VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 F’BUDAPEST FL-OKKAŻJONI TAL-QUDDIESA

TA’ TMIEM IT-52 KUNGRESS EWKARISTIKU INTERNAZZJONALI,

U FIS-SLOVAKKJA
(12-15
ta’ SETTEMBRU, 2021)

 

LAQGĦA MAL-AWTORITAJIET, MAS-SOĊJETÀ ĊIVILI U L-KORP DIPLOMATIKU 

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Ġnien tal-Palazz Presidenzjali (Bratislava)
It-Tnejn, 13 ta’ Settembru, 2021

 

Sinjura President,
Membri
tal-Gvern u tal-Korp Diplomatiku,
distint
i Awtoritajiet ċivili u reliġjużi,
Si
njuri!

Nesprimi l-gratitudni tiegħi lill-President Zuzana Čaputová, għall-kliem ta’ merħba li ndirizzatli, f’isimkom u f’isem il-popolazzjoni.  Insellem lilkom ilkoll jien u nesprimilkom il-ferħ tiegħi li ninsab is-Slovakkja.  Ġejt pellegrin f’pajjiż żgħażugħ imma bi storja antika, f’art b’għeruq profondi li tinsab fil-qalba tal-Ewropa.  Verament ninsab “fl-art tan-nofs” li rat tant moviment.  Dawn it-territorji kienu l-konfini tal-Imperu ruman u kienu wkoll imkejjen fejn influwenzaw lil xulxin il-kristjaneżmu tal-punent u orjentali; mill-kbira Moravja sar-Renju Ungeriż, mir-Repubblika Ċekoslovakka sal-lum, għaraftu, fost ħafna provi, tintegraw ruħkom u tiddistingwu ruħkom b’mod essenzjalment paċifiku: tmienja u għoxrin sena ilu d-dinja ammirat it-twelid bla ebda kunflitt, ta’ żewġ pajjiżi indipendenti.

Din l-istorja hi sejħa għas-Slovakkja biex tkun messaġġ ta’ paċi fil-qalba tal-Ewropa.  Dan tfisser l-istrixxa blu kbira fil-bandiera tagħkom, simbolu tal-fratellanza mal-popli slavi.  Għandna bżonn il-fraternità biex immexxu ‘l quddiem integrazzjoni li dejjem qed issir aktar meħtieġa.  Hija ħtieġa urġenti, f’mument li fih, wara xhur iebsin ħafna ta’ pandemija, jidher, minkejja l-ħafna diffikultajiet, li l-ekonomija se terġa’ tibda tieħu r-ruħ, pass ‘il quddiem bis-saħħa tal-pjanijiet ta’ rkupru tal-Unjoni Ewropea.  Madankollu jista’ jkun hemm ir-riskju li ninħakmu mill-għaġla u mis-seħer tal-qligħ, biex hekk niġġeneraw ewforija li tgħaddi, li minflok tgħaqqad, tifred.  L-irkupru ekonomiku waħdu, aktar minn hekk, mhux biżżejjed f’dinja fejn ilkoll marbutin ma’ xulxin, fejn ilkoll kemm aħna ngħixu “f’art tan-nofs”.  Filwaqt li f’bosta nħawi għadhu għaddej it-taqbid għas-supremazija, dal-pajjiż għandu jafferma mill-ġdid il-messaġġ tiegħu ta’ integrazzjoni u ta’ paċi, u l-Ewropa għandha tkun mudell ta’ solidarjetà li lil hinn mill-konfini, jerġa’ jqegħedha fiċ-ċentru tal-istorja.

L-istorja slovakka hi mmarkata mill-fidi b’mod li ma jitħassarx.  Nawgura li tgħin biex dan iservi ħalli bih jitrejqu proponimenti u sentimenti ta’ fraternità.  Tistgħu tixorbuhom mill-ħajjiet grandjużi ta’ Ċirillu u Metodju.  Huma xerrdu l-Evanġelju fi żmien meta l-insara tal-kontinent kienu magħquda; u llum ukoll huma għadhom jgħaqqdu lill-konfessjonijiet differenti ta’ din l-art.  Kienu magħrufin minn kulħadd u kienu jfittxu l-komunjoni bejn kulħadd: slavi, griegi u latini.  B’hekk, il-fidi samma tagħhom kienet tissarraf fi ftuħ spontanju.  Huwa wirt li għandkom sejħa biex tħaddnuh f’dan il-mument, biex anki f’dan iż-żmien tkunu sinjal ta’ għaqda.  Għeżież ħbieb, qatt m’għandha tgħib minn qlubkom dil-vokazzjoni tal-fraternità, imma jalla takkumpanjakom dejjem il-ġenwinità simpatika, karatteristika tagħkom.  Intom tafu tagħtu attenzjoni kbira lill-ospitalità: jolqtuni l-espressjonijiet tipiċi tal-akkoljenza slava li lil min iżurkom toffrulu il-ħobż u l-melħ.  U rrid issa nieħu spunt minn dawn iż-żewġ doni sempliċi u prezzjużi, iffertilizzati mill-Evanġelju.

Il-ħobż, magħżul minn Alla biex jibqa’ fostna, huwa essenzjali.  L-Iskrittura tistedinna biex ma naħżnuhx, imma biex naqsmuh ma’ ħaddieħor.  Il-ħobż li jitkellem dwaru l-Evanġelju dejjem jinqasam.  Hu messaġġ qawwi għall-ħajja komuni ta’ bejnietna: jgħidilna li l-veru għana ma jikkonsistix filli nimmoltiplikaw dak li għandna, iżda li naqsmuh ma’ min ikun madwarna.  Il-ħobż, li meta jinqasam ifakkarna fil-fraġilità, jistedinna b’mod partikolari biex nieħdu ħsieb l-aktar dgħajfa.  Ħadd m’għandu jitwaħħallu timbru jew ikun diskriminat.  Il-ħarsa nisranija, f’dawk l-aktar fraġli, ma tarax piż jew problema, imma aħwa biex nakkumpanjawhom u nħarsuhom.

Il-ħobż maqsum u mqassam l-istess bejn kulħadd ifakkarna kemm hi importanti l-ġustizzja, ifakkarna li lil kulħadd għandna ntuh l-opportunità li jilħaq il-potenzjal kollu tiegħu.  Hemm bżonn ta’ impenn biex jinbena ġejjieni li fih il-liġijiet ikunu applikati l-istess għal kulħadd, imsejsa fuq ġustizzja li qatt ma tista’ tinbigħ.  U sabiex il-ġustizzja ma tibqax idea astratta, imma tkun konkreta bħall-ħobż, hemm bżonn tinbeda taqbida serja kontra l-korruzzjoni u għandha tixtered u tkun imħaddma l-legalità.

Mill-ġdid, il-ħobż jintrabat b’rabta li ma tinħallx ma’ aġġettiv: kuljum (cfr Mt 6,11), il-ħobż ta’ kuljum.  Il-ħobż ta’ kuljum hu x-xogħol, li jieħu l-biċċa l-kbira tal-ġurnata.  Kif mingħajr il-ħobż m’hemmx nutriment, mingħajr ix-xogħol m’hemmx dinjità.  Fil-bażi ta’ soċjetà ġusta u fraterna hemm id-dritt li lil kulħadd jingħatalu l-ħobż tax-xogħol, sabiex ħadd ma jħossu mwarrab fil-ġenb u jsib li jkollu jħalli l-familja u artu biex ifittex qagħda aħjar.

“Intom il-melħ tal-art” (Mt 5,13).  Il-melħ hu l-ewwl simbolu li juża Ġesu biex jgħallem lid-dixxipli tiegħu.  Qabel kollox, hu jagħti t-togħma lill-ikel u jfakkarna f’dik it-togħma li mingħajrha l-ħajja nfisha tibqa’ bla togħma.  Infatti mhumiex biżżejjed listrutturi organizzati u effiċjenti biex itejbu l-konvivenza umana, meħtieġa t-togħna, meħtieġa t-togħma tas-solidarjetà.  U kif il-melħ jagħti t-togħma għax idub, bl-istess mod is-soċjetà ssib togħmitha permezz tal-ġenerożità gratwita ta’ min jingħata għall-oħrajn.  Hu sabiħ li, partikolarment iż-żgħażagħ, ikunu mħarrġin f’dan ħalli jħossuhom protagonisti tal-ġejjieni tal-pajjiż u jagħmluh tagħhom, biex bis-sinjali tagħhom u l-kreattività tagħhom jgħanu l-istorja ta’ min ġie qabilhom.  M’hemmx tiġdid mingħajr iż-żgħażagħ li spiss huma mqarrqin minn spirtu konsumistiku li jċajpar l-eżistenza.  Ħafna, wisq ħafna fl-Ewropa huma mkaxkrin mill-għejja u l-frustrazzjoni, stressati b’ritmi ta’ ħajja bla rażan bla ma jsibu mnejn jixorbu raġunijiet għat-tama.  L-ingredjent nieqes hu l-kura tal-oħrajn.  Li bniedem iħossu responsabbli ta’ xi ħadd jagħti togħma lill-ħajja u jippermetti lil dak li jkun jiskopri li meta nagħtu, fil-verità jkun rigal li qed nagħtu lilna nfusna.

Fi żmien Kristu, minbarra li jagħti t-togħma, il-melħ kien iservi wkoll biex jippreserva l-ikel, kien jippreservah biex ma jitħassarx.  Nawguralkom li qatt ma tippermettu li t-togħmiet ifuħu tal-aħjar tradizzjonijiet tagħkom jiqrasu minħabba s-superfiċjalità tal-konsum ideoloġiku u tal-qligħ materjali.  U lanqas minħabba kolonizzazzjonijiet ideoloġiċi.  F’dawn l-artijiet, sa ftit għexiern ta’ snin ilu, kien hemm ħsieb wieħed li kien joħnoq għal kollox il-libertà; illum ħsieb ieħor ineżżgħalu s-sens għax jimmira li l-progress hu l-qligħ u d-dirttijiet huma biss dawk li jinteressaw lill-bniedem individwalment.  Illum, bħal qabel, il-melħ tal-fidi mhuwiex tweġiba skont id-dinja, mhuwiex fil-ħerqa li jinbdew gwerer kulturali, imma fiż-żrigħ ħelu u paċenzjuż tas-Saltna t’Alla, qabel kollox bix-xhieda tal-karità, tal-imħabba.

Il-Kostituzzjoni tagħkom issemmi x-xewqa li jinbena pajjiż fuq il-wirt tal-qaddisin Ċirillu u Metodju, patruni tal-Ewropa.  Bla ma mponew ruħhom u mingħajr forzaturi, huma ffertiliżżaw il-kultura bl-Evanġleju u welldu proċessi li jaħju.  U din hija t-triq: mhux it-taqbida biex nakkwistaw spazji jew biex inkunu importanti, imma t-triq murija lilna mill-Qaddisin, it-triq tal-Beatitudnijiet.  Minn hemm, mit-triq tal-Beatitudnijiet tnixxi l-viżjoni nisranija tas-soċjetà.

Il-Qaddisin Ċirillu u Metodju wrew ukoll li l-ħarsien tal-ġid ma jfissirx li jittennna l-imgħoddi, imma l-ftuħ għan-novità mingħajr ma jitqaċċtu l-għeruq.  Fl-istorja tagħkom hemm ħafna kittieba, poeti u nies ta’ kultura li kienu l-melħ tal-pajjiż.  U kif il-melħ jinħass jaħraq fuq il-ġerħa, l-istess ħajjiethom għaddew spiss mill-mehrież tat-tbatija.  Kemm personalitajiet illustri inqaflu fil-ħabs imma baqgħu liberi minn ġewwa u offrew eżempji ta’ kuraġġ għammiex, koerenza u reżistenza għall-inġustizzja!  Dan hu l-melħ ta’ artkom.

Iżda l-pandemija hi l-prova ta’ żmienna.  Għallmitna kemm hu ħafif, minkejja sitwazzjoni l-istess għal kulħadd, li ninqasmu u naħsbu biss għal rasna.  Ejjew nerġgħu nitilqu mill-għarfien li lkoll kemm aħna dgħajfa u neħtieġu lill-oħrajn.  Ħadd ma jista’ jinqata’ għalih waħdu, kemm individwalment u wkoll bħala nazzjonijiet.  Ejjew inqisu dil-kriżi bħala “appell biex infasslu l-istili ta’ ħajjitna mill-ġdid” (Enċ. Fratelli tutti, 33).  Għalxejn nibku l-imgħoddi, jeħtieġ inxammru l-kmiem biex flimkien infasslu l-ġejjieni.

Nawguralkom li tagħmlu dan b’ħarsitkom ‘il fuq bħal meta tħarsu lejn Tatra, il-muntanji meraviljużi tagħkom.  Hemmhekk, qalb il-boskijiet u l-qċaċet li jippuntaw lejn is-sema, Alla donnu jidher aktar qrib u l-ħolqien jidher bħal dar mhix mimsusa li tul is-sekli tat kenn lil tant ġenerazzjonijiet.  Il-muntanji tagħkom jgħaqqdu f’katina waħda qċaċet u pajsaġġi mlewna u jmorru ‘l hinn mill-konfini tal-pajjiż biex bis-sbuħija jgħaqqdu flimkien popli differenti.  Ikkultivawha din is-sbuħija, is-sbuhija tal-għixien flimkien.  Dan jitlob il-paċenzja, dan jitlob sforz, dan jitlob kuraġġ u kondiviżjoni, jitlob passjoni u kreattività.  Imma s-Sema jbierek l-opra umana.  Alla jberikkom, Alla jbierek lil din l-art. Nech Boh žehná Slovensko! [Alla jbierek lis-Slovakkja!] Grazzi.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber