"ĦADD MA JSALVA WAĦDU. SLIEM U GĦAQDA"
LAQGĦA INTERNAZZJONALI TA’ TALB GĦALL-PAĊI
ORGANIZZATA MILL-KOMUNITÀ TA’ SANT'EĠIDJU

Bażilika ta’ Santa Marija f’Aracoeli - Piazza del Campidoglio, Ruma
It-Tlieta, l-20 ta’ Ottubru 2020

OMELIJA TAL-PAPA

 Li nitolbu flimkien huwa rigal. Nirringrazzja u nsellem bil-qalb lilkom ilkoll, partikularment lill-Qdusija Tiegħu il-Patrijarka Ekumeniku, ħija Bartilmew, u lill-għażiż Isqof Heinrich, President tal-Kunsill tal-Knisja Evanġelika fil-Ġermanja. Sfortunatament, il-Wisq Reverendu Justin, Arċisqof ta’ Canterbury, ma setax jiġi minħabba l-pandemija.

Is-silta li għadna kemm smajna, meħuda mill-Passjoni tal-Mulej, tinsab eżatt qabel il-mewt ta’ Ġesù, u titkellem dwar it-tentazzjoni li ħabbat wiċċu magħha, kif kien hekk bla saħħa fuq is-salib. Waqt li hu kien qed igħix l-ogħla mument tat-tbatija u tal-imħabba, ħafna nies, bla ħniena, kienu qed igħajruh b’dan il-kliem ripetut: «Salva lilek innifsek!» (Mk 15,30). Hija tentazzjoni kbira din, li ħadd ma jeħles minnha, lanqas aħna l-insara: hija t-tentazzjoni li naħsbu biss biex insalvaw lilna nfusna jew il-grupp tagħna, u li jkollna biss f’moħħna l-problemi tagħna u l-interessi tagħna, filwaqt li kull ħaġa oħra ma tgħoddx. Dan huwa istint uman ħafna, imma istint ħażin, u hija l-aħħar sfida li kellu Alla-msallab.

Salva lilek innifsek. Jgħiduha l-ewwel «dawk li kienu għaddejjin minn hemm» (v. 29). Kienu nies komuni, li kienu semgħu lil Ġesù jitkellem u jagħmel il-mirakli. Issa qed igħidulu: «Salva lilek innifsek, u inżel minn fuq is-salib». Ma kellhom l-ebda ħniena minnu, imma biss xewqa li jaraw xi miraklu, li jarawh jinżel mis-salib. Forsi anke aħna kultant nippreferu alla spettakolari minflok li jħenn, alla setgħan f’għajnejn id-dinja, li jimponi fuqu bil-qawwa u jiżbrana lil min iridilna l-ħsara. Imma dan mhuwiex Alla, dan huwa il-“jien” tagħna. Kemm-il darba nixtiequ xi alla fuq il-kejl tagħna, alla bħalna, minflok li nsiru aħna bħalu! B’dan il-mod aħna nippreferu naduraw il-“jien” tagħna, minflok ma naduraw lil Alla. Din hija tip ta’ reliġjon li qed tikber, u tikber permezz ta’ l-indifferenza lejn l-oħrajn. Fil-fatt lil dawk li kienu għaddejjin, Ġesù kien jinteressahom biss biex jissodisfalhom ix-xewqat tagħhom. Ġesù, li ġabuh bħal wieħed mormi fuq is-salib, ma kienx jinteressahom iżjed. Kien quddiem għajnejhom, imma ‘l bogħod minn qalbhom. L-indifferenza żammithom ‘il bogħod milli jaraw il-wiċċ veru ta’ Alla.

Salva lilek innifsek. Nies oħrajn li qalu dan il-kliem kienu l-qassisin il-kbar u l-kittieba. Kienu dawk li kkundannaw lil Ġesù għaliex raw fih periklu. Imma aħna lkoll kemm aħna nispeċjalizzaw li nsallbu lill-oħrajn biex insalvaw lilna nfusna. Ġesù, minflok, iħallihom isallbuh biex igħallimna li m’għandniex nitfgħu l-ħażen fuq l-oħrajn. Il-qassisin il-kbar akkużawh propju minħabba dak li hu għamel lill-oħrajn: «Salva oħrajn u ma jistax isalva lilu nnifsu!» (v. 31). Kienu jafu lil Ġesù, kienu jiftakru kemm fejjaq u kemm ħeles nies, u issa jagħmlu konklużjoni malizzjuża: għalihom li ssalva u li tgħin lill-oħrajn huwa għalxejn; Ġesù li ta lilu nnifsu lill-oħrajn bla ebda riżerva, issa jinsab mitluf! L-akkuża fiha nnifisha hija tgħajjira, imma mlibbsa bi kliem reliġjuż, billi għal darbtejn użaw il-verb salva. Imma il-“vanġelu” ta’ salva lilek innifsek mhuwiex il-Vanġelu tas-salvazzjoni. Huwa l-iktar vanġelu apokrifu falz, li jwaddab is-salib fuq l-oħrajn. Il-Vanġelu veru, min-naħa l-oħra, iġorr is-slaleb tal-oħrajn.

Salva lilek innifsek. Fl-aħħar anke dawk imsallbin ma’ Ġesù jingħaqdu mal-klima ta’ sfida kontrih. Kemm hu faċli tikkritika, titkellem kontra xi ħadd, tara l-ħażin fl-oħrajn u mhux fik innifsek, sal-punt li titfa’ l-ħtija fuq dawk l-iktar dgħajfa u emarġinati! Imma għaliex dawk imsallbin qed jeħduha ma’ Ġesù? Għaliex ma ħelishomx mis-salib. Qalulu: «Salva lilek innifsek u lilna!» (Lq 23,39). Ifittxu lil Ġesù biss biex isolvu l-problemi tagħhom. Imma Alla ma jiġix tant biex isolvielna l-problemi, li dejjem se nsibu minnhom, imma biex jeħlisna mill-veru problema, li hi n-nuqqas ta’ imħabba. Din hija l-kawża ewlenija tal-ħażen personali, soċjali, internazzjonali, ambjentali. Missier il-ħazen kollu huwa dan: li taħseb biss fik innifsek. Imma wieħed mill-ħżiena josserva lil Ġesù u jara fih l-imħabba umli. U jirbaħ il-ġenna billi jagħmel ħaġa waħda biss: ma jħallix l-attenzjoni iżjed fuqu nnifsu, imma jitfagħha fuq Ġesù, fuq min kien jinsab ħdejh (cfr v. 42).

Ħuti għeżież, fuq il-Kalvarju seħħet il-ġlieda l-kbira bejn Alla li ġie biex isalvana, u bejn il-bniedem li jrid isalva lilu nnifsu; bejn il-fidi f’Alla u l-adorazzjoni tal-“jien”; bejn il-bniedem li jakkuża u Alla li jiskuża. U r-rebħa kienet ta’ Alla, il-ħniena tiegħu niżlet fuq id-dinja. Mis-salib ħarġet il-maħfra, u l-fraternità reġgħet twieldet mill-ġdid: «is-Salib jagħmilna aħwa ta’ xulxin» (Benedittu XVI, Diskors fi tmiem il-Via Crucis, 21 ta’ Marzu 2008). Dirgħajn Ġesù, miftuħin fuq is-salib, juru din il-bidla, għaliex Alla ma jippunta sebgħu lejn ħadd, imma jħaddan lil kulħadd. Għaliex hija biss l-imħabba li titfi l-mibegħda, hija biss l-imħabba li telgħleb l-inġustizzja sal-aħħar. Hija biss l-imħabba li tagħmel il-wisa’ għal ħaddieħor. L-imħabba biss hija t-triq għal komunjoni sħiħa bejnietna.

Ejjew inħarsu lejn Alla-imsallab, u nitolbu lil Alla-imsallab il-grazzja li nkunu iżjed magħqudin, iktar aħwa. U meta jkollna t-tentazzjoni li nimxu fuq il-loġika tad-dinja, ejjew niftakru fil-kliem ta’ Ġesù: «Min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi u tal-Bxara t-Tajba, isalvaha» (Mk 8,35). Dak li f’għajnejn il-bniedem jidher bħala telf, għalina hija s-salvazzjoni. Nitgħallmu mill-Mulej, li salvana billi ġab fix-xejn lilu nnifsu (cfr Fil 2,7),  billi sar xi ħaġa oħra: minn Alla sar bniedem, minn spirtu sar laħam, minn sultan sar qaddej. Hu jistieden anke lilna biex “ninbidlu”, billi mmorru lejn l-oħrajn. Iktar ma nkunu magħqudin mal-Mulej Ġesù, iktar inkunu miftuħin u “universali”, għax inħossuna responsabbli tal-oħrajn. U l-ieħor isir it-triq biex jien insalva lili nnifsi: kull bniedem ieħor, ikun min ikun, tkun xi tkun l-istorja tiegħu jew il-fidi tiegħu. U nibdew mill-fqar, għax dawn l-iktar li jixbħu lil Kristu. Il-kbir Arċisqof ta’ Kostantinopli, San Ġwann Kriżostmu kiteb li «kieku mhemmx il-fqar, is-salvazzjoni tagħna tkun fil-biċċa l-kbira tagħha mġarrfa» (Fuq it-II Ittra lill-Korintin, XVII, 2). Il-Mulej jgħinna nimxu flimkien fit-triq tal-fraternità, u b’hekk insiru xhieda kredibbli ta’ Alla l-Ħaj.
 


DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Piazza del Campidoglio

Ħuti għeżież!

Għeżież mexxejja reliġjużi, awtoritajiet distini u bosta ħbieb li jħobbu l-paċi! Huwa ta’ ferħ għalija, u ninsab grat lejn Alla li nistgħu niltaqgħu hawn fil-Campidoglio, fil-qalba ta’ Ruma. Konna qrib ta’ xulxin nitolbu għall-paċi. Insellem lill-President tar-Repubblika Taljana, l-Onerevoli Sergio Mattarella. U ninsab kuntent li ninsab hawn flimkien ma’ ħija, il-Qdusija Tiegħu l-Patrijarka Ekumeniku Bartilmew. Napprezza ħafna li, minkejja tant diffikultajiet minħabba l-ivjaġġar, hu flimkien ma’ personalitajiet oħrajn, riedu jieħdu sehem f’din il-laqgħa ta’ talb. Fl-ispirtu tal-laqgħa ta’ Assisi, imsejħa minn San  Ġwanni Pawlu II fl-1986, il-komunità ta’ Sant’Eġidju tiċċelebra kull sena, f’din il-belt, dan l-avveniment ta’ talb u ta’ djalogu għall-paċi bejn dawk li għandhom twemmin minn reliġjonijiet differenti.

F’dik il-viżjoni tal-paċi, kien hemm żerriegħa profetika li, pass wara l-ieħor, għall-grazzja t’Alla, immaturat permezz ta’ laqgħat bla preċedent, ħidma għall-paċi, u ħsibijiet ġodda għall-għaqda. Fil-fatt, meta nħarsu lura, filwaqt li sfortunatament insibu ġrajjiet koroh fis-snin l-imgħoddija, bħalma huma ġlied, terroriżmu u radikaliżmu, xi drabi f’isem ir-reliġjon, jeħtieġ ukoll nirrikonoxxu l-passi ta’ djalogu bejn ir-reliġjonijiet li ħallew il-frott. Dan hu sinjal ta’ tama li jħeġġiġna biex naħdmu flimkien bħal aħwa: bħal aħwa. U hekk wasalna għad-Dokument importanti dwar il-Fraternità u l-paċi fid-dinja, li ffirmajt mal-Kbir Imam ta’ Al-Ażhar, Aħmed al-Tajjeb, fl-2019.

Tabilħaqq,  «il-kmandament tal-paċi hu miktub fil-profond tat-tradizzjonijiet reliġjużi» (Enċiklika Fratelli tutti, 284). Dawk li jemmnu, fehmu li d-diversità fir-reliġjonijiet ma tiġġustifikax l-indifferenza jew li nkunu għedewwa. Għall-kuntrarju, meta wieħed jitlaq mill-fidi reliġjuża, wieħed jista’ jsir bennej tal-paċi, u mhux iktar spettaturi passivi quddiem il-ħażen tal-gwerra u tal-mibegħda. Ir-reliġjonijiet huma għas-servizz tal-paċi u tal-għaqda. Minħabba dan, anke din il-laqgħa tal-lum, timbotta lill-mexxejja reliġjużi u lil dawk kollha li jemmnu biex jitolbu bil-ħerqa għall-paċi, u ma jirrassenjaw ruħhom qatt għall-gwerra, imma jaħdmu dejjem bil-qawwa umli tal-fidi biex iġibu fix-xejn il-konflitti.

Kemm għandna bżonn tal-paċi! «Ma nistgħux nibqgħu indifferenti. Illum id-dinja għandha għatx miklub għall-paċi. F’ħafna pajjiżi hemm min qed ibati l-gwerra, spiss minsija, imma dejjem kawża ta’ tbatija u faqar» (Diskors fil-Jum Dinji ta’ Talb għall-Paċi, Assisi, 20 ta’ Settembru 2016). Id-dinja, il-politika, l-opinjoni pubblika qed jirriskjaw li jidraw il-ħażen tal-gwerra bħala xi ħaġa naturali li tiġri fl-istorja tal-popli.  «Ma nieqfux biss fuq diskussjonijiet tejoriċi, ejjew immissu l-feriti, ejjew immissu ma’ dawk li qed isofru l-ħsara. […] Nagħmlu attenzjoni għar-rifuġjati, għal dawk li sofrew radjazzjonijiet atomiċi, għal dawk in-nisa li tilfu lil uliedhom, lit-tfal li sofrew diżabilità minħabba l-gwerra jew li tilfu t-tfulija tagħhom» (Fratelli Tutti, 261). Illum, it-tbatijiet tal-gwerra żdiedu anke minħabba l-pandemija tal-Coronavirus u minħabba li f’ħafna pajjiżi mhux possibbli li n-nies ikollhom il-kura meħtieġa.

Sadanittant, il-gwerer ikomplu, u magħhom it-tbatija u l-mewt. It-tmiem tal-gwerer huwa dmir sagrosant tal-mexxejja politiċi kollha quddiem Alla. Il-paċi hija l-prijorità ta’ kull politika. Alla għad jitlob kont minn min ma fittixx il-paċi, minn min ipprovoka tensjonijiet u gwerer.  Hu għad jitlobhom kont ta’ kemm ġranet, xhur u snin ta’ gwerer li għaddew u li laqtu tant popli!

Il-kelma li l-Mulej Ġesù qal lil Pietru hija kelma qawwija u mimlija għerf: «Erġa’ daħħal is-sejf f’postu, għax kull min jagħti bis-sejf, bis-sejf imut» (Mt 26,52). Dawk li jaqbdu s-sejf, forsi għax jemmnu li b’hekk se jsolvu malajr sitwazzjonijiet diffiċli, huma stess għad jindunaw f’ħajjithom, u fil-ħajja tal-għeżież tagħhom, u fil-ħajja tal-pajjiżi tagħhom, għad jindunaw bil-mewt li jġib is-sejf.  «Biżżejjed!» (Lq 22,38), jgħid Ġesù meta d-dixxipli wrewh żewġt isjuf, qabel il-Passjoni.  “Biżżejjed!”: hija tweġiba ċara kontra kull forma ta’ vjolenza. Din il-kelma “biżżejjed!” ta’ Ġesù baqgħet tidwi tul is-sekli, u għadha tinstema’ qawwija anke llum: daqshekk sjuf, armi, vjolenza u gwerra!

Il-Papa San Pawlu VI, għamel dan l-appell lin-Nazzjonijiet Uniti fl-1965: «Daqshekk il-gwerra!». Din hija t-talba tagħna lkoll, tal-irġiel u n-nisa ta’ rieda tajba. Din hija l-ħolma ta’ dawk kollha li jistinkaw u jaħdmu għall-paċi, għax jafu li «kull gwerra tagħmel lid-dinja agħar milli kienet qabel» (Fratelli Tutti, 261).

Kif tista’ toħroġ minn gwerer li donnu mhemmx soluzzjoni għalihom? Kif se tħoll l-għoqiedi mħabbla ta’ tant ġlied bl-armi? Kif se tagħmel biex ma jsirx ġlied? Kif se tagħmel biex tikkalma lis-sidien tal-gwerra u lil min jafda fil-qawwa tal-armi? L-ebda poplu, l-ebda grupp soċjali ma jista’ jikseb waħdu l-paċi, is-sigurtà u l-kuntentizza. Ħadd. Il-lezzjoni li ħadna mill-pandemija riċenti, jekk irridu nkunu sinċieri, hija din: «nagħrfu li aħna komunità dinjija li ninsabu fuq l-istess dgħajsa, fejn il-ħażen ta’ wieħed imur għad-detriment ta’ kulħadd.  Ftakarna li ħadd ma jista’ jsalva waħdu, jekk se nsalvaw insalvaw flimkien» (Fratelli Tutti, 32).

Il-fraternità, li toħroġ meta nagħrfu li aħna umanità waħda, għandha tippenetra fil-ħajja tal-popli, fil-komunitajiet, bejn il-mexxejja tal-ġnus, fil-laqgħat internazzjonali. B’hekk biss jista’ jiżdied l-għarfien li aħna nistgħu nsalvaw biss flimkien, billi niltaqgħu, ninnegozjaw, nieqfu milli niġġieldu, nirrikonċiljaw ruħna bejnietna, nimmoderaw il-lingwaġġ politiku u ta’ propaganda, niżviluppaw toroq konkreti għall-paċi. (cfr Fratelli Tutti, 231).

Illejla ninsabu flimkien, nies li ġejjin minn tradizzjonijiet reliġjużi differenti, biex nikkomunikaw messaġġ ta’ paċi.  Dan juri biċ-ċar li r-reliġjonijiet ma jridux il-gwerra, għall-kuntrarju jiċħdu lil dawk li għalihom il-vjolenza hija qisha xi ħaġa sagra. Nitolbu lil kulħadd biex jitlob għall-għaqda u biex jagħmlu xi ħaġa sabiex il-fraternità tiftaħ toroq ġodda ta’ tama. Tabilħaqq, bil-għajnuna t’Alla, huwa possibbli li nibnu dinja ta’ paċi, u hekk, ħuti, insalvaw flimkien. Grazzi.


APPELL GĦALL-PAĊI

Piazza del Campidoglio

 

Miġburin f’Ruma fl-“ispirtu ta’ Assisi”, magħqudin spiritwalment ma’ dawk kollha li jemmnu, mid-dinja kollha, u man-nies ta’ rieda tajba, tlabna spalla ma’ spalla, id-don tal-paċi għal din l-art tagħna. Ftakarna fil-feriti tal-umanità, għandna f’qalbna t-talba siekta ta’ tant nies li qegħdin ibatu, ħafna drabi nies mingħajr isem u mingħajr vuċi. Huwa għalhekk li qed nimpenjaw ruħna biex ngħixu u biex nipproponu b’mod solenni lill-mexxejja tan-nazzjonijiet u liċ-ċittadini tad-dinja dan l-Appell għall-Paċi.

F’din i-Pjazza tal-Campidoglio, ftit wara l-ikbar gwerra li tiftakar l-istorja, in-Nazzjonijiet li kienu ġġieldu bejniethom għamlu Patt, mibni fuq ħolma ta’ għaqda, li mbagħad twettaq: l-Ewropa magħquda. Illum, f’dan iż-żmien ta’ taħwid, milqutin mill-konsegwenzi tal-pandemija tal-Covid-19, li qed thedded il-paċi billi qed iżżid id-diżugwaljanzi u l-biżgħat, ejjew ngħidu bil-qawwa kollha: ħadd ma jista’ jsalva waħdu, l-ebda poplu, ħadd!

Il-gwerer u l-paċi, il-pandemiji u l-kura tas-saħħa, il-ġuħ u l-aċċess għall-ikel, it-tibdil tal-klima u l-iżvilupp sostenibbli, iċ-ċaqlieq ta’ popolazzjijiet, l-eliminazzjoni tar-riskju nuklejari u t-tnaqqis fid-diżugwaljanzi, ma jikkonċernawx biss lil nazzjonijiet individwali. Dan qed nifhmuh iktar illum, f’dinja mimlija komunikazzjonijiet, imma li spiss titlef is-sens tal-għaqda. Aħna aħwa, ilkoll kemm aħna! Nitolbu lill-Aktar Għoli sabiex, wara dan iż-żmien ta’ prova, ma jkunx hemm aktar “l-oħrajn”, imma jkun hemm “aħna” kbira, għonja bid-diversità. Dan huwa żmien li fih mill-ġdid noħolmu bil-kuraġġ kollu li l-paċi hija possibbli, li l-paċi hija meħtieġa, li dinja mingħajr gwerer mhijiex ħolma vojta. Għaldaqstant nixtiequ nerġgħu ngħidu għal darb’oħra: “Qatt iżjed il-gwerra!”

Sfortunatament, ħafna qed jerġgħu jaraw il-gwerra bħala triq possibbli biex jinstabu soluzzjonijiet għal tilwim internazzjonali. Mhux hekk. Qabel ikun tard wisq, nixtiequ nfakkru lil kulħadd li l-gwerra dejjem tħalli d-dinja agħar milli kienet qabel. Il-gwerra hija falliment tal-politika u tal-umanità.

Nappellaw lill-mexxejja, sabiex jieqfu jużaw lingwaġġ li jifred, li spiss ikun ġej minn sentimenti ta’ biża’ u ta’ sfiduċja, u ma jieħdux toroq li ma jkunux jistgħu jerġgħu lura minnhom. Ejjew flimkien inħarsu lejn il-vittmi. Għad hemm ħafna, wisq kunflitti għaddejjin.

Lill-mexxejja tal-popli ngħidulhom: ejjew naħdmu flimkien biex nibnu paċi ġdida. Ejjew ngħaqqdu l-forzi tagħna flimkien b’riżq il-ħajja, is-saħħa, l-edukazzjoni, il-paċi. Wasal iż-żmien li nużaw ir-riżorsi li qed jintużaw biex jipproduċu l-armi dejjem aktar qerrieda, armi tal-mewt, biex nagħżlu l-ħajja, biex infejqu d-dinja id-dar komuni tagħna. Ma nitilfux żmien! Nibdew minn objettivi li nistgħu nilħquhom: ejjew ngħaqqdu l-forzi tagħna llum biex inrażżnu t-tixrid tal-virus sakemm ikollna vaċċin li jkun tajjeb u li jkun aċċessibbli għal kulħadd. Din il-pandemija qed tfakkarna li aħna aħwa tad-demm.

Lil dawk kollha li jemmnu, nisa u irġiel ta’ rieda tajba, ngħidulhom: ejjew inkunu bennejja tal-paċi, nibnu ħbiberija soċjali, nagħmlu tagħna l-kultura tad-djalogu. Djalogu lejali, perseveranti u kuraġġuż huwa l-vaċċin għal kontra l-virus tal-isfiduċja, tal-firda u tal-vjolenza. Id-djalogu jħoll mill-għeruq ir-raġunijiet tal-gwerer, li jkissru l-proġett tal-għaqda li hu miktub fil-vokazzjoni tal-familja tal-bnedmin.

Ħadd m’għandu jħossu li hu ‘l barra minn din is-sejħa. Ilkoll kemm aħna għandna bżonn li naħfru u li nkunu maħfura. L-inġustizzji tad-dinja u tal-istorja ma jfiqux bil-mibegħda u bil-vendetta, imma bid-djalogu u bil-maħfra.

Jalla l-Mulej jispira dawn l-idejali fina lkoll u f’dan il-vjaġġ li qed nagħmlu flimkien, billi jifforma l-qlub tagħna u jagħmilna messaġġiera tal-paċi.

Campidoglio, Ruma , 20 ta’ Ottubru 2020

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Fr Roy Galdes