VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FL-INDONEŻJA, PAPUA NEW GUINEA, TIMOR LESTE, U SINGAPORE

(2-13 ta’ Settembru 2024)

KONFERENZA STAMPA TAL-QDUSIJA TIEGĦU

WAQT IT-TITJIRA LURA

Titjira Papali

L-Erbgħa 13 ta’ Settembru 2024

 

Matteo Bruni

Hawn aħna. Insellmulek, Santità. Grazzi ta’ dawn il-ġranet – ħafna ġranet – ta’ vjaġġ. Grazzi wkoll li għentna nħossu iżjed il-ferħ tan-nies milli l-għeja tagħna. U issa hawn xi ftit tal-mistoqsijiet min-naħa tal-ġurnalisti li vvjaġġaw miegħek. L-ewwel, kif inhi tradizzjoni.

 

Il-Papa Franġisku

Qabelxejn irrid nirringrazzja lilkom kollha għal din il-ħidma, għal din il-kumpanija tul il-vjaġġ, li għalija hi importanti ħafna. Imbagħad, nixtieq nifraħ lid-“dekana”, għax Valentina Alazraki b’dan ta’ issa qed tagħmel il-160 vjaġġ tagħha! Jien mhux ħa ngħidilha toħroġ bil-pensjoni, imma biex tkompli hekk!

 

Tajjeb, issa agħmluli l-mistoqsijiet. U grazzi ħafna!

 

Matteo Bruni

Tajjeb. L-ewwel mistoqsija hi ta’ ġurnalista li ġejja minn Singapore, Santità: Pei Ting Wong (The Streits Times). Se tagħmel il-mistoqsija bl-Ingliż u nittraduċiha għalik.

 

Pei Ting Wong (The Streits Times)

Papa Franġisku, kemm qed nieħu pjaċir li tinsab tajjeb u li sejjer lura Ruma. Nittama li apprezzajt iż-żjara f’Singapore u anki l-ikel tal-post. Għadna friski mill-esperjenza ta’ Singapore u nistgħu nibdew minn hemm. B’mod ġenerali, x’apprezzajt l-aktar minn Singapore: il-kultura, in-nies? Kont sorpriż b’dak li rajt? U x’jista’ jitgħallem Singapore mit-tliet pajjiżi l-oħra li żorna, b’mod speċjali qed nirriferi għall-messaġġ tiegħek dwar kumpens ekwu lill-ħaddiema migranti bi dħul baxx: x’kien li nebbaħ dan il-messaġġ, x’kien il-ħsieb tal-bidu? U l-mistoqsija l-oħra – skużani, għandi oħra –: int għidt li Singapore għandu rwol speċjali ħafna xi jwettaq fil-qasam internazzjonali. X’jista’ jagħmel Singapore f’din id-dinja ta’ kunflitti, u kif il-Vatikan, bħala alleat diplomatiku, jista’ jagħti sehmu? Grazzi.

 

Il-Papa Franġisku

Grazzi lilek. Qabelxejn, jien ma kontx qed nistenna li Singapore nsibu hekk. Jgħidu li jħobbu jsejħulu n-New York tal-Lvant: pajjiż żviluppat, nadif, nies edukati, il-belt b’binjiet għoljin u anki kultura interreliġjuża kbira. Il-laqgħa interreliġjuża li kelli fl-aħħar kienet mudell, mudell ta’ fraternità. Imbagħad rajt ukoll, u diġà qed nitkellmu fuq il-migranti, il-binjiet għoljin għall-ħaddiema. Il-binjiet għoljin lussużi u l-oħrajn huma magħmulin tajjeb u puliti, u ħadt pjaċir ħafna narahom. Jien ma smajtx li hemm diskriminazzjoni, ma smajtx. Laqtitni l-kultura. Mal-istudenti, ngħidu aħna, l-aħħar ġurnata: bqajt milqut mill-kultura. Ir-rwol internazzjonali: rajt li l-ġimgħa d-dieħla hemm “Formula Uno”, naħseb… Ir-rwol internazzjonali hu ta’ kapitali li tiġbed il-kulturi u dan hu importanti. Hi kapitali kbira. Ma kontx qed nistenna li ħa nsib hekk.

 

Pei Ting Wong

Hemm il-mistoqsija l-oħra: Singapore għandu x’jitgħallem mit-tliet pajjiżi: Papua New Guinea, l-Indoneżja u Timor Leste?

 

Il-Papa Franġisku

Taf int, wieħed dejjem jista’ jitgħallem xi ħaġa, għax kull persuna u kull pajjiż għandu għana differenti minn tal-ieħor. Għalhekk hi importanti l-fraternità fil-komunikazzjoni. Ngħidu aħna, jekk naħseb f’Timor Leste, ħaġa minnhom hi li hemmhekk rajt tant tfal, u f’Singapore ma rajtx daqshekk. Forsi din hi xi ħaġa li wieħed jista’ jitgħallem minnha…

 

Pei Ting Wong

Iva, aħna aħna rata baxxa tat-twelid.

 

Il-Papa Franġisku

Jibżgħu? X’inhi r-rata tat-twelid tagħkom?

 

Pei Ting Wong

Inqas minn 1.2%, iktar baxxa minn dik tal-Ġappun, sa fejn naf jien.

 

Il-Papa Franġisku

It-tfal huma l-futur! Aħsbu f’dan. Grazzi. Eħħ, u ħaġa oħra: intom, l-abitanti ta’ Singapore, intom simpatiċi ħafna! You smile, smile…

 

Matteo Bruni

It-tieni mistoqsija, Santità, hi ta’ Delfim De Oliveira, li hu ġurnalista ta’ GMN TV ta’ Timor Leste. Hu se jagħmel mistoqsija bil-Portugiż, imma aħna għandna t-traduzzjoni tal-mistoqsija tiegħu.

 

Delfim De Oliveira, GMN TV (Grupo Média Nacional) ta’ Timor Leste

Santità, grazzi ta’ din l-opportunità. Il-messaġġ finali tiegħek fil-quddiesa f’Taci Tolu hu l-aktar aħbar fuq fomm kulħadd f’Timore bħalissa. Int użajt l-espressjoni “kukkudrilli” biex tiġbed l-attenzjoni tat-Timoreżi dwar il-preżenza tal-kukkudrilli f’Timor Leste. X’ridt tifhem b’dan?

 

Il-Papa Franġisku

Qbadt ix-xbieha tal-kukkudrilli li jiġu fuq ix-xtajtja. Timor Leste għandu kultura sempliċi, familjari, ferrieħa u għandu kultura tal-ħajja, għandu tant tfal, tant, u jien, meta tkellimt fuq il-kukkudrilli, kont qed ngħid għall-ideat li jistgħu jiġu minn barra u jirvinaw din l-armonija li għandkom intom. Ħa ngħidlek ħaġa: jien bqajt innamrat ma’ Timor Leste! Xi ħaġa oħra?…

Delfim De Oliveira, GMN TV (Grupo Média Nacional)

Il-poplu ta’ Timor hu fil-parti l-kbira tiegħu Kattoliku; bħalissa, hemm preżenza qawwija ta’ setet f’Timor Leste: l-espressjoni “kukkudrilli” setgħet kienet tirreferi anki għas-setet f’Timor?

 

Il-Papa Franġisku

Jista’ jkun. Jien ma nitkellimx dwar dan, ma nistax, imma jista’ jkun. Għax ir-reliġjonijiet kollha għandhom jiġu rrispettati, imma rridu nagħmlu distinzjoni bejn reliġjon u setta. Ir-reliġjon hi universali, kull reliġjon; is-setta hi restrittiva, hi grupp ċkejken li dejjem għandu xi intenzjoni oħra. Grazzi, u awguri għall-pajjiż tiegħek.

 

Matteo Bruni

It-tielet mistoqsija hi ta’ Francisca Christy Rosana (Tempo Media Group), ġurnalista mill-Indoneżja li – kif taf – għalqet sninha xi jiem ilu.

 

Francisca Christy Rosana (Tempo Media Group)

Grazzi, Papa Franġisku. Jiena Francisca minn Tempo Magazine. Nittama li kellem mumenti memorabbli fl-Indoneżja, għax in-nies tal-Indoneżja, mhux biss il-Kattoliċi, kienu ilhom jistennewk żmien twil. Il-mistoqsijiet tiegħi huma dawn: rajna li fl-Indoneżja l-pajjiż għadu qed jitqabad mad-demokrazija tiegħu. Kif tarah dan u x’inhu l-messaġġ tiegħek għalina? U l-aħħar waħda: Papua u Indoneżja għandhom l-istess problema mal-Papa New Guinea, xi drabi: l-investimenti fis-settur tat-tħaffir tal-mini hu biss għall-oligarki, u sadattant in-nies lokali u indiġeni ma jgawdu xejn minn dan. X’taħseb dwar dan u x’jista’ jsir? Grazzi, Papa Franġisku.

 

Il-Papa Franġisku

Din, ikolli ngħid, hi problema komuni għan-Nazzjonijiet li qed jiżviluppaw. Għalhekk hu importanti dak li tgħid id-duttrina soċjali tal-Knisja: li għandu jkun hemm komunikazzjoni bejn id-diversi setturi tas-soċjetà. Int għidt li l-Indoneżja hi pajjiż li qed jiżviluppa, u forsi waħda mill-affarijiet li trid tiġi żviluppata hi preċiżament din: ir-relazzjoni soċjali. Imma jiena kuntent ħafna biż-żjara li għamilt lil pajjiżek. Tajjeb ħafna, sabiħ ħafna!

 

Matteo Bruni

Santità, l-istampa tal-Papua New Guinea segwiet b’interess kbir il-vjaġġ tiegħek, imma b’xorti ħażina ma kienx possibbli jkollhom ġurnalista fuq din it-titjira. Allura naħtaf l-okkażjoni jien biex nistaqsik hemmx xi ħaġa li tixtieq tirrakkontalna mill-Papua New Guinea, b’mod partikulari anki minn Vanimo, li hu post fejn jidhirli li int xtaqt tmur personalment.

 

Il-Papa Franġisku

Għoġobni l-pajjiż, u rajt pajjiż li qed jiżviluppa b’saħħtu. Imbagħad ridt immur Vanimo biex niltaqa’ ma’ grupp ta’ qassisin u sorijiet Arġentini li jaħdmu hemm, u sibt organizzazzjoni sabiħa ħafna, sabiħa ħafna! Fil-pajjiżi kollha l-arti żviluppata ħafna: iż-żfin, espressjonijiet oħra poetiċi… Imma f’Papua New Guinea hi impressjonanti, u f’Vanimo jimpressjonak l-iżvilupp tal-arti. Dan laqatni ħafna. Il-missjunarji li żort qegħdin fil-foresta, imorru fil-foresta biex jaħdmu. Għoġobni Vanimo, u anki l-pajjiż. Grazzi.

 

Matteo Bruni

Grazzi lilek, Santità. Il-mistoqsija li jmiss ġejja minn Stefania Falasca, li tikteb ukoll għal sit tal-internet fiċ-Ċina (Tianou Zhiku).

 

Stefania Falasca (Tianou Zhiku)

Il-lejla t-tajba, Santità. Sfortunatament ma nitkellimx biċ-Ċiniż! Ġejjin minn Singapore li hu pajjiż b’popolazzjoni b’maġġoranza Ċiniża, u hu mudell ta’ konvivenza armonjuża u paċifika. U appuntu fuq il-paċi: xtaqt naf x’taħseb, ladarba hemm il-qrubija anki maċ-Ċina kontinentali, dwar l-isforzi li saru miċ-Ċina biex jintlaħaq waqfien mill-ġlied fir-reġjuni f’kunflitt, bħall-Istrixxa ta’ Gaza: f’Lulju f’Beijing ġiet iffirmata d-“dikjarazzjoni ta’ Beijing” biex iġġib fi tmiemhom il-qasmiet bejn il-Palestinjani. U mbagħad, jekk hemmx spazji ta’ kollaborazzjoni dwar il-paċi bejn iċ-Ċina u s-Santa Sede. Ħaġa tal-aħħar: wasalna għat-tiġdid tal-ftehim bejn iċ-Ċina u s-Santa Sede dwar in-nomini tal-isqfijiet. Int sodisfatt jew le bir-riżultati tad-djalogu, li nkisbu sa issa?

 

Il-Papa Franġisku

Ħa naqbad l-aħħar waħda: jiena kuntent bid-djalogu maċ-Ċina, ir-riżultat hu tajjeb, anki għan-nomini tal-isqfijiet qed issir ħidma b’rieda tajba. U dwar hekk smajt lis-Segretarju tal-Istat, fuq kif sejrin l-affarijiet: jiena kuntent. Il-ħaġa l-oħra hija ċ-Ċina: iċ-Ċina għalina hi ilusión [xewqa], fis-sens li jien nixtieq inżur liċ-Ċina, għax hija pajjiż kbir; jiena nammira ċ-Ċina, għandi rispett lejn iċ-Ċina. Hija pajjiż b’kultura millenarja, b’kapaċità ta’ djalogu, li jifhmu lil xulxin, li tmur lil hemm mid-diversi sistemi ta’ tmexxija li kellhom. Nemmen li ċ-Ċina hija wegħda u tama għall-Knisja. Il-kollaborazzjoni tista’ ssir, u dwar il-kunflitti ċertament. Bħalissa, il-Kardinal Zuppi miexi f’dan is-sens u għandu relazzjoni anki maċ-Ċina.

 

Matteo Bruni

Grazzi, Santità. Il-mistoqsija li jmiss ġejja minn Anna Matranga (CBS News), li inti tafha.

 

Anna Matranga (CBS News)

Il-lejla t-tajba, Santità. Int dejjem tkellimt tiddefendi d-dinjità tal-ħajja. F’Timor Leste, pajjiż b’rata tat-twelid għolja ħafna, int għidt li tista’ tħoss tbaqbaq u tfawwar il-ħajja minħabba tant tfal. F’Singapore tkellimt u ddefendejt il-ħaddiema migranti. Fid-dawl tal-elezzjonijiet li jmiss fl-Istati Uniti nixtieq nistaqsik: x’parir tista’ tagħti lil votant Kattoliku li jrid jagħżel bejn kandidata li taqbel mat-twaqqif tat-tqala, u ieħor li jrid jiddeporta 11-il miljun migrant?

 

Il-Papa Franġisku

It-tnejn huma kontra l-ħajja, kemm dak li jrid jarmi l-migranti u kemm dik li toqtol it-tfal. It-tnejn huma kontra l-ħajja. Ma nistax niddeċiedi, jien ma nistax ngħid, m’iniex Amerikan, mhux ħa mmur nivvota hemm, imma ngħidha ċara: li nkeċċu l-migranti, li ma nagħtux il-migranti l-kapaċità li jaħdmu, li ma nilqgħuhomx, dan hu dnub, hu gravi. Fit-Testment il-Qadim hemm ritornell: l-iltim, l-armla u l-barrani, jiġifieri l-migranti. Huma t-tlieta li l-poplu ta’ Iżrael irid iħares. Min ma jiddefendix lill-migrant, ikun jonqos, dan hu dnub, dnub anki l-kontra l-ħajja ta’ dawk il-persuni. Kont iċċelebrajt il-quddiesa fuq il-fruntiera, qrib id-djoċesi ta’ El Paso, u kien hemm tant żraben ta’ migranti li spiċċaw ħażin, hemm. Illum hemm influss ta’ migranti fl-Amerika Ċentrali li tant drabi jiġu ttrattati bħala skjavi, għax hemm min japprofitta minn dan. Il-migrazzjoni hija dritt, dritt li diġà fl-Iskrittura Mqaddsa, fit-Testment il-Qadim, hemm kien. Il-barrani, l-iltim u l-armla: ma ninsewhx dan. Dan hu x’naħseb jien fuq il-migranti. Imbagħad, l-abort. Ix-xjenza tgħidilna li fix-xahar tat-tnissil hemm l-organi kollha ta’ bniedem, kollha. Li tagħmel abort ifisser toqtol bniedem. Tinżillek jew ma tinżillekx il-kelma, toqtol tkun. Din hi. Il-Knisja mhijiex moħħha magħluq għax ma tippermettix l-abort: il-Knisja ma tippermettix l-abort għax dan hu qtil, hu assassinju, hu assassinju. U fuq dan irid ikollna l-affarijiet ċari f’moħħna. Li tkeċċi l-migranti, ma tħallihomx jiżviluppaw, ma tħallix li jkollhom il-ħajja tagħhom hi ħaġa kerha, hi kefrija. Li tkeċċi tarbija fil-ġuf tal-omm hu assassinju, għax hemm il-ħajja. U f’dawn l-affarijiet irridu nitkellmu ċar. “Le, imma…”. Ebda “imma”. Iż-żewġ affarijiet huma ċari. L-iltim, il-barrani u l-armla: ma ninsewhx dan.

 

Anna Matranga (CBS News)

Jista’ jkun hemm ċirkustanzi li fihom ikun moralment ammissibbli għal Kattoliku li jivvota għal kandidat li jaqbel mal-interruzzjoni tal-ħajja?

 

Il-Papa Franġisku

Fil-morali politika, ġeneralment jingħad illi li ma tivvutax hi ħaġa kerha, mhix tajba: għandek tivvota. U trid tagħżel l-inqas ħażin. Min hu l-inqas ħażin, dik is-Sinjura jew dak is-Sinjur? Ma nafx, kull wieħed u waħda fil-kuxjenza tiegħu għandu jaħseb u jagħmel dan.

 

Matteo Bruni

Grazzi, Santità. Il-mistoqsija li jmiss hi ta’ Mimmo Muolo, ta’ “Avvenire”.

 

Mimmo Muolo, Avvenire

Il-lejla t-tajba, Santità, u grazzi ta’ dawn il-jiem. F’isem il-ġurnalisti Taljani nixtieq nistaqsik: hemm il-periklu li l-kunflitt f’Gaza jestendi ruħu anki fiċ-Ċisġordanja u kien hemm splużjoni, xi ftit tas-sigħat ilu, li kkawżat il-mewt ta’ 18-il persuna, fosthom xi ħaddiema tal-Ġnus Magħquda. Liema huma s-sentimenti tiegħek bħalissa? U xi tħoss li għandek tgħid lill-partijiet fi gwerra? Hemm il-possibbiltà eventwalment anki ta’ medjazzjoni tas-Santa Sede biex naslu għal waqfien mill-ġlied u għall-paċi mixtieqa? Grazzi.

 

Il-Papa Franġisku

Is-Santa Sede għal dan qed taħdem. Ħa ngħidilkom ħaġa: jien kuljum inċempel Gaza, kuljum, lill-parroċċa ta’ Gaza. Hemm ġew, fil-parroċċa u fil-kulleġġ, hemm 600 persuna: Insara u Musulmani, imma jgħixu bħal aħwa. Jirrakkuntawli ħwejjeġ koroh, ħwejjeġ diffiċli. Jien ma nistax nikkwalifika jekk din l-azzjoni ta’ gwerra hix wisq imdemmija jew le, imma nitlobkom, meta taraw l-iġsma ta’ tfal maqtula, meta taraw li ladarba hemmhekk hemm xi gwerilliera, qed tiġi bbumbardjata skola: hi ħaġa kerha, hi kerha! Xi drabi jingħad li hi gwerra għad-difiża jew li mhix, imma xi drabi nemmen li hija gwerra wisq, wisq… U – skużawni ngħid hekk – m’iniex nara li qed isiru l-passi biex tintlaħaq il-paċi. Ngħidu aħna, f’Verona, kelli esperjenza sabiħa ħafna: Lhudi, li kienet mititlu martu taħt bumbardament, u wieħed minn Gaza, li kienet mititlu t-tifla, it-tnejn tkellmu fuq il-paċi, tgħannqu u taw xhieda ta’ fraternità. Jien dan ħa ngħid: hija aktar importanti l-fraternità milli l-qtil ta’ xi ħadd mill-aħwa. Fraternità, innewlu l-id lill-ieħor. Fl-aħħar, min jirbaħ il-gwerra se jsib telfa kbira. Il-gwerra dejjem hi telfa, dejjem, bla eċċezzjoni. U dan ma rridux ninsewh. Għalhekk, dak kollu li nagħmlu għall-paċi hu importanti. U barra minn hekk irrid ngħid ħaġa – b’dan qed nindaħal xi ftit fil-politika, imma rrid ngħidu –: nirringrazzja ħafna, ħafna lir-Re tal-Ġordanja għal dak li qed jagħmel. Huwa bniedem tal-paċi u qed ifittex li jġib il-paċi, ir-Re Abdallah hu bniedem bravu, twajjeb.

 

Matteo Bruni

Il-mistoqsija li ġejja hi ta’ Lisa Weiss, mit-televiżjoni Ġermaniża ARD.

 

Lisa Weiss, ARD

Santità, grazzi ta’ dawn il-ġranet. Matul dan il-vjaġġ int tkellimt ħafna b’mod miftuħ, b’mod dirett ħafna, fuq il-problemi ta’ kull pajjiż, mhux biss tal-ġmiel tiegħu. U proprju għalhekk staqsejna lilna nfusna kif qatt ma tkellimt fuq il-problema li f’Singapore għadha teżisti, il-piena kapitali.

 

Il-Papa Franġisku

Huwa minnu, iva, imma ġinix f’moħħi. Imma l-piena kapitali ma taħdimx: ftit ftit irridu nfittxu li neqirduha, bil-mod il-mod. Tant pajjiżi għandhom il-liġi imma ma jesegwux is-sentenza. Fl-Istati Uniti hu l-istess għal xi Stati. Imma l-piena kapitali għandha titwaqqaf. Mhix tajba, mhix tajba.

 

Matteo Bruni

Il-mistoqsija li jmiss hi ta’ Simon Leplâtre di Le Monde.

 

Simon Leplâtre, Le Monde

Santità, qabelxejn grazzi ħafna ta’ dan il-vjaġġ mill-isbaħ. F’Timor Leste int semmejt il-vittmi żgħar tal-abbuż sesswali. Bla dubju moħħna mar fuq l-Isqof Belo. Fi Franza għandna każ simili, ta’ Abbé Pierre, fundatur tal-karità Emmaus, li għal bosta snin kien magħżul bħala l-personalità favorita tal-poplu Franċiż. Fiż-żewġ każi, il-kariżma tagħhom għamlitha iktar iebsa biex wieħed jemmen. Nistaqsi: x’kien jaf il-Vatikan dwar Abbé Pierre, u x’tista’ tgħid lill-vittmi, u l-popolazzjoni ġenerali li ssibha bi tqila temmen li persuni li għamlu tant ġid setgħu jwettqu wkoll atti kriminali? Dwar Franza, nixtiequ nafu wkoll: se tkun f’Pariġi għall-ftuħ mill-ġdid ta’ Notre-Dame f’Diċembru? Grazzi ħafna.

 

Il-Papa Franġisku

Ħa nwieġeb għall-aħħar waħda l-ewwel: mhux ħa mmur Pariġi. Int messejt punt ta’ wġigħ kbir, delikat ħafna. Nies tajbin, nies li jagħmlu l-ġid – int semmejt lil Abbé Pierre – li mbagħad, mal-ħafna ġid li għamlu, jidher li din il-persuna hi midneb ikrah. U din hija l-kundizzjoni umana tagħna. Ma rridux ngħidu “ngħattu, ngħattu, biex ma jidhirx”. Id-dnubiet pubbliċi huma pubbliċi u għandhom jiġu kkundannati. Ngħidu aħna, Abbé Pierre huwa bniedem li għamel tant ġid, imma huwa wkoll midneb. U aħna rridu nitkellmu ċar u tond fuq dawn l-affarijiet, mhux naħbu. Il-ħidma kontra l-abbużi hija ħaġa li lkoll kemm aħna rridu nagħmlu: imma mhux biss kontra l-abbużi sesswali, imma kontra kull xorta ta’ abbuż: l-abbuż soċjali, l-abbuż edukattiv, min jipprova jibdel il-mentalità tan-nies, jieħu l-libertà… L-abbuż huwa, fil-fehma tiegħi, huwa ħaġa mxajtna, għax kull għamla ta’ abbuż teqred id-dinjità tal-persuna, kull għamla ta’ abbuż tfittex kif teqred dak li aħna lkoll kemm aħna: xbieha ta’ Alla. Jiena nkun kuntent meta dawn il-każijiet joħorġu. U ħa ngħidilkom ħaġa, li forsi għidt drabi oħra: ħames snin ilu, iltqajna mal-Presidenti tal-Konferenzi Episkopali fuq il-każijiet tal-abbużi sesswali u ta’ abbużi oħra, u kellna statistika magħmula tajjeb ħafna, naħseb li tal-Ġnus Magħquda. Mit-42 sas-46% tal-każi jseħħu fil-familji jew fil-post fejn wieħed joqgħod… [interruzzjoni] Biex nagħlaq: l-abbuż sesswali tat-tfal, tal-minuri huwa att kriminali, huwa tal-mistħija.

 

Matteo Bruni

Forsi, skont kif qed jindikalna l-kaptan, aħjar noqogħdu għal ftit bilqiegħda. Jekk trid tkompli, forsi nistgħu noqogħdu hawn. Intant forsi nistgħu ngħaddu għal mistoqsija oħra min-naħa ta’ Elisabetta Piqué tal-ġurnal ta’ kuljum La Naciòn, li int tafha tajjeb.

 

Elisabetta Piqué, La Naciòn

Qabelxejn, grazzi ta’ dan il-vjaġġ mill-isbaħ fi truf id-dinja: kien l-itwal wieħed tal-Pontifikat. U la qed nitkellmu fuq vjaġġi twal, kulħadd f’dan il-vjaġġ, ħafna kollegi staqsewi: “Imma l-Arġentina sejrin?”. Int diversi drabi għidt li forsi fl-aħħar tas-sena… Din hija l-ewwel mistoqsija: jekk hux sejrin l-Arġentina jew le. U t-tieni, fuq il-Veneżwela: kif inti taf, hemm sitwazzjoni drammatika; f’dawn il-jiem li fihom int kont fi vjaġġ, il-President elett fit-teorija kellu jeżilja ruħu fi Spanja. X’messaġġ tagħti lill-poplu tal-Veneżwela? Grazzi.

 

Il-Papa Franġisku

Jien ma segwejthiex is-sitwazzjoni fil-Veneżwela, imma l-messaġġ li nagħti lill-mexxejja hu li jiddjalogaw u jfittxu l-paċi. Id-dittatorjati ma jservu għal xejn u jispiċċaw ħażin illum jew għada. Aqraw l-istorja tal-Knisja. Jiena ngħid li l-gvern u n-nies għandhom jagħmlu minn kollox biex isibu triq ta’ paċi, għall-Veneżwela. Ma nistax nagħti opinjoni politika għax ma nafx id-dettalji. Naf li l-isqfijiet tkellmu u l-messaġġ tal-isqfijiet għandu jkun aħjar minn tiegħi. U mbagħad, jekk immurx l-Arġentina, hija ħaġa li għadha ma ġietx deċiża. Nixtieq immur, huwa l-poplu tiegħi, nixtieq immur; imma għadha mhix deċiża, għax hemm diversi affarijiet x’jissolvew qabel. Dak kollox?

 

Elisabetta Piqué, La Naciòn

Mill-grupp Spanjol: f’każ li tmur, jista’ jkun hemm waqfa fil-Gżejjer Kanarji?

 

Il-Papa Franġisku

Qrajtli moħħi. Jien qed naħseb ftit f’dan: immur il-Gżejjer Kanarji, għax hemmhekk hemm is-sitwazzjonijiet tal-migranti li jiġu bil-baħar, u nixtieq inkun qrib tal-mexxejja u tal-poplu tal-Gżejjer Kanarji. Hekk hu.

 

Matteo Bruni

Santità, forsi nistgħu nagħmlu l-aħħar mistoqsija qabel l-ikel, min-naħa ta’ ġurnalista Indoneżjan, Bonifasius Josie Susilo Hardianto, ta’ Kompas.Id.

 

Bonifasius Josie Susilo Hardianto, Kompas.Id

Grazzi, Santità. Xi pajjiżi qed jibdew jitbiegħdu mill-impenn tagħhom lejn il-Ftehim ta’ Pariġi minħabba raġunijiet ekonomiċi, speċjalment wara l-pandemija. Għadd ta’ pajjiżi qed jaħsbuha jaqilbux għall-enerġija nadifa u inqas karbonju. X’jidhirlek int dwar dan?

 

Il-Papa Franġisku

Naħseb li l-problema tal-klima hi gravi, hi gravi ħafna. Minn Pariġi, li kienet il-quċċata, imbagħad il-laqgħat klimatiċi naqsu. Jingħad ħafna, imma ma jsir xejn. Din hi l-impressjoni tiegħi. Fuq dan tkellimt fiż-żewġ kitbiet, Laudato si’ u Laudate Deum.

 

Matteo Bruni

Intant, grazzi, Santità…

 

Il-Papa Franġisku

Grazi lilkom. Grazzi. U nibqgħu mexjin, kuraġġ. Nittamaw li jagħtuna x’nieklu, issa!…

 

Le, ħaġa li ma kontx weġibt għaliha…

 

Matteo Bruni

Biex tkun sħiħa t-tweġiba lil Simon Leplâtre.

 

Il-Papa Franġisku

X’kien jaf il-Vatikan dwar Abbé Pierre. Ma nafx meta sar jaf b’dan il-Vatikan, ma nafx. Ma nafx għax jien ma kontx hawn u qatt ma ġietni l-idea li nfittex fuq dan. Imma ċertament wara mewtu, żgur; qabel, ma nafx.

 

Matteo Bruni

Grazzi mill-ġdid, Santità, għal din il-kjarifika. Nawgurawlek għeluq tajjeb tal-vjaġġ.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard