settembru 2010.[6]

 

Minn Ruma għal Betlehem

Il-ħajja u l-vjaġġ personali ta’ San Ġirolmu terrqu tul it-toroq tal-Imperu Ruman, bejn l-Ewropa u l-Lvant. Twieled fi Zrenj fis-sena 345, fuq il-fruntiera bejn id-Dalmazja u l-Pannonja, fit-territorju ta’ dik li llum hi l-Kroazja jew is-Slovenja, u rċieva edukazzjoni soda f’familja Nisranija. Skont id-drawwa ta’ dak iż-żmien, ġie mgħammed ta’ età adulta fis-snin li fihom kien Ruma student tar-rettorika, bejn it-358 u t-364. Proprju f’dan il-perjodu Ruman sar qarrej dejjem għatxan tal-klassiċi Latini, li studja taħt il-gwida tal-iktar mgħallma illustri tar-rettorika ta’ dik l-epoka.

 

Meta temm l-istudji, qabad vjaġġ twil lejn il-Gallja li wasslu fil-belt imperjali ta’ Trier, illum fil-Ġermanja. Kien hemm li ġie f’kuntatt, għall-ewwel darba, mal-esperjenza monastika Orjentali mxerrda minn Sant’Atanasju. Hekk kibret fih xewqa qawwija li jakkumpanjah lejn Aquileia fejn beda, flimkien ma’ xi ħbieb tiegħu, “kor ta’ beati”,[7] perjodu ta’ ħajja komuni.

 

Lejn is-sena 374, huwa u għaddej minn Antjokja, iddeċieda li jinqata’ għalih waħdu fid-deżert tal-Calcide, biex iwettaq, b’mod dejjem iżjed radikali, ħajja axxetika li fiha rriserva spazju kbir għall-istudju tal-ilsna bibliċi, l-ewwel tal-Grieg u mbagħad tal-Ebrajk. Fada ruħu f’idejn wieħed Lhudi, li sar Nisrani, li introduċieh għall-għarfien tal-lingwa ġdida Ebrajka u tal-ħsejjes li hu sejjaħ “ħorox u qawwija”.[8]

 

Id-deżert, bil-ħajja ta’ eremita li għex fih, Ġirolmu għażlu u ġarrbu fit-tifsira l-iktar profonda tiegħu: bħala post tal-għażliet eżistenzjali fundamentali, ta’ intimità u ta’ laqgħa ma’ Alla, fejn permezz tal-kontemplazzjoni, il-provi ġewwinija, it-taqbida spiritwali, wasal għall-għarfien tad-dgħufija, b’għarfien ikbar tal-limitazzjonijiet tiegħu u tal-oħrajn, u hekk għaraf l-importanza tad-dmugħ.[9] Hekk, fid-deżert, ħass il-preżenza konkreta ta’ Alla, ir-relazzjoni meħtieġa tal-bniedem miegħu, il-faraġ ħanin tiegħu. Hawn nieħu pjaċir infakkar aneddotu, ta’ tradizzjoni apokrifa. Darba Ġirolmu talab lill-Mulej: “Xi trid minni?”. U dan wieġbu: “Għadek ma tajtnix kollox”. “Imma Mulej, jien tajtek dan, dan u dan…”. “Fadal ħaġa”. “Xiex?”. “Agħtini dnubietek biex jien jista’ jkolli l-pjaċir li nerġa’ naħfirhomlok”.[10]

 

Nerġgħu nsibuh f’Antjokja, fejn ġie ordnat saċerdot mill-Isqof Pawlinu, imbagħad f’Kostantinopli, lejn is-sena 379, fejn sar jaf lil Girgor Nazjanzenu u fejn kompla bl-istudji tiegħu, iddedika ruħu għat-traduzzjoni bil-Latin ta’ opri importanti fil-Grieg (omeliji ta’ Oriġene u l-kronaka ta’ Ewsebju), daq il-klima tal-Konċilju ċċelebrat f’dik il-belt fit-381. F’dawn is-snin, kien fl-istudju li dehru l-passjoni u l-ġenerożità tiegħu. Tħassib qaddis li mexxieh u għamlu iktar imħeġġeġ u appassjonat fit-tiftix tiegħu: “Kull tant u tant kont naħbat naqta’ qalbi, wisq aktar drabi ċedejt; imma mbagħad kont nerġa’ naqbad it-triq b’determinazzjoni li nitgħallem”, immexxi miż-“żerriegħa morra” ta’ dawn l-istudji biex jaħsad “frott bnin”.[11]

 

Fis-sena 382 Ġirolmu reġa’ lura Ruma, għas-servizz tal-Papa Damasu, li apprezza l-kwalitajiet kbar tiegħu u għamlu kollaboratur strett tiegħu. Hawn Ġirolmu ħabrek f’ħidma bla waqfien mingħajr ma nesa d-dimensjoni spiritwali: fuq l-Aventino, grazzi għall-għajnuna li sab f’nisa aristokratiċi Rumani għatxana għal għażliet evanġeliċi radikali, bħal Marċella, Pawla u bintha Ewstokju, ħoloq ċenaklu msejjes fuq il-qari u fuq l-istudju rigoruż tal-Iskrittura. Ġirolmu kien eseġeta, għalliem, gwida spiritwali. F’dan iż-żmien beda jirrevedi traduzzjonijiet li kienu saru qabel tal-Vanġeli għal-Latin, forsi anki ta’ partijiet oħra tat-Testment il-Ġdid; kompla bil-ħidma tiegħu bħala traduttur ta’ omeliji u kummentarji dwar l-Iskrittura minn Oriġene, qabad ħidma epistolari frenetika, ħaqqaqha pubblikament ma’ awturi eretiċi, xi drabi b’eċċessi u mingħajr wisq sabar, imma dejjem imqanqal mix-xewqa sinċiera li jiddefendi l-fidi vera u d-depożitu tal-Iskrittura.

 

Dan il-perjodu intens u għammiel intemm bil-mewt tal-Papa Damasu. Kellu jħalli Ruma u, bi ħbiebu jiġru warajh u flimkien magħhom xi nisa mixtieqa li jkomplu l-esperjenza spiritwali u l-istudju bibliku li kien beda, telaq lejn ix-xaqliba tal-Eġittu – fejn iltaqa’ mat-teologu kbir Didimu l-Agħma – u tal-Palestina, biex fis-sena 386 inxteħet darba għal dejjem f’Betlehem. Reġa’ qabad l-istudji fololoġiċi tiegħu, ankrati fl-imkejjen fiżiċi li kienu x-xenarju għal dawk ir-rakkonti.

 

L-importanza tal-imkejjen imqaddsa toħroġ mhux biss mill-għażla li jgħix il-Palestina, mis-sena 386 sa mewtu, imma anki mis-servizz b’risq il-pellegrinaġġi. Proprju f’Betlehem, post li għalih kien ipprivileġġjat, ħdejn il-grotta tan-Natività waqqaf żewġ monasteri “tewmin”, maskili u femminili, b’ospizji biex jilqgħu l-pellegrini li jaslu ad loca sancta, u wera l-qalb kbira tiegħu billi laqa’ fihom lil dawk li kienu jaslu f’dik l-art biex jaraw u jmissu b’idejhom l-imkejjen tal-istorja tas-salvazzjoni, u hekk għaqqad flimkien it-tiftix kulturali ma’ dak spiritwali.[12]

 

Kien fl-Iskrittura Mqaddsa li, f’atteġġjament ta’ smigħ, Ġirolmu sab lilu nnifsu, il-wiċċ ta’ Alla u dak ta’ ħutu, u rfina l-għożża tiegħu għall-ħajja komunitarja. Minn hawn ix-xewqa tiegħu li jgħix mal-ħbieb, bħal fi żmien Aquileia, u li jwaqqaf komunitajiet monastiċi, u jissokta bl-ideal ċenobitiku ta’ ħajja reliġjuża li jara l-monasteru bħala “ġinnasju” fejn jitħarrġu l-persuni “li jqisu ruħhom inqas minn kulħadd biex ikunu l-ewwel fost kulħadd”, hienja fil-faqar u kapaċi jgħallmu bl-istil ta’ ħajjithom. Fil-fatt, kien iħoss bħala formazzjoni tajba li wieħed jgħix “taħt it-treġija ta’ superjur wieħed u fil-kumpanija ta’ ħafna” biex jitgħallem l-umiltà, is-sabar, is-skiet u l-manswetudni, fl-għarfien li “l-verità ma tħobbx l-irkejjen mudlama, u ma tfittixx dawk li jpespsu fil-widnejn”.[13] Barra minn hekk, stqarr li kien “imxennaq għaċ-ċelel ċkejkna tal-monasteru, […] mixtieq għal dik l-attenzjoni tan-nemel lejn xulxin, fejn jaħdmu flimkien u ma hemm xejn li hu proprjetà ta’ xi ħadd, imma kollox hu ta’ kulħadd”.[14]

 

Fl-istudju Ġirolmu ma sabx xi fini ta’ din l-art mogħġub fih innifsu, imma t-tħaddim tal-ħajja spiritwali, mezz biex jasal għand Alla, u hekk anki l-formazzjoni klassika tiegħu taha ordni ġdid fl-ogħla servizz lill-komunità ekkleżjali. Biżżejjed naħsbu fl-għajnuna li ta lill-Papa Damasu, fit-tagħlim li ddedika lin-nisa, speċjalment għall-Ebrajk, sa mill-ewwel ċenaklu fuq l-Aventino, tant li daħħal lil Pawlu u Ewstokju “fit-taqbidiet tat-tradutturi”[15] u, ħaġa li ma kontx toħlomha dak iż-żmien, iggarantielhom li jaqraw u jkantaw is-Salmi fl-ilsna oriġinali.[16]

 

Din tiegħu kienet kultura għall-qadi u meqjusa bħala meħtieġa għal kull evanġelizzatur. Hekk ifakkru lil ħabibu Nepozjanu: “Il-kelma tas-saċerdot għandha tikseb togħma grazzi għall-qari tal-Iskrittura. Ma rridx li int tkun xi predikatur solenni jew ċarlatan ta’ ħafna kliem, imma wieħed li jifhem id-duttrina mqaddsa (mysterii) u jagħraf fil-fond tiegħu t-tagħlim (sacramentorum) ta’ Alla tiegħu. Huwa tipiku tal-injoranti li jdawru l-kliem u jiġbdu fuqhom l-ammirazzjoni tal-poplu inespert billi joqogħdu jitkellmu jgħaġġlu. Min m’għandux mistħija spiss ifisser dak li ma jafx u jippretendi li hu espert kbir biss għax jirnexxielu jipperswadi lill-oħrajn”.[17]

 

F’Betlehem, Ġirolmu għex, sa mewtu fis-sena 420, il-perjodu l-aktar għammiel u intens ta’ ħajtu, mogħti kollu kemm hu għall-istudju tal-Iskrittura, impenjat fl-opra monumentali tat-traduzzjoni tat-Testment il-Qadim kollu mill-oriġinal Ebrajk. Fl-istess waqt, niseġ il-kummentarji tal-kotba profetiċi, is-Salmi, l-opri Pawlini, kiteb sussidji għall-istudju tal-Bibbja. Il-ħidma prezzjuża minsuġa fl-opri tiegħu hi frott ta’ konfront u ta’ kollaborazzjoni, tal-ikkuppjar u t-tqabbil tal-manuskritti għar-riflessjoni u d-diskussjoni: “Qatt ma fdajt fil-ħila tiegħi stess biex nistudja l-volumi divini, […] għandi d-drawwa li nagħmel mistoqsijiet, anki dwar dak li kont naħseb li naf, iktar u iktar fuq dak li minnu ma kontx żgur”.[18] Għalhekk, għax kien jaf il-limiti tiegħu x’inhuma, kien jitlob l-għajnuna kontinwa fit-talb ta’ interċessjoni għas-suċċess tat-traduzzjoni tiegħu tat-testi sagri “fl-istess Spirtu li bih inkitbu”,[19] mingħajr ma nesa jittraduċi wkoll opri ta’ awturi indispensabbli għall-ħidma eseġetika, bħal Oriġene, hekk li “qiegħed dan il-materjal għad-dispożizzjoni ta’ min irid jinżel iktar fil-fond tal-istudji xjentifiċi”.[20]

 

L-istudju ta’ Ġirolmu jidher bħala sforz imwettaq fil-komunità u għall-qadi tal-komunità, xempju ta’ sinodalità anki għalina, għal żminijietna u għad-diversi istituzzjonijiet kulturali tal-Knisja, biex ikunu dejjem “post fejn l-għerf isir qadi, għax mingħajr għerf li jitnissel mill-kollaborazzjoni u jintiseġ fil-koperazzjoni ma hemmx żvilupp ġenwinament u integralment uman”.[21] Il-bażi ta’ din il-komunjoni hija l-Iskrittura, li ma nistgħux naqrawha waħidna biss: “Il-Bibbja nkitbet mill-Poplu ta’ Alla u għall-Poplu ta’ Alla, bit-tnebbiħ tal-Ispirtu s-Santu. F’din il-komunjoni mal-Poplu ta’ Alla biss nistgħu tabilħaqq nidħlu fl-‘aħna’ tal-qalba tal-verità li Alla nnifsu jrid itarrfilna”.[22]

 

L-esperjenza qawwija ta’ ħajja, mitmugħa mill-Kelma ta’ Alla, għenet lil Ġirolmu biex, permezz ta’ korrispondenza kbira epistolari, isir gwida spiritwali. Hu sar sieħeb tal-vjaġġ għal bosta, konvint li “m’hemmx arti li tista’ titgħallimha mingħajr mgħallem”, kif kiteb lil Rustiku: “Dak li nixtieq infiehmek, billi naqbadlek f’idejk, bħallikieku jien kont baħri li, wara l-esperjenza ta’ tant nawfraġji, qed jipprova juri t-triq lil baħħar mhux espert”.[23] Minn dik ir-rokna sielma tad-dinja segwa lill-umanità f’epoka ta’ taqlib kbir, immarkata minn ġrajjiet bħalma kien il-ħtif ta’ Ruma fl-410 li kien għalih għafsa ta’ qalb kbira.

 

Fl-ittri tiegħu ngħata għall-polemiċi duttrinali, dejjem fid-difiża tal-fidi vera, u hekk wera li hu bniedem ta’ relazzjonijiet, li hu għex b’qawwa u bi ħlewwa, b’involviment sħiħ, mingħajr ħafna zokkor tal-wiċċ, għax fehem li “l-imħabba m’għandhiex prezz”.[24] Hekk għex ir-relazzjonijiet tiegħu b’passjoni u sinċerità. Dan l-involviment tiegħu fis-sitwazzjonijiet li fihom kien jgħix u jaħdem joħroġ ukoll mill-fatt li offra l-ħidma tiegħu ta’ traduzzjoni u ta’ kummentarji bħala munus amicitiæ. Huwa don qabelxejn għall-ħbieb, destinatarji u dedikatarji tal-opri tiegħu u li lihom jitlob li jaqrawhom b’għajnejn ta’ ħbieb pjuttost milli ta’ kritiċi, u mbagħad ukoll għall-qarrejja, ta’ żmienu u ta’ kull żmien.[25]

 

Qatta’ l-aħħar snin ta’ ħajtu fil-qari – fi spirtu ta’ talb – personali u komunitarju tal-Iskrittura, fil-kontemplazzjoni, fil-qadi ta’ ħutu permezz tal-opri tiegħu. Dan kollu f’Betlehem, qrib il-grotta fejn il-Verb twieled mill-Verġni, għax konxju li “hieni dak li jġorr ġo qalbu s-salib, il-qawmien, il-post tat-twelid u tat-tlugħ ta’ Kristu fis-Sema! Hieni min għandu lil Betlehem f’qalbu, dik il-qalb fejn Kristu jitwieled ta’ kuljum!”.[26]

 

Il-muftieħ għaref biex naqraw il-profil tiegħu

Biex nistgħu nifhmu b’mod sħiħ il-personalità ta’ San Ġirolmu hemm bżonn inżewġu żewġ dimensjonijiet karatteristiċi tal-ħajja tiegħu ta’ fidi: minn banda, il-konsagrazzjoni sħiħa u rigoruża tiegħu lil Alla, biċ-ċaħda ta’ kull sodisfazzjon uman, għall-imħabba ta’ Kristu mislub (ara 1 Kor 2:2; Fil 3:8,10); mill-oħra, l-impenn fl-istudju assidwu, immirat esklussivament għal għarfien dejjem iżjed sħiħ tal-misteru tal-Mulej. Hija proprju din ix-xhieda doppja, offruta b’mod tal-għaġeb minn San Ġirolmu, li hi proposta ta’ mudell għalina: għall-monaċi, qabelxejn, biex min jgħix bl-axxeżi u t-talb jitħeġġeġ jiddedika ruħu għat-tħabrik assidwu tat-tiftix u tal-ħsieb; u mbagħad, għall-istudjużi, li għandhom jiftakru li l-għerf hu validu reliġjożament biss jekk ikun imsejjes fuq l-imħabba esklussiva għal Alla, fuq it-tixjin ta’ kull ambizzjoni umana u ta’ kull aspirazzjoni mondana.

 

Dawn id-dimensjonijiet intlaqgħu fil-kamp tal-istorja tal-arti, fejn il-preżenza ta’ San Ġirolmu hija frekwenti: imgħallma kbar tal-pittura fil-Punent ħallewlna r-raffigurazzjonijiet tagħhom. Nistgħu nqassmu d-diversi tipoloġiji ikonografiċi tul żewġ linji distinti. Waħda tħares lejh fuq kollox bħala monaku u penitent, b’ġisem minġur bis-sawm, maqtugħ għalih waħdu fi rkejjen tad-deżert, għarkupptejh jew mixħut mal-art, f’ħafna każi jagħfas ċagħka f’idu l-leminija biex iħabbatha ma’ sidru, u b’għajnejh imsammra fuq il-Kurċifiss. F’din il-linja qiegħed il-kapulavur ta’ Leonardo da Vinci kkonservat fil-Pinakoteka Vatikana, li tassew imisslek qalbek. Mod ieħor kif jiġi rraffigurat Ġirolmu hu dak li jurih studjuż, bilqiegħda fuq l-iskrivanija tiegħu, mixħut fit-traduzzjoni u l-kummentarju tal-Iskrittura Mqaddsa, imdawwar b’volumi u parċmini, mgħobbi bil-missjoni li jiddefendi l-fidi permezz tal-ħsieb u l-kitba. Albrecht Dürer, biex inkunu semmejna eżempju ieħor illustri, urieh iktar minn darba f’din il-qagħda.

 

Iż-żewġ aspetti evokati hawn fuq insibuhom imbewsa ma’ xulxin fuq it-tila tal-Caravaggio, fil-Galleria Borghese ta’ Ruma: fil-fatt, f’xena waħda nsibu ppreżentat l-axxeta anzjan, imlibbes b’xi ftit drapp aħmar, li fuq il-mejda għandu ras ta’ mewt, simbolu tal-vanità tar-realtajiet ta’ din l-art; imma ma’ dan hi wkoll irraffigurata b’mod qawwi l-kwalità ta’ studjuż, b’għajnejh imsammrin fuq il-ktieb, waqt li b’idu qed ibill il-pinna fil-klamar fl-att karatteristiku ta’ kittieb.

 

B’mod analogu – mod li jiena nsejjaħlu sapjenzali – irridu nifhmu l-profil doppju tal-mixja bijografika ta’ Ġirolmu. Meta, ta’ veru “Ljun ta’ Betlehem”, kien jesaġera fit-ton, dan kien jagħmlu għax qed ifittex verità li tagħha kien lest isir qaddej inkundizzjonat. U kif ifisser hu stess fl-ewwel fost il-kitbiet tiegħu, Ħajja ta’ San Pawl, eremita ta’ Tebe, l-iljuni huma kapaċi “jgħajtu b’ħanxra daqsiex” imma anki jibku.[27] Għalhekk, dawk li fil-figura tiegħu jidhru bħal żewġ fiżjonimiji kontra xulxin, huma, fil-verità, elementi li bihom l-Ispirtu s-Santu għenu jimmatura l-għaqda interjuri tiegħu.

 

Imħabba għall-Iskrittura Mqaddsa

Il-karatteristika partikulari tal-figura spiritwali ta’ San Ġirolmu tibqa’ bla dubju ta’ xejn l-imħabba passjonali tiegħu għall-Kelma ta’ Alla, mgħoddija lill-Knisja fl-Iskrittura Mqaddsa. Jekk id-Dutturi kollha tal-Knisja – u b’mod partikulari dawk tal-ewwel epoka Nisranija – ħadu espliċitament mill-Bibbja l-kontenut tat-tagħlim tagħhom, Ġirolmu dan għamlu b’mod iżjed sistematiku u f’ċertu sens uniku.

 

L-eseġeti fl-aħħar żminijiet skoprew il-ġenju narrattiv u poetiku tal-Bibbja, imfaħħra proprju għall-kwalità espressiva tagħha; imma Ġirolmu pjuttost saħaq fuq il-karattru umli tar-rivelazzjoni ta’ Alla fl-Iskrittura, espress fin-natura sobrja u kważi primittiva tal-ilsien Ebrajk, meta mqabbla mar-raffinatezza tal-Latin Ċiċeronjan. Għalhekk mhuwiex b’xi gost estetiku li hu jiddedika ruħu għall-Iskrittura Mqaddsa, imma – kif hu magħruf tajjeb – biss għax din twasslu biex jagħraf lil Kristu, għax min ma jafx l-Iskrittura ma jafx lil Kristu.[28]

 

Ġirolmu jgħallimna li m’għandniex nistudjaw biss il-Vanġeli, u mhix biss it-tradizzjoni appostolika, preżenti fl-Atti tal-Appostli u fl-Ittri, li għandha tiġi kkummentata, għax it-Testment il-Qadim kollu hu indispensabbli biex ninfdu fil-verità u fl-għana ta’ Kristu.[29] L-istess paġni tal-Vanġelu juruh dan: huma jkellmuna fuq Ġesù bħala Mgħallem li, biex ifisser il-misteru tiegħu, jirrikorri għal Mosè, għall-profeti u għas-Salmi (ara Lq 4:16-21; 24:27,44-47). Anki l-predikazzjoni ta’ Pietru u Pawlu, fl-Atti, issib għeruqha b’mod emblematiku fl-Iskritturi tal-qedem; mingħajrhom ma nistgħux nifhmu għalkollox il-figura tal-Iben ta’ Alla, il-Messija Feddej. It-Testment il-Qadim m’għandux jitqies bħala repertorju wiesa’ ta’ kwotazzjonijiet li juru t-twettiq tal-profeziji fil-persuna ta’ Ġesù ta’ Nazaret; iktar minn hekk, huwa biss fid-dawl tal-“figuri” tat-Testment il-Qadim li nistgħu nifhmu b’mod sħiħ is-sens tal-ġrajja ta’ Kristu, li twettqet fil-mewt u l-qawmien tiegħu. Minn hawn ġejja l-ħtieġa li niskopru mill-ġdid, fil-prassi kateketika u fil-predikazzjoni, kif ukoll fit-trattati teoloġiċi, il-kontribut indispensabbli tat-Testment il-Qadim, li għandu jinqara u jinftiehem bħala ikel prezzjuż (ara Eżek 3:1-11; Apok 10:8-11).[30]

 

Id-dedikazzjoni sħiħa ta’ Ġirolmu għall-Iskrittura tidher f’għamla espressiva appassjonata, simili għal dik tal-profeti tal-qedem. Huwa minnhom li d-Duttur tagħna jġib in-nar ġewwieni li jsir verb imħeġġeġ u ta’ qawwa kbira (ara Ġer 5:14; 20:9; 23:29; Mal 3:2; Sir 48:1; Mt 3:11; Lq 12:49), meħtieġ biex jesprimi ż-żelu mkebbes tal-qaddej għall-kawża ta’ Alla. Fuq il-passi ta’ Elija, ta’ Ġwanni l-Battista u anki tal-Appostlu Pawlu, l-istmerrija għall-gideb, l-ipokrezija u d-duttrini foloz tkebbes id-diskors ta’ Ġirolmu u tagħmlu provokatorju u mqit fid-dehra tiegħu. Id-dimensjoni polemikuża tal-kitbiet tiegħu nifhmuha aħjar jekk naqrawha bħala mod ta’ enfasi u ta’ twettiq tat-tradizzjoni profetika l-aktar awtentika. Għalhekk, Ġirolmu huwa xempju ta’ xhieda inflessibbli tal-verità, li tassumi s-severità taċ-ċanfira biex twassal għall-konverżjoni. Fl-intensità tal-espressjonijiet verbali u tax-xbihat jidher il-kuraġġ tal-qaddej li mhux lill-bnedmin irid jogħġob imma biss lil Sidu (Gal 1:10), li għalih ta kull enerġija spiritwali tiegħu.

 

L-istudju tal-Iskrittura Mqaddsa

L-imħabba appassjonata ta’ San Ġirolmu għall-Iskrittura Mqaddsa hi mxappa fl-ubbidjenza. Qabelxejn fil-konfront ta’ Alla, li kkomunika lilu nnifsu fi kliem li jesiġi smigħ bil-qima,[31] u, konsegwentement, ubbidjenza wkoll għal dawk li fil-Knisja jirrappreżentaw it-tradizzjoni ħajja interpertattiva tal-messaġġ rivelat. Imma l-“ubbidjenza tal-fidi” (Rum 1:5; 16:26) mhijiex biss mod passiv kif wieħed jilqa’ dak li hu magħruf; bil-maqlub, din tesiġi l-impenn attiv tat-tiftix personali. Nistgħu nqisu lil San Ġirolmu qaddej tal-Kelma, fidil u ħabrieki, ikkonsagrat kollu kemm hu biex jgħin lil ħutu fil-fidi jagħrfu aħjar id-“depożitu” mqaddes fdat lilhom (ara 1 Tim 6:20; 2 Tim 1:14). Mingħajr l-intelliġenza ta’ dak li nkiteb mill-awturi ispirati, l-istess Kelma ta’ Alla tkun nieqsa mill-effikaċja tagħha (ara Mt 13:19) u l-imħabba għal Alla ma tistax twarrad.

 

Issa l-paġni tal-Bibbja mhumiex dejjem immedjatament aċċessibbli. Kif insibu f’Iżaija (29:11), anki għal dawk li jafu “jaqraw” – jiġifieri li kellhom biżżejjed formazzjoni intellettwali – il-ktieb imqaddes jidher “issiġillat”, misterjożament magħluq għall-interpretazzjoni. Għalhekk, hu meħtieġ li jindaħal xhud kompetenti biex iġib miegħu l-muftieħ ħellies, dak ta’ Kristu l-Mulej, li waħdu jista’ jħoll is-siġilli u jiftaħ il-ktieb (ara Apok 5:1-10), biex hekk jikxef it-tiswib tal-għaġeb tal-grazzja (ara Lq 5:17-21). Imbagħad hemm ħafna, anki fost l-Insara prattikanti, li jistqarru bil-miftuħ li mhumiex kapaċi jaqraw (ara Iż 29:12), mhux minħabba analfabetiżmu, imma għax mhumiex imħejjija għal-lingwaġġ bibliku, għall-modi espressivi tiegħu u għat-tradizzjonijiet kulturali qodma, u minħabba f’hekk it-test jidher indeċifrabbli, bħallikieku kien miktub f’alfabett mhux magħruf u f’lingwa enigmatika.

 

Għaldaqstant, hemm bżonn tal-medjazzjoni tal-interpretu li jħaddem il-funzjoni “djakonali” tiegħu, billi jidħol għas-servizz ta’ min ma jirnexxilux jifhem is-sens ta’ dak li ġie miktub profetikament. Ix-xbieha li tista’ tiġi evokata hawn hija dik tad-djaknu Filippu, imqanqal mill-Mulej biex imur jiltaqa’ mal-ewnuku li qiegħed fuq il-karru tiegħu jaqra silta minn Iżaija (53:7-8), mingħajr ma jista’ jaqbad xi tfisser. “Staqsieh: ‘Dan li qed taqra qiegħed tifhmu?’. Dak wieġbu: ‘Kif nista’ nifhem jekk xi ħadd ma jurinix?’” (Atti 8:30-31).[32]

 

Ġirolmu huwa l-gwida tagħna kemm għax, kif għamel Filippu (ara Atti 8:35), iwassal lil kull qarrej għall-misteru ta’ Ġesù, kemm għax jassumi responsabbilment u sistematikament il-medjazzjonijiet eseġetiċi u kulturali meħtieġa għal qari korrett u għammiel tal-Iskrittura Mqaddsa.[33] Il-kompetenza fl-ilsna li fihom il-Kelma ta’ Alla ġiet trasmessa, l-analiżi u l-valutazzjoni mirquma tal-manuskritti, it-tiftix arkeoloġiku eżatt, barra l-għarfien tal-istorja tal-interpretazzjoni, f’kelma waħda, ir-riżorsi metodoloġiċi kollha li kienu disponibbli fl-epoka storika tiegħu, jużahom, f’sintonija u b’għerf kbir, biex jorjentana lejn għarfien tajjeb tal-Iskrittura mnebbħa.

 

Dimensjoni eżemplari bħal din tal-attività ta’ San Ġirolmu hija importanti iktar minn qatt qabel anki fil-Knisja tal-lum. Jekk, kif tgħallimna d-Dei Verbum, il-Bibbja hija “bħar-ruħ tat-teoloġija mqaddsa”[34] u bħan-nerv spiritwali tal-prattika reliġjuża Nisranija,[35] huwa indipensabbli li l-att interpretattiv tal-Bibbja jserraħ fuq kompetenzi speċifiċi.

 

Għal dan il-għan bla dubju ta’ xejn neħtieġu ċ-ċentri ta’ eċċellenza tat-tiftix bibliku (bħall-Istitut Bibliku Pontifiċju ta’ Ruma, u f’Ġerusalemm l-École Biblique u l-iStudium Biblicum Franciscanum) u patristiku (bħall-Augustinianum ta’ Ruma), imma anki kull Fakultà tat-Teoloġija għandha tħabrek biex it-tagħlim tal-Iskrittura Mqaddsa jiġi pprogrammat b’mod li jiżgura lill-istudenti ħila interpretattiva kompetenti, kemm fl-eseġesi tat-testi, kemm fis-sintesi tat-teoloġija biblika. L-għana tal-Iskrittura b’xorti ħażina hu injorat jew imfaqqar minn ħafna, għax ma ngħatawx f’idejhom il-bażi essenzjali tal-għarfien tagħha. Għalhekk, flimkien ma’ żieda fl-istudji ekkleżjastiċi, indirizzati għal saċerdoti u katekisti, li jivvalorizzaw b’mod aħjar il-kompetenza fl-Iskrittura Mqaddsa, jeħtieġ nippromovu formazzjoni mifruxa għall-Insara kollha, biex kull wieħed u waħda jkun kapaċi jiftaħ il-ktieb imqaddes u jislet minnu l-frott bla qies ta’ għerf, ta’ tama u ta’ ħajja.[36]

 

Hawn nixtieq infakkar dak li esprima l-Predeċessur tiegħi fl-Eżortazzjoni appostolika Verbum Domini: “Is-sagramentalità tal-Kelma nistgħu nifhmuha f’analoġija għall-preżenza reali ta’ Kristu taħt l-ispeċi kkonsagrati tal-ħobż u tal-inbid. […] Fuq l-imġiba li għandu jkollna kemm quddiem l-Ewkaristija, u kemm quddiem il-Kelma ta’ Alla, San Ġlormu jistqarr: ‘Aħna naqraw l-Iskrittura Mqaddsa. Jiena nemmen li l-Evanġelju huwa l-Ġisem ta’ Kristu; jiena nemmen li l-Iskrittura Mqaddsa hi t-tagħlim tiegħu. U meta huwa jgħid: Min ma jikolx ġismi u ma jixrobx demmi (Ġw 6:53), imqar jekk dawn il-kelmiet jistgħu jinftiehmu wkoll għall-Misteru [Ewkaristiku], madankollu l-ġisem ta’ Kristu u d-demm tiegħu huma tabilħaqq il-kelma tal-Iskrittura, tagħlim ta’ Alla’”.[37]

 

B’xorti ħażina, f’ħafna familji Nsara ħadd ma jħossu kapaċi – kif jordna t-Tôrah (ara Dewt 6:6) – jgħallem lil uliedu l-Kelma tal-Mulej, bil-ġmiel kollu tagħha, bil-qawwa spiritwali kollha tagħha. Għalhekk jiena ridt inwaqqaf il-Ħadd tal-Kelma ta’ Alla,[38] u nħeġġeġ għall-qari fi spirtu ta’ talb tal-Bibbja u l-familjarità mal-Kelma ta’ Alla.[39] Kull manifestazzjoni oħra ta’ reliġjożità hekk tiġi mogħnija b’tifsira, immexxija fil-ġerarkija tal-valuri u indirizzata lejn dak li hu l-quċċata tal-fidi: it-twaħħid sħiħ mal-misteru ta’ Kristu.

 

Il-Vulgata

L-“oħla frott taż-żrigħ iebes”[40] ta’ studju tal-Grieg u tal-Ebrajk, imwettaq minn Ġirolmu, huwa t-traduzzjoni tat-Testment il-Qadim mill-oriġinal Ebrajk għal-Latin. Sa dak iż-żmien l-Insara tal-Imperu Ruman setgħu jaqraw il-Bibbja kollha biss bil-Grieg. Waqt li l-kotba tat-Testment il-Ġdid kienu nkitbu bil-Grieg, għal dawk tal-Qadim kien hemm verżjoni kompluta, l-hekk imsejħa Septuaginta (jew aħjar il-verżjoni tas-Sebgħin) imħejjija mill-komunità Lhudija ta’ Lixandra lejn is-seklu 2 wara wk. Imma għall-qarrejja ta’ lingwa Latina ma kienx hemm verżjoni kompluta tal-Bibbja fl-ilsien tagħhom, imma biss xi traduzzjonijiet, f’partijiet jew mhux kompluti, miġjuba mill-Grieg. Lil Ġirolmu, u warajh lil dawk li komplew fuqu, nagħtu l-mertu li bdew ir-reviżjoni u traduzzjoni ġdida tal-Iskrittura kollha. Wara li beda f’Ruma r-reviżjoni tal-Vanġeli u tas-Salmi, bl-inkuraġġiment tal-Papa Damasu, Ġirolmu mbagħad meta rtira Betlehem beda t-traduzzjoni tal-kotba kollha tat-Testment il-Qadim, direttament mill-Ebrajk: opra li tawlet snin sħaħ.

 

Biex seta’ jtemm din il-ħidma ta’ traduzzjoni, Ġirolmu ħaddem l-għarfien tiegħu tal-Grieg u tal-Ebrajk, kif ukoll il-formazzjoni soda tiegħu fil-Latin, u nqeda bl-għodod filoloġiċi li kellu f’idejh, b’mod partikulari l-Hexapla ta’ Oriġene. It-test finali ġabar il-kontinwità fil-formli, li issa kienu daħlu fl-użu komuni, flimkien ma’ armonija ikbar mat-test Ebrajk, mingħajr ma ġiet issagrifikata l-eleganza tal-lingwa Latina. Ir-riżultat huwa monument veru li mmarka l-istorja kulturali tal-Punent, u serva bħala mudell għal-lingwaġġ teoloġiku tiegħu. It-traduzzjoni ta’ Ġirolmu, wara li ntrebħu ċerti rifjuti tal-bidu, saret minnufih wirt komuni kemm tal-għorrief, kemm tal-poplu Nisrani, u minn hawn ġej l-isem Vulgata.[41] L-Ewropa tal-Medjuevu tgħallmet taqra, titlob u tirraġuna fuq il-paġni tal-Bibbja tradotta minn Ġirolmu. Hekk “l-Iskrittura Mqaddsa saret xorta ta’ ‘dizzjunarju immens’ (P. Claudel) u ta’ ‘atlas ikonografiku’ (M. Chagall), li minnha xorbu l-kultura u l-arti Nisranija”.[42] Il-letteratura, l-arti, u anki l-lingwaġġ popolari xorbu kontinwament mill-verżjoni tal-Bibbja li tana Ġirolmu biex ħallewlna teżori ta’ ġmiel u ta’ devozzjoni.

 

Hu b’rispett lejn dan il-fatt inkontestabbli li l-Konċilju ta’ Trento stabbilixxa l-karattru “awtentiku” tal-Vulgata fid-digriet Insuper b’omaġġ lejn l-użu li l-Knisja għamlet minnha tul is-sekli u b’konferma tal-valur tagħha bħala għodda għall-istudju, il-predikazzjoni u d-disputi pubbliċi.[43] Madankollu, dan ma pprova bl-ebda mod inaqqas mill-importanza tal-ilsna oriġinali, kif Ġirolmu ma waqaf qatt ifakkar, u wisq inqas li jżomm milli fil-futur jittieħdu inizjattivi ġodda ta’ traduzzjoni sħiħa. San Pawlu VI, meta ġabar il-mandat tal-Padri tal-Konċilju Vatikan II, ried li titwassal sa tmiemha l-ħidma ta’ reviżjoni tat-traduzzjoni tal-Vulgata u titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Knisja kollha. Għalhekk San Ġwanni Pawlu II, fil-Kostituzzjoni appostolika Scripturarum thesaurus,[44] ippromulga l-edizzjoni tipika msejħa Neovulgata fl-1979.

 

It-traduzzjoni bħala inkulturazzjoni

B’din it-traduzzjoni tiegħu, Ġirolmu rnexxielu “jinkultura” l-Bibbja fl-ilsien u fil-kultura Latina u din l-opra tiegħu saret paradigma permanenti għall-azzjoni missjunarja tal-Knisja. Fil-fatt, “meta komunità tilqa’ t-tħabbira tal-fidwa, l-Ispirtu s-Santu jagħni l-kultura tagħha bil-qawwa tal-Vanġelu li kapaċi ġġib bidla”,[45] u hekk titwaqqaf għamla ta’ ċirkularità: l-istess kif it-traduzzjoni ta’ Ġirolmu hi midjuna mal-lingwa u l-kultura tal-klassiċi Latini, li l-impronti tagħhom jidhru b’mod ċar, hekk hija wkoll, bil-lingwaġġ u l-kontenut simboliku tagħha mimli bl-immaġni, saret element li welled kultura.

 

L-opra tat-traduzzjoni ta’ Ġirolmu tgħallimna li l-valuri u x-xejriet pożittivi ta’ kull kultura jirrappreżentaw għana għall-Knisja kollha. Id-diversi modi li bihom il-Kelma ta’ Alla hi mxandra, mifhuma u megħjuxa ma’ kull traduzzjoni, jagħnu l-istess Skrittura, għax hi, skont l-espressjoni famuża ta’ Girgor il-Kbir, tikber mal-qarrej,[46] u matul is-sekli rċiviet aċċentwazzjonijiet u għana ġdid. Bl-inseriment tal-Bibbja u tal-Vanġelu fid-diversi kulturi, il-Knisja tidher dejjem iżjed bħala sponsa ornata monilibus suis (Iż 61:10). U dan juri, fl-istess waqt, li l-Bibbja għandha bżonn li tiġi kontinwament tradotta fil-kategoriji lingwistiċi u mentali ta’ kull kultura u ta’ kull ġenerazzjoni, anki fil-kultura sekularizzata globali ta’ żmienna.[47]

 

Bir-raġun, tfakkar li hu possibbli nistabbilixxu xebh bejn it-traduzzjoni, bħala att ta’ ospitalità lingwistika, u xorta oħra ta’ akkoljenza.[48] Għalhekk it-traduzzjoni mhix xi ħidma li tolqot biss il-lingwaġġ, imma fil-verità tikkorrispondi ma’ deċiżjoni etika usa’, li tintrabat mal-viżjoni sħiħa tal-ħajja. Mingħajr traduzzjoni, il-komunitajiet lingwistiċi differenti ma jkunux jistgħu jikkomunikaw bejniethom; inkunu nagħlqu għal xulxin il-bibien tal-istorja u niċċaħħdu mill-possibbiltà li nibnu kultura tal-laqgħa.[49] Mingħajr traduzzjoni, fil-fatt, ma nagħtux ospitalità, anzi jissaħħu l-prattiċi ta’ ostilità. It-traduttur hu bennej ta’ pontijiet. Kemm naslu għal ġudizzji, kemm jitnisslu kundanni u kunflitti mill-fatt li ninjoraw il-lingwa tal-oħrajn u ma naħdmux, b’tama sħiħa, b’risq din il-prova bla heda ta’ mħabba li hi t-traduzzjoni!

 

Anki Ġirolmu kellu jeħodha kontra l-ħsieb dominanti ta’ żmienu. Jekk maż-żerniq tal-Imperu Ruman l-għarfien tal-Grieg kien relattivament komuni, fi żmienu diġà kien rarità. Imma hu kien wieħed mill-aqwa għorrief tal-lingwa u tal-letteratura Griega Nisranija u qabad vjaġġ iktar iebes u solitarju meta ngħata għall-istudju tal-Ebrajk. Jekk, kif inkiteb, “il-limiti tal-lingwaġġ tiegħi huma l-limiti tad-dinja tiegħi”,[50] nistgħu ngħidu li lill-poliglottiżmu ta’ San Ġirolmu nafuh l-għarfien tal-Kristjaneżmu iżjed universali u, fl-istess waqt, iżjed koerenti mal-għejun tiegħu.

 

Biċ-ċelebrazzjoni taċ-ċentinarju tal-mewt ta’ San Ġirolmu, ħarsitna ddur lejn il-vitalità straordinarja missjunarja espressa mit-traduzzjoni tal-Kelma ta’ Alla f’iżjed minn tlitt elef lingwa. Ħafna huma l-missjunarji li lilhom nafu l-opra prezzjuża tal-pubblikazzjoni ta’ kotba tal-grammatika, dizzjunarji u għodod oħra lingwistiċi li joffrulna l-fundamenti għall-komunikazzjoni umana u minnhom tgħaddi l-“ħolma missjunarja li naslu għand kulħadd”.[51] Hemm bżonn nivvalorizzaw dan ix-xogħol kollu u ninvestu fih, u hekk nikkontribwixxu ħalli jingħelbu l-fruntieri tan-nuqqas ta’ komunikazzjoni u ta’ laqgħa. Għad fadal ħafna xi jsir. Kif intqal, ma nistgħux nifhmu lil xulxin jekk m’hemmx traduzzjoni:[52] ma nkunux nifhmu lilna nfusna u lanqas lill-oħrajn.

 

Ġirolmu u l-Katedra ta’ Pietru

Ġirolmu kellu dejjem relazzjoni partikulari mal-belt ta’ Ruma: Ruma hi l-port spiritwali li lejh jerġa’ lura kontinwament; f’Ruma ssawwar l-umanista u ntagħġen in-Nisrani; huwa homo romanus. Din ir-rabta sseħħ, b’mod għalkollox partikulari, fil-lingwa tal-Urbe, il-Latin, li tiegħu kien mgħallem u kultur, imma huwa fuq kollox marbut mal-Knisja ta’ Ruma u, speċjalment, mal-katedra ta’ Pietru. It-tradizzjoni ikonografika, b’mod anakronistiku, irraffiguratu bil-porpra kardinalizja, biex turi l-appartenenza tiegħu għall-presbiterju ta’ Ruma qrib tal-Papa Damasu. Huwa f’Ruma li beda r-reviżjoni tat-traduzzjoni. U anki meta l-għira u l-inkomprensjoni ġagħluh iħalli l-Belt, baqa’ dejjem marbut bil-kbir mal-katedra ta’ Pietru.

 

Għal Ġirolmu, il-Knisja ta’ Ruma hija l-art għammiela fejn iż-żerriegħa ta’ Kristu tagħmel il-frott kotran.[53] Fi żmien imqalleb, fejn it-tunika mingħajr ħjata tal-Knisja kienet spiss imċarrta mill-qasmiet bejn l-Insara, Ġirolmu ħares lejn il-katedra ta’ Pietru bħala punt ta’ riferiment żgur: “Jien li ma nimxi wara ħadd ħlief Kristu, nissieħeb f’komunjoni mal-Katedra ta’ Pietru. Naf li fuq dik il-blata hi mibnija l-Knisja”. Fil-qalba tad-disputi kontra l-Arjani, kiteb hekk lil Damasu: “Min ma jiġborx miegħek, ixerred, min mhuwiex ta’ Kristu, hu tal-antikrist”.[54] Għalhekk jista’ jistqarr ukoll: “Min hu magħqud mal-katedra ta’ Pietru, hu minn tiegħi”.[55]

 

Ġirolmu spiss kien involut f’disputi ħorox minħabba l-fidi. Imħabbtu għall-verità u d-difiża mkebbsa ta’ Kristu forsi wassluh biex jaqbeż il-limiti fil-vjolenza verbali fl-ittri tiegħu u fil-kitbiet tiegħu. Imma hu jgħix orjentat għall-paċi: “Il-paċi rridha jien ukoll; u mhux biss nixtieqha imma nitkarrab għaliha! Qed nifhem il-paċi ta’ Kristu, il-paċi awtentika, paċi mingħajr ħjiel ta’ ostilità, paċi li ma tostorx fiha l-gwerra; mhux il-paċi li tjassar lill-għedewwa, imma dik li torbotna lkoll fil-ħbiberija!”.[56]

 

Id-dinja tagħna għandha bżonn iżjed minn qatt qabel id-duwa tal-ħniena u tal-komunjoni. Ippermettuli ntenni mill-ġdid: ejjew nagħtu xhieda ta’ komunjoni fraterna li ssir attraenti u mdawla.[57] “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom” (Ġw 13:35). Huwa dak li talab bil-qawwa Ġesù lill-Missier: “Ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina, biex hekk id-dinja temmen li inti bgħattni” (Ġw 17:21).

 

Inħobbu dak li ħabb Ġirolmu

Fl-għeluq ta’ din l-Ittra, nixtieq nagħmel appell ieħor lil kulħadd. Fost il-ħafna eloġji li taw lil San Ġirolmu dawk li ġew warajh hemm dak li hu ma kienx sempliċiment meqjus wieħed mill-aqwa kulturi tal-“bibljoteka” li minnha ħa l-Kristjaneżmu matul iż-żmien, ibda mit-teżor tal-Iskrittura Mqaddsa; għalih wieħed jista’ japplika dak li hu stess kiteb dwar Nepozjanu: “Bil-qari assidwu u l-meditazzjoni kostanti kien għamel minn qalbu bibljoteka ta’ Kristu”.[58] Ġirolmu għamel kulma seta’ biex jagħni l-bibljoteka tiegħu, li fiha dejjem ra laboratorju indispensabbli għall-intelliġenza tal-fidi u għall-ħajja spiritwali; u f’dan hu eżempju mill-isbaħ anki għall-preżent. Imma hu mar iżjed lil hemm minn hekk. Għalih, l-istudju ma baqax ikkonfinat għas-snin tal-formazzjoni fiż-żgħożija, imma kien impenn kontinwu, prijorità ta’ kull jum ta’ ħajtu. F’kelma waħda, nistgħu nistqarru li assimila bibljoteka sħiħa u sar dak li jqassam l-għerf lil ħafna oħrajn. Postumjanu, li fir-raba’ seklu vvjaġġa lejn il-Lvant biex jiskopri l-movimenti monastiċi, kien xhud okulari tal-istil ta’ ħajja ta’ Ġirolmu, li għandu qagħad għal xi xhur, u hekk fissru: “Hu mixħut kollu kemm hu fil-qari, kollu kemm hu fil-kotba; ma jistrieħ qatt, lejl u nhar; dejjem jaqra u jikteb xi ħaġa”.[59]

 

Dwar dan naħseb spiss fl-esperjenza li jista’ jagħmel illum kull żagħżugħ meta jidħol f’librerija tal-belt tiegħu, jew fuq sit tal-internet, u jfittex it-taqsima tal-kotba reliġjużi. Hija taqsima li, meta ssibha, fil-parti l-kbira tal-każi mhux biss hi mwarrba għall-ġenb, imma sajma minn opri ta’ stoffa. Meta jifli dawk l-ixkafef, jew dawk il-paġni fuq l-internet, żagħżugħ qajla jista’ jifhem kif it-tiftix reliġjuż jista’ jkun avventura appassjonanti li xxierek flimkien ħsieb u qalb; kif l-għatx ta’ Alla kebbes imħuħ kbar matul is-sekli kollha sal-lum; kif il-maturazzjoni tal-ħajja spiritwali dakkret teologi u filosfi, artisti u poeti, storiċi u xjenzati. Waħda mill-problemi tal-lum, u mhux biss tar-reliġjon, hija l-analfabetiżmu: skarsaw il-kompetenzi ermenewtiċi li jistgħu jagħmluna interpreti u tradutturi kredibbli tal-istess traduzzjoni kulturali tagħna. Liż-żgħażagħ b’mod speċjali nixtieq nagħmel din l-isfida: ibdew fittxu l-wirt li jmisskom. Il-Kristjaneżmu jagħmilkom werrieta ta’ teżor kulturali li m’hawnx ieħor bħalu u li għandkom tagħmluh tagħkom. Tħabbu b’ċerta passjoni ma’ din l-istorja, li hija tagħkom. Issograw sammru ħarsitkom fuq dan iż-żagħżugħ bla kwiet Ġirolmu li, bħall-persunaġġ tal-parabbola ta’ Ġesù, biegħ kulma kellu biex jikseb “il-ġawhra tiswa ħafna” (Mt 13:46).

 

Tassew li Ġirolmu hu l-“Bibljoteka ta’ Kristu”, bibljoteka perenni li sittax-il seklu wara qed tissokta tgħallimna xi tfisser l-imħabba ta’ Kristu, imħabba li ma tistax tinfired mil-laqgħa mal-Kelma tiegħu. Huwa għalhekk li dan iċ-ċentinarju jirrappreżenta sejħa biex inħobbu dak li Ġirolmu ħabb, niskopru mill-ġdid il-kitbiet tiegħu u nħallu jmissna l-impatt ta’ spiritwalità li tista’ tiġi mfissra, fil-qalba l-aktar ħajja tagħha, bħala x-xewqa bla kwiet u appassjonata għal għarfien ikbar ta’ dak Alla tar-Rivelazzjoni. Kif nistgħu ma nagħtux widen, fi żmienna, għal dak li għalih Ġirolmu kien jixpruna l-ħin kollu lin-nies ta’ żmienu: “Aqra ta’ spiss l-Iskrittura Mqaddsa; anzi, titlaq qatt minn idejk il-ktieb sagru”?[60]

 

Eżempju mdawwal hija l-Verġni Marija, imsejħa minn Ġirolmu, fuq kollox fil-maternità verġinali tagħna, imma wkoll fl-atteġġjament tagħha ta’ qarrejja tal-Iskrittura fi spirtu ta’ talb. Marija kienet timmedita f’qalbha (ara Lq 2:19,51), “għax kienet qaddisa u kienet qrat l-Iskrittura Mqaddsa, saret midħla tal-profeti u ftakret dak li l-anġlu Gabrijel kien ħabbrilha u dak li kien tħabbar mill-profeti […], kienet qed tara lit-tarbija tat-twelid li kien binha, l-uniku iben tagħha, mimdud jibki f’dik il-maxtura, imma dak li tassew kienet qed tara mimdud kien l-Iben ta’ Alla, dak li hi qabblitu ma’ dak li kienet qrat u semgħet”.[61] Ejjew nintelqu f’idejha, li aktar minn kull persuna oħra tista’ tgħallimna kif għandna naqraw, nimmeditaw, nitolbu u nikkontemplaw lil Alla li, bla heda, jagħmel lilu nnifsu preżenti fil-ħajja tagħna.

 

Ruma, San Ġwann Lateran, 30 ta’ Settembru, Tifkira ta’ San Ġirolmu, tas-sena 2020, it-tmien waħda tal-pontifikat tiegħi.

 

Franġisku

 

 

 miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard


 

[1] Deus qui beato Hieronymo presbitero suavem et vivum Scripturæ Sacræ affectum tribuisti, da, ut populus tuus verbo tuo uberius alatur et in eo fontem vitæ inveniet, Collecta Missæ Sancti Hieronymi, Missale Romanum, editio typica tertia, Civitas Vaticana 2002.

[2] Epistula (minn hawn ’il quddiem Ep.) 22,30: CSEL 54, 190.

[3] AAS 12 (1920), 385-423.

[4] Ara Udjenzi ġenerali tas-u l-14 ta’ Novembru 2007: Insegnamenti, III, 2 (2007), 553-556; 586-591.

[5] Sinodu tal-IsqfijietMessaġġ lill-Poplu ta’ Alla tat-XII-il Assemblea Ġenerali Ordinarja (24 ta’ Ottubru 2008).

[6] Ara AAS 102 (2010) 681-787.

[7] Chronicum 374: PL 27, 697-698.

[8] Ep. 125,12: CSEL 56, 131.

[9] Ara Ep. 122,3: CSEL 56, 63.

[10] Ara Meditazzjoni ta’ filgħodu, 10 ta’ Diċembru 2015. L-anneddotu jinsab f’A. Louf, Sotto la guida dello Spirito, Qiqaion, Magnano (BI) 1990, 154-155.

[11] Ara Ep. 125,12: CSEL 56, 131.

[12] Ara VD, 89: AAS 102 (2010), 761-762.

[13] Ara Ep. 125,9.15.19: CSEL 56, 128.133-134.139.

[14] Vita Malchi monachi captivi 7,3: PL 23, 59-60; Opere storiche e agiografiche, a cura di B. Degórski, Opere di Girolamo XV, Città Nuova, Roma 2014, 196-199.

[15] Præf. Esther 2: PL 28, 1505.

[16] Ara Ep. 108,26: CSEL 55, 344-345.

[17] Ep. 52,8: CSEL 54, 428-429; cfr VD, 60: AAS 102 (2010), 739.

[18] Præf. Paralipomenon LXX, 1.10-15: SCh 592, 340.

[19] Praef. in PentateuchumPL 28, 184.

[20] Ep. 80,3: CSEL 55, 105.

[21] Messaġġ fl-okkażjoni tal-XXIV Seduta pubblika solenni tal-Akkademji Pontifiċji, 4 ta’ Diċembru 2019: L’Osservatore Romano, 6 ta’ Diċembru 2019, p. 8.

[22] VD, 30: AAS 102 (2010), 709.

[23] Ep. 125,15.2: CSEL 56, 133.120.

[24] Ep. 3,6: CSEL 54, 18.

[25] Ara Præf. Josue, 1, 9-12: SCh 592, 316.

[26] Homilia in Psalmum 95PL 26, 1181; ara S. Ġirolmu59 Omelie sui Salmi (1-115), a cura di A. Capone, Opere di Girolamo IX/1, Città Nuova, Roma 2018, 357.

[27] Ara Vita S. Pauli primi eremitæ, 16,2: PL 23, 28; Opere storiche e agiografiche, cit., 111.

[28] Ara In Isaiam Prol.PL 24, 17; S. ĠirolmuCommento a Isaia (1-4), a cura di R. Maisano, Opere di Girolamo IV/1, Città Nuova, Roma 2013, 52-53.

[29] Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika Dei Verbum, 14.

[30] Ara ibid.

[31] Ara ibid., 7.

[32] Ara S. ĠirolmuEp. 53,5: CSEL 54, 451; Le lettere, a cura di S. Cola, II, Città Nuova, Roma 1997, 54.

[33] Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika Dei Verbum, 12.

[34] Ibid., 24.

[35] Ara ibid., 25.

[36] Ara ibid., 21.

[37] N. 56; ara In Psalmum 147CCL 78, 337-338; S. Ġirolmu59 Omelie sui Salmi (119-149), a cura di A. Capone, Opere di Girolamo IX/2, Città Nuova, Roma 2018, 171.

[38] Ara Ittra appostolika f’għamla ta’ Motu Proprju Aperuit illis, 30 ta’ Settembru 2019.

[39] Ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 152.175: AAS 105 (2013), 1083-1084.1093.

[40] Ara Ep. 52,3: CSEL 54, 417.

[41] Ara VD, 72: AAS 102 (2010), 746-747.

[42] San Ġwanni Pawlu II, Ittra lill-artisti (4 ta’ April 1999), 5: AAS 91 (1999), 1159-1160.

[43] Ara Denzinger-Schönmetzer, Enchiridion Symbolorum, 1506.

[44] 25 ta’ April 1979: AAS LXXI (1979), 557-559.

[45] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 116: AAS 105 (2013), 1068.

[46] Homilia in Ezech. I, 7: PL 76, 843D.

[47] Ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 116: AAS 105 (2013), 1068.

[48] Ara P. Ricœur, Sur la traduction, Bayard, Paris 2004.

[49] Ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 24: AAS 105 (2013), 1029-1030.

[50] L. Wittgenstein, Tractatus logico-philosophicus, 5.6.

[51] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 31: AAS 105 (2013), 1033.

[52] Ara G. Steiner, After Babel. Aspects of Language and Translation, Oxford University Press, New York 1975.

[53] Ara Ep. 15,1: CSEL 54, 63.

[54] Ibid., 15,2: CSEL 54, 62-64.

[55] Ibid., 16,2: CSEL 54, 69.

[56] Ibid., 82,2: CSEL 55, 109.

[57] Ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 99: AAS 105 (2013), 1061.

[58] Ep. 60,10: CSEL 54, 561.

[59] Sulpicius Severus, Dialogus I, 9, 5: SCh 510, 136-138.

[60] Ep. 52,7: CSEL 54, 426.

[61] Homilia de nativitate Domini IV: PL Suppl. 2, 191.