VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

F’ĊIPRU U FIL-GREĊJA

(2-6 TA’ DIĊEMBRU 2021 

LAQGĦA MAS-SINODU MQADDES

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

Katidral Ortodoss ta’ Nicosia

Il-Ġimgħa 3 ta’ Diċembru 2021

 

Beatitudni, għeżież Isqfijiet tas-Sinodu Mqaddes,

 

Kemm jien kuntent li ninsab fostkom u nħossni grat lejkom għall-merħba kordjali tagħkom. Grazzi, għażiż Ħija, tal-kelmiet tiegħek, għall-qalb miftuħa u għall-impenn fil-promozzjoni tad-djalogu bejnietna. Nixtieq nestendi t-tislima tiegħi lis-saċerdoti, lid-djakni u lill-fidili kollha tal-Knisja Ortodossa ta’ Ċipru, bi ħsieb partikulari għall-monaċi rġiel u nisa, li bit-talb tagħhom isaffu u jgħollu l-fidi ta’ kulħadd.

 

Il-grazzja li ninsab hawn tfakkarni li aħna għandna oriġni appostolika komuni: Pawlu għadda minn Ċipru u mbagħad wasal Ruma. Allura aħna ġejjin mill-istess ħeġġa appostolika u triq waħda li torbotna, dik tal-Vanġelu. U allura nieħu gost narana miexja fl-istess triq, infittxu fraternità dejjem ikbar u l-għaqda sħiħa. F’dan it-tarf tal-Art Imqaddsa li jxerred il-grazzja ta’ dawk l-Imkejjen fil-Mediterran, tiġik naturali taħseb f’tant paġni u figuri bibliċi. Fosthom kollha, nixtieq mill-ġdid nirriferi għal San Barnaba, u nuri ċerti aspetti li jistgħu jorjentawna fil-mixja tagħna.

 

“Ġużeppi, li l-Appostli kienu jsejħulu Barnaba” (Atti 4:36). Hekk jiġi ppreżentat mill-Atti tal-Appostli. Allura nafuh u nqimuh bil-laqam tiegħu, tant kemm kien jindika l-persuna. Issa l-kelma Barnaba tfisser fl-istess ħin “bin il-faraġ” u “bin l-eżortazzjoni”. Kemm hu sabiħ li fil-figura tiegħu huma msejsa dawn iż-żewġ karatteristiċi, indispensabbli għax-xandir tal-Vanġelu. Fil-fatt, kull faraġ veru ma jistax jibqa’ intimistiku, imma għandu jinbidel f’eżortazzjoni, u jorjenta l-libertà għall-ġid. Fl-istess waqt, kull eżortazzjoni fil-fidi ma tistax ħlief tissejjes fuq il-preżenza farraġa ta’ Alla u tkun imsieħba mill-karità fraterna.

 

Hekk Barnaba, bin il-faraġ, iħeġġeġ lilna ħutu biex nagħmlu tagħna l-istess missjoni li nwasslu l-Vanġelu lill-bnedmin, u jistedinna nifhmu li t-tħabbira ma tistax tinbena biss fuq eżortazzjonijiet ġenerali, fuq ir-ripetizzjoni ta’ preċetti u normi li nosservaw, kif spiss sar. Din għandha ssegwi t-triq tal-laqgħa personali, tagħti attenzjoni lill-mistoqsijiet tan-nies, lill-ħtiġijiet eżistenzjali tagħhom. Biex inkunu wlied il-faraġ, qabel ma ngħidu xi ħaġa, hemm bżonn nisimgħu, nistaqsu lilna nfusna, niskopru lill-ieħor, naqsmu ma’ xulxin. Għax il-Vanġelu jgħaddi għand l-oħrajn permezz tal-komunjoni. Dan hu li, bħala Kattoliċi, nixtiequ ngħixu fis-snin li ġejjin, billi niskopru mill-ġdid id-dimensjoni sinodali, kostituttiva ta’ x’inhi Knisja. U f’dan inħossu l-bżonn li nimxu b’mod iżjed intens magħkom, għeżież Ħutna, li permezz tal-esperjenza tas-sinodalità tagħkom tistgħu tassew tgħinuna. Nirringrazzjakom tal-kollaborazzjoni fraterna tagħkom, li tidher ukoll fil-parteċipazzjoni attiva fil-Kummissjoni mħallta internazzjonali għad-Djalogu teoloġiku bejn il-Knisja Kattolika u l-Knisja Ortodossa.

 

Nawgura minn qalbi li jiżdiedu l-possibbiltajiet li niltaqgħu, li nsiru nafu aħjar lil xulxin, li nwaqqgħu tant prekunċetti u noqogħdu fi smigħ doċli tal-esperjenzi ta’ fidi ta’ xulxin. Din tkun għal kull wieħed eżortazzjoni mqanqla biex nagħmlu aħjar u twassalna t-tnejn li aħna għal frott spiritwali ta’ faraġ. L-Appostlu Pawlu, li minnu ġejjin, spiss jitkellem fuq faraġ, u sabiħ li nistħajlu li Barnaba, bin il-faraġ, kien dak li nebbaħ xi kliem tiegħu, bħal dawk li bihom, fil-ftuħ tat-Tieni Ittra lill-Korintin, jirrakkomandalna li nfarrġu lil xulxin bl-istess faraġ li bih Alla farraġ lilna (ara 2 Kor 1:3-5). F’dan is-sens, għeżież Ħuti, nixtieq niżgurakom mit-talb u l-qrubija tiegħi u tal-Knisja Kattolika, fil-problemi l-iżjed ibsin li jġagħlukom tbatu kif ukoll fit-tamiet l-iżjed sbieħ u qalbiena li janimawkom. In-niket u l-ferħ tagħkom hu tagħna, inħossuh tagħna! U nħossu li għandna wkoll tant bżonn tat-talb tagħkom.

 

Barra dan – it-tieni aspett – San Barnaba ġie ppreżentat mill-Atti tal-Appostli bħala “levita… minn Ċipru” (Atti 4:36). It-test ma jżidx dettalji oħra, la fuq id-dehra tiegħu u lanqas fuq il-persuna tiegħu, imma dritt wara jurina min hu Barnaba permezz ta’ azzjoni emblematika: “dan kellu għalqa, biegħha, u l-flus li daħħal minnha mar iqegħedhom f’riġlejn l-Appostli” (v. 37). Dan il-ġest kbir jissuġġerixxi li biex nagħtu ħajja ġdida lill-komunjoni u lill-missjoni tagħna hemm bżonn li aħna wkoll ikollna l-kuraġġ li ninżgħu dak li, imqar jekk hu prezzjuż, hu ta’ din l-art, biex niksbu l-milja tal-għaqda. M’iniex nirreferi għal dak li hu qaddis u jgħinna niltaqgħu mal-Mulej, imma għar-riskju li nassolutizzaw ċerti użanzi u drawwiet, li mhumiex essenzjali biex ngħixu l-fidi. Ma nħallux iwaħħalna l-biża’ li ninfetħu u li nagħmlu ġesti qalbniena, ma nkunux aħna li nappoġġjaw dik l-“inkonċiljabbiltà tad-differenzi” li fil-Vanġelu ma nsibux bħalha! Ma nħallux li t-tradizzjonijiet, fil-plural u bit-“t” żgħira, jippruvaw jirbħu fuq it-Tradizzjoni, fis-singular u bit-“T” kbira. Din tħeġġiġna biex inkunu bħal Barnaba, biex inħallu warajna dak li, imqar jekk tajjeb, jista’ jipperikola l-milja tal-komunjoni, il-primat tal-karità u l-ħtieġa tal-għaqda.

 

Waqt li xeħet kulma kellu f’riġlejn l-Appostli, Barnaba daħal fil-qalb tagħhom. Aħna wkoll mistednin mill-Mulej biex niskopru li aħna parti mill-istess Ġisem, biex nitbaxxew sa riġlejn ħutna. Bla dubju, fil-qasam tar-relazzjonijiet tagħna l-istorja fetħet bosta xquq wiesgħa bejnietna, imma l-Ispirtu s-Santu jixtieq li b’umiltà u rispett nerġgħu nersqu lejn xulxin. Hu jistedinna ma nirrassenjawx ruħna quddiem il-firdiet tal-passat u nikkultivaw flimkien il-qasam tas-Saltna, b’sabar, assidwità u konkretezza. Għax jekk inwarrbu għall-ġenb teoriji astratti u naħdmu flimkien spalla ma’ spalla, ngħidu aħna fil-karità, fl-edukazzjoni, fil-promozzjoni tad-dinjità umana, nerġgħu niskopru lil ħuna u l-komunjoni tikber waħidha, għall-ġieħ ta’ Alla. Kull wieħed iżomm il-modi u l-istil tiegħu, imma biż-żmien ix-xogħol flimkien ikabbar il-fehma waħda u jsir għammiel. L-istess kif dawn l-artijiet Mediterranji ġew imsebbħa mill-ħidma rispettuża u paċenzjuża tal-bniedem, hekk, bl-għajnuna ta’ Alla u b’perseveranza umli, nikkultivaw il-komunjoni appostolika tagħna!

 

Huwa frott tajjeb, ngħidu aħna, dak li qed jiġri hawn f’Ċipru fil-Knisja tal-“Kollha Mqaddsa tal-Belt tad-deheb”. It-tempju ddedikat lill-Panaghia Chrysopolitissa huwa llum imkien ta’ kult għal diversi konfessjonijiet Insara, maħbub mill-poplu u magħżul spiss għaċ-ċelebrazzjoni taż-żwiġijiet. Għalhekk huwa sinjal ta’ komunjoni ta’ fidi u ta’ ħajja taħt il-ħarsa tal-Omm Qaddisa ta’ Alla, li tiġbor flimkien lil uliedha. Fuq ġewwa tal-kumpless hija wkoll imħarsa l-kolonna fejn, skont it-tradizzjoni, San Pawl laqqat disgħa u tletin daqqa tal-frosta talli ħabbar il-fidi f’Pafos. Il-missjoni, bħall-komunjoni, tgħaddi dejjem mis-sagrifiċċji u l-provi.

 

Kien hemm proprju prova – dan huwa t-tielet aspett li qed nieħu mill-figura ta’ Barnaba – li mmarkat il-ġrajja ta’ ħajtu u l-bidu tat-tixrid tal-Vanġelu f’dawn l-artijiet. Fir-ritorn tiegħu lejn Ċipru ma’ Pawlu u Marku, hu sab hemm lil Elima, “saħħar u profeta falz” (Atti 13:6), li ħadha kontrihom b’ħażen, u ra kif jgħawweġ it-triqat dritti tal-Mulej (ara vv. 8,10). Lanqas illum mhuma neqsin falsitajiet u inganni li l-passat iqegħdilna quddiemna u li jxekklu l-mixja. Sekli ta’ firda u distanzi daħħlulna ġo moħħna, anki jekk mingħajr ma ridna, mhux ftit preġudizzji ostili fir-rigward tal-oħrajn, prekunċetti msejsa spiss fuq informazzjoni skarsa u mgħawġa, imxerrda minn letteratura aggressiva u polemikuża. Imma dan kollu jgħawweġ it-triq ta’ Alla, li teħdona lejn il-fehma u l-għaqda. Għeżież Ħuti, il-qdusija ta’ Barnaba hija elokwenti anki għalina! Kemm drabi fl-istorja bejn l-Insara rajna kif ħa neħduha kontra xulxin flok kif nilqgħu bil-ħlewwa t-triq ta’ Alla, li tipprova tfejjaq il-firdiet permezz tal-imħabba! Kemm drabi nfaħna u ferrixna preġudizzji fuq l-oħrajn, flok qgħadna għas-sejħa li l-Mulej tenna speċjalment fil-Vanġelu miktub minn Marku, li kien ma’ Barnaba fuq din il-gżira: li niċċekknu, naqdu lil xulxin (ara Mk 9:35; 10:43-44).

 

Beatitudni, illum bqajt kommoss, fid-djalogu tagħna, meta int tkellimt fuq il-Knisja Omm. Il-Knisja tagħna hi omm, u omm dejjem tiġbor lil uliedha bil-ħlewwa. Għandna fiduċja f’din il-Knisja Omm, li tiġmagħna lkoll u li bis-sabar, il-ħlewwa u l-kuraġġ tmexxina ’l quddiem fit-triq tal-Mulej. Imma, biex inħossu l-maternità tal-Knisja, ilkoll kemm aħna rridu mmorru hemm, fejn il-Knisja hija omm. Ilkoll kemm aħna, bid-differenzi tagħna, imma lkoll ulied il-Knisja Omm. Grazzi ta’ dik ir-riflessjoni li llum qsamt miegħi.

 

Nitolbu lill-Mulej l-għerf u l-kuraġġ biex nimxu fit-toroq tiegħu, mhux tagħna. Dan nitolbuhulu għall-interċessjoni tal-qaddisin. Leontios Machairas, kronista tas-seklu 15, sejjaħ lil Ċipru “Gżira mqaddsa” minħabba l-għadd ta’ martri u beati li dawn l-artijiet raw mal-medda tas-sekli. Barra dawk l-iżjed magħrufa u meqjuma, bħal Barnaba, Pawlu u Marku, Epifanju, Barbara, Spiridjun, hemm tant oħrajn: ġemgħat bla għadd ta’ qaddisin li, magħquda fil-Knisja waħda tas-Sema – il-Knisja Omm –, bil-ħlewwa kollha jimbuttawna biex insalpaw flimkien lejn il-port li għalih kollha nittamaw. Minn hemm fuq jistednuna biex nagħmlu minn Ċipru, diġà pont bejn Lvant u Puntent, pont bejn Sema u art. Hekk ikun, għall-glorja tat-Trinità Qaddisa, għall-ġid tagħna u għall-ġid ta’ kulħadd. Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard