Laikos

 

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

LILL-KOMUNITÀ TAS-SEMINARJU PONTIFIĊJU TAR-REĠJUN TAL-MARCHE

“PIJU XI” TA’ ANCONA

 

Sala Clementina

Il-Ħamis 10 ta’ Ġunju 2021

Għeżież ħuti,

 

Hu pjaċir tiegħi li qed nilqa’ lill-komunità tagħkom tas-Seminarju Pontifiċju tar-Reġjun tal-Marche “Piju XI”. Nirringrazzja lir-Rettur għall-kelmtejn tiegħu ta’ tislima: entużjast, dan ir-Rettur! Il-laqgħa tagħna qed isseħħ fis-Sena ddedikata lil San Ġużepp u dan iwassalni biex naqsam magħkom xi ħsibijiet fuq il-vokazzjoni mnebbħin minn “din il-figura straordinarja, tant qrib tal-qagħda umana ta’ kull wieħed u waħda minna” (Ittra appostolika Patris corde, 8 ta’ Diċembru 2020) u qrib ukoll tas-sejħa li Alla ried jagħmlilna.

 

Nieħu pjaċir nimmaġina s-Seminarju bħala l-familja ta’ Nazaret, li fiha Ġesù ġie milqugħ, imħares u magħġun fid-dawl tal-missjoni li fdalu l-Mulej. L-Iben ta’ Alla aċċetta li jħalli jħobbuh u jmexxuh ġenituri umani, Marija u Ġużeppi, u hekk jgħallem lil kull wieħed u waħda minna li mingħajr id-doċilità ħadd ma jista’ jikber u jimmatura. Nixtieq nisħaq fuq dan, għax ma tantx għadna nitkellmu fuq id-doċilità. Li nkunu doċli huwa don li għandna nitolbuh; id-doċilità hija virtù li għandna mhux biss niksbuha, imma nirċevuha. Importanti li kull wieħed minnkom jistaqsi dejjem lilu nnifsu: “Qed inkun doċli? Jiena ribelli, jew ma jimpurtani minn xejn, nagħmel li jogħġobni?”. Le: li nkunu doċli hu atteġġjament li jibni l-vokazzjoni tagħna u anki l-personalità tagħna. Mingħajr doċilità, ħadd ma jista’ jikber u jimmatura. Fil-fatt, ir-Ratio Fundamentalis Institutionis Sacerdotalis tafferma li l-qassis hu dixxiplu kontinwament f’mixja fuq il-passi tal-Imgħallem u, għalhekk, il-formazzjoni tiegħu hija proċess li jevolvi, li beda fil-familja, kompla fil-parroċċa, saħħu fis-Seminarju u jibqa’ għat-tul tal-ħajja kollha. Il-figura ta’ San Ġużepp hija l-isbaħ xempju li minnu dawk li jiffurmawkom huma msejħin jitnebbħu biex iħarsu u jieħdu ħsieb tal-vokazzjoni tagħkom. Allura fuqhom qabelxejn nixtieq indur.

 

Għeżież ħuti tal-Konferenza Episkopali tal-Marche, l-ewwel responsabbli għall-formazzjoni ta’ dawn iż-żgħażagħ; għażiż rettur, direttur spiritwali u formaturi kollha, kunu għas-seminaristi tagħkom dak li Ġużeppi kien għal Ġesù! Huma jistgħu jitgħallmu wisq aktar mill-ħajja tagħkom milli minn kliemkom, kif ġara fid-dar ta’ Nazaret, fejn Ġesù ġie magħġun fl-iskola tal-“kuraġġ kreattiv” ta’ Ġużeppi. Mill-ubbidjenza tagħkom jitgħallmu d-doċilità; mill-għotja tagħkom il-bżulija; mix-xhieda tas-sobrjetà u d-disponibbiltà tagħkom jitgħallmu l-ġenerożità lejn il-foqra; u grazzi għall-imħabba ħajja u kasta tagħkom, il-paternità. “Flimkien mal-isem ta’ missier, lil Ġużeppi t-tradizzjoni qegħditlu wkoll dak ta’ ‘kastissmu’. Din mhijiex biss indikazzjoni affettiva, imma l-ġabra ta’ mġiba li tesprimi l-maqlub ta’ pussess. Il-kastità hija l-libertà mill-pussess f’kull qasam tal-ħajja. L-imħabba hi tassew imħabba biss meta hi safja. L-imħabba li trid tippossedi, fl-aħħar issir dejjem perikoluża, tjassar, tifga, tnikket” (Ittra appostolika Patris corde).

 

U issa, għeżież seminaristi, nixtieq indur fuqkom, li l-Knisja qed titlobkom timxu fuq l-eżempju ta’ Ġesù li b’doċilità jħalli lil Ġużeppi jedukah. Sa minn tfulitu, hu daq it-taħbit li ġġib magħha kull mixja fit-trobbija, għamel il-mistoqsijiet il-kbar tal-ħajja, beda jassumi r-responsabbiltajiet tiegħu u jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu. Imma hu kien Alla, ma kellux bżonn, le: hu tgħallem, imma tgħallem bis-serjetà, ma għamilx tabirruħu li qed jitgħallem: le, hu tgħallem. Kien Alla, iva, imma kien veru bniedem: għadda mit-tappi kollha biex kiber bħala bniedem. Forsi ma rriflettejniex biżżejjed fuq iż-żagħżugħ Ġesù, fuq kemm ħabrek biex jgħarbel il-vokazzjoni tiegħu, biex jagħti widen u jafda f’Marija u Ġużeppi, biex jiddjaloga mal-Missier ħalli jifhem il-missjoni tiegħu.

 

Ħa jkun għalikom ukoll is-Seminarju bħad-dar ta’ Nazaret, li fiha l-Iben ta’ Alla tgħallem mill-ġenituri tiegħu l-umanità u l-qrubija. Tikkuntentawx ruħkom li tkunu kapaċi fl-użu tal-mezzi soċjali u tal-midja biex tikkomunikaw. Huwa biss jekk tħallu l-Kelma ta’ Alla tibdilkom li tistgħu twasslu kliem il-ħajja lill-oħrajn. Id-dinja hi għatxana għal saċerdoti li kapaċi jikkomunikaw it-tjieba tal-Mulej lil min mess mad-dnub u l-falliment, għal qassisin esperti fl-umanità, għal ragħajja li lesti jaqsmu fil-ferħ u t-taħbit ta’ ħuthom, għal irġiel li jħallu tmisshom il-karba ta’ min qed ibati. Ixorbu l-umanità ta’ Ġesù mill-Vanġelu u mit-Tabernaklu, fittxuha fil-ħajjiet tal-qaddisin u ta’ tant eroj tal-karità, aħsbu fl-eżempju ġenwin ta’ min għaddielkom il-fidi, fin-nanniet tagħkom, fil-ġenituri tagħkom. Dan Pawlu diġà kien qalu lid-dixxiplu maħbub tiegħu Timotju: “Ftakar f’ommok u f’nanntek, fl-għeruq tiegħek”. U aqraw ukoll dawk il-kittieba li għarfu jħarsu ’l ġewwa fir-ruħ tagħhom; qed jiġini f’moħħi, ngħidu aħna, Dostoevskij, li qalb il-ġrajjiet fqajra tat-tbatija ta’ din l-art għaraf jikxef il-ġmiel tal-imħabba li ssalva. Imma xi ħadd minnkom jaf jgħidli: imma hawn x’għandu x’jaqsam Dostoevskij? Dawn għan-nies tal-letteratura tajbin! Le, le: dan biex nikbru fl-umanità. Aqraw l-umanisti kbar. Saċerdot jista’ jkun iddixxiplinat ħafna, jista’ jkun kapaċi jispjega tajjeb it-teoloġija, anki l-filosofija u tant ħwejjeġ oħra. Imma jekk ma jkunx uman, ma jiswa xejn. Ħa jsiefer barra, jagħmilha ta’ professur. Imma jekk mhuwiex uman ma jistax ikun saċerdot: tonqsu xi ħaġa. Jonqsu l-ilsien? Le, jaf jitkellem. Tonqsu l-qalb; esperti fl-umanità!

 

Għalhekk, is-Seminarju m’għandux ibegħedkom mir-realtà, mill-perikli u wisq inqas mill-oħrajn, imma, għall-kuntrarju, għandu jqarribkom iżjed lejn Alla u lejn ħutkom. Bejn il-ħitan tas-Seminarju wessgħu dawk ta’ qalbkom – il-qalb imwessgħa –, wessgħuhom sa truf l-art kollha, ħa jkollkom passjoni għal dak li “jqarreb”, passjoni għal dak li jqarribna lejn xulxin, li “jiftaħ”, li “jlaqqa’”. Tafdawhomx dawk l-esperjenzi li jwasslu għal intimiżmi sterili, l-“ispiritwaliżmi gratifikanti”, li jidhru li qed jagħtu faraġ u minflok iwassluk biex tingħalaq fik innifsek u ssir iktar riġidu. U hawn ħa nieqaf ftit fuq hekk. Ir-riġidità saret xi ftit moda llum; u r-riġidità hi waħda mill-manifestazzjonijiet tal-klerikaliżmu. Il-klerikaliżmu huwa tagħwiġ tas-saċerdozju: hu tagħwiġ. U r-riġidità hu waħda mill-manifestazzjonijiet tiegħu. Meta niltaqa’ ma’ seminarista jew saċerdot żgħir li hu riġidu, ngħid: “dan għaddej minn xi ħaġa kerha ġewwa fih”. F’kull riġidità hemm problema gravi, għax ir-riġidità hi nieqsa mill-umanità.

 

Fl-aħħar nett, nixtieq nissuġġerilkom xi spunti marbuta mal-erba’ dimensjonijiet tal-formazzjoni: umana, spiritwali, intellettwali u pastorali. U dawn l-erba’ dimensjonijiet imorru ma’ xulxin, u waħda tiġi attwata fuq l-oħra: dimensjoni umana, dimensjoni spiritwali, dimensjoni intellettwali u pastorali. Qabelxejn, la titbegħdux mill-umanità tagħkom, tħallux barra mill-bieb tas-Seminarju l-kumplessità tad-dinja interjuri tagħkom, tas-sentimenti tagħkom u tal-affettività: tħalluhomx barra; tingħalqux fikom infuskom meta tgħaddu minn mument ta’ kriżi u ta’ dgħufija: l-umanità hekk tagħmel, titkellem. Infetħu bis-sinċerità kollha għal dawk li jiffurmawkom, ħuduha kontra kull xorta ta’ falzità interjuri. Dawk li għandhom il-wiċċ tal-Beata Imelda u minn ġewwa jkunu diżastru: le, din hi falzità interjuri. Toqgħodx tagħmilha tal-anġlu, le. Rawmu fostkom relazzjonijiet indaf, ferrieħa, li jagħtukom libertà umana, mimlija, kapaċi joħolqu ħbiberiji, sentimenti, ħajja għammiela.

 

Dimensjoni spiritwali, l-Ispiritwalità: it-talb m’għandux ikun ritwaliżmu – ir-riġidi jispiċċaw fir-ritwaliżmu, dejjem; ħa jkun it-talb okkażjoni ta’ laqgħa personali ma’ Alla. U jekk għandek għax tirrabja ma’ Alla, irrabja: għax li tirrabja ma’ missierek hu mod kif turih imħabbtek. La tibżax: hu jifhmu dak il-lingwaġġ, hu missier – laqgħa personali ma’ Alla, ta’ djalogu u kunfidenza miegħu. Araw li tgħassu biex ma jiġrix li l-liturġija u t-talb komunitarju jsiru ċelebrazzjoni tagħna nfusna. Darba mort nixtri l-qomos – meta kont għadni nista’ noħroġ, għax issa le – f’ħanut tal-ilbies ekkleżjastiku. Kien hemm żagħżugħ, seminarista jew saċerdot, li daħal jara l-ħwejjeġ. Kont qed narah: iħares lejh innifsu fil-mera. U ġietni f’moħħi din il-frażi: dan lilu nnifsu qed jiċċelebra, u l-istess ħa jagħmel quddiem l-altar. Jekk jogħġobkom, araw li kull ċelebrazzjoni liturġika ma tkunx ċelebrazzjoni tagħna nfusna. Żejnu t-talb tagħkom b’uċuħ, ħossukom diġà minn issa interċessuri għad-dinja.

 

L-istudju – it-tielet dimensjoni – jgħinkom tidħlu b’għarfien sħiħ u kompetenza fil-kumplessità tal-kultura u tal-ħsieb kontemporanju, u ma tibżgħux minnhom, ma tkunux ostili għalihom. La tibżgħux. “Imma, Dun, qed ngħixu fi żmien immarkat minn ħsieb ateistiku”. – Imma int trid tifhmu, trid tiddjaloga u trid ixxandar il-fidi tiegħek u xxandar lil Ġesù Kristu lil din id-dinja, lil dan il-ħsieb. Huwa hemm li jrid jinkarna l-għerf tal-Vanġelu. U l-isfida tal-missjoni li hemm tistenniekom titlob, illum iżjed minn qatt qabel, kompetenza u preparazzjoni. Illum iżjed minn qatt qabel: hemm bżonn tal-istudju, tal-kompetenza, tal-preparazzjoni biex wieħed jitkellem ma’ din id-dinja.

 

U l-formazzjoni pastorali, ir-raba’ dimensjoni, timbuttakom biex toħorġu b’ħeġġa tiltaqgħu man-nies. Aħna qassisin biex naqdu lill-Poplu ta’ Alla, biex nieħdu ħsieb tal-ġrieħi ta’ kulħadd, speċjalment tal-foqra. Disponibbiltà għall-oħrajn: din hi l-prova żgura tal-iva lil Alla. U xejn klerikaliżmu, diġà għidtilkom. Li nkunu dixxipli ta’ Ġesù jfisser ninħelsu minna nfusna u nitwaħħdu mal-istess sentimenti tiegħu, miegħu li ġie “mhux biex ikun moqdi imma biex jaqdi” (ara Mk 10:45).

 

Il-veru ragħaj ma jitbegħidx mill-poplu ta’ Alla: huwa fil-poplu ta’ Alla, jew quddiemu – biex jurih it-triq – jew f’nofsu, biex jifhmu aħjar, jew warajh, biex jgħin lil dawk li jibqgħu xi ftit lura, u anki biex inħallu xi ftit lill-poplu, li hu l-merħla, bix-xamma tiegħu jurina fejn hemm mergħat ġodda. Il-veru ragħaj irid jiċċaqlaq il-ħin kollu f’dawn it-tliet postijiet: quddiem, fin-nofs u wara. Xi drabi, jien nara kotba jew kungressi fuq is-saċerdozju li jmissu dan jew dak l-aspett, jew l-ieħor, u l-ieħor, u dak l-ieħor. Veru, hemm bżonn nistudjaw dan kollu, imma jekk dawn l-aspetti kollha ma jkollhomx għeruqhom fl-appartenenza tagħna għall-poplu qaddis u fidil ta’ Alla, huma biss riflessjonijiet akkademiċi li ma jiswewx. Int qassis tal-poplu qaddis u fidil ta’ Alla, int saċerdot għax għandek is-saċerdozju batteżimali, u dan ma tistgħux tiċħduh.

 

Irrid, fl-aħħar nett, ngħid grazzi lir-Ragħajja tagħkom – intom u l-kollegi tagħkom: grazzi – u lill-komunitajiet djoċesani tagħkom għax-xhieda ta’ komunjoni ekkleżjali, mogħtija fl-għażla li jivvalorizzaw l-istituzzjoni interdjoċesana u reġjonali tas-Seminarju: kemm jogħġobni dan! U anki minħabba l-bżonn, għax djoċesi li għandha erba’ seminaristi ma jistax ikollha seminarju b’erba’ jew ħames jew sitt seminaristi: hemm bżonn tal-komunità. F’epoka storika fejn qed naraw – barra kif ukoll ġewwa l-Knisja – għeluq ta’ bixra “kampanilistika”, l-esperjenza tal-komunjoni li qed tgħixu hi eżempju sabiħ anki għal djoċesijiet oħrajn li, fil-qsim ta’ proġett formattiv komuni, għandhom għajnuna biex isibu formaturi u għalliema xierqa għall-isfida kbira tat-tisħib vokazzjonali.

 

U ħaġa tal-aħħar. F’dawn l-erba’ dimensjonijiet – intellettwali, pastorali, komunitarja u spiritwali – intom għandkom professuri, formaturi, diretturi spiritwali, u sew li titkellmu magħhom. Imma fittxu – fid-djoċesijiet tagħkom – il-qassisin xjuħ, dawk li għandhom l-għerf tal-inbid it-tajjeb, dawk li bix-xhieda tagħhom jgħallmukom kif issolvu l-problemi pastorali, dawk li, bħala kappillani, kienu jafu l-ismijiet ta’ kulħadd, ta’ kull wieħed u waħda mill-fidili tagħhom, anki l-ismijiet tal-klieb: din qalhieli wieħed minnhom. Imma kif kont tagħmel int – għidtlu jien – biex tkun tafhom, meta kellek erba’ parroċċi? “Le, iva, tista’”, qalli b’umiltà. Imma int irnexxielek tkun taf lil kulħadd? “Iva, jien kont naf l-isem ta’ kulħadd, anki l-ismijiet tal-klieb”. Bravu. Qassis hekk qrib, u anki hekk qrib tat-tabernaklu: kien iħares lejn kulħadd bil-fidi u s-sabar ta’ Ġesù. Qassisin xjuħ li ġarrew fuq spallejhom tant problemi tan-nies u xi ftit jew wisq għenuhom jgħixu aħjar, u għenu lil kulħadd jagħmel mewta tajba. Tkellmu ma’ dawn il-qassisin, li huma t-teżor tal-Knisja. Ħafna minnhom xi drabi huma minsija jew f’xi dar tal-anzjani: morru arawhom. Huma teżor.

 

San Ġużepp ikun magħkom u l-Madonna tħariskom. Jiena nberikkom u intom, jekk jogħġobkom, itolbu għalija, għax dan ix-xogħol xejn mhu faċli. Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard