VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISU
F’ĊIPRU U L-GREĊJA
(2-6 TA’ DIĊEMBRU, 2021)

ŻJARA LIR-REFUĠJATI

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU

“Reception and Identification Centre” f’Mytilene
Il-Ħadd, 5 ta’ Diċembru, 2021

 

Għeżħeż ħuti,

Grazzi tal-kliem li ndirizzajtuli.  Jien grat lejk, Sinjura President, għall-preżenza tiegħek u kliemek.  Ħuti, ninsab hawn mill-ġdid biex niltaqa’ magħkom.  Ninsab hawn biex ngħidilkom li jien qribkom u ngħid dan minn qalbi.  Ninsab hawn biex inħares lejn wiċċkom, biex inħares f’għajnejkom.  Għajnejn mimlijin biża’ u stennija, għajnejn li raw il-vjolenza u l-faqar, għajnejn imħaffrin minn wisq dmugħ.  Il-Patrijarka Ekumeniku u għażiż ħija Bartilmew, ħames snin ilu propju fuq dil-gżira, kien qal ħaġa li laqtitni ħafna: “Min jibża’ minnkom ma ħarisx f’għajnejkom.  Min jibża’ minnkom ma ħarisx lejn wiċċkom.  Min jibża’ minnkom mhux qed jara lil uliedkom.  Qed jinsa li d-dinjità u l-libertà jittraxxendu l-biża’ u l-firda.  Qed jinsa li l-migrazzjoni mhix problema tal-Lvanet Nofsani u tal-Afrika ta’ Fuq, tal-Ewropa u tal-Greċja.  Hi problema tad-dinja” (Diskors, 16 ta’ April, 2016).

Iva, hi problema tad-dinja, kriżi umanitarja li tolqot lil kulħadd.  Il-pandemija laqtitna globalment, ġagħlitna nħossuna lkoll fuq l-istess dagħjsa, ġagħlitna nifhmu xi jfisser li lkoll niġġarbu mill-istess biżgħat.  Fhimna li l-kwistjonijiet il-kbar hemm bżonn naffrontawhom flimkien, għax fid-dinja tal-lum, is-soluzzjonijiet bil-biċċa ma jsolvux problemi.  Imma filwaqt li bil-lajma qed inkomplu nagħtu l-vaċċin fuq livell planetarju, u xi ħaġa, minkejja d-dewmien u l-inċertezzi donnha qed tiċċaqlaq, fit-taqbida li għandna kontra t-tibdil fil-klima, kollox donnu jidher terribbilment jitkaxkar fejn tidħol il-migrazzjoni.  Madankollu fin-nofs hemm il-persuni, ħajjiet umani!  Fin-nofs hemm il-ġejjieni ta’ kulħadd, li jkun hieni biss jekk ikun integrat.  Il-ġejjieni jista’ jkun ta’ fejda biss, jekk ikun rikonċiljat mal-aktar dagħjfa.  Għax meta nirrifjutaw lill-foqra nkunu qed nirrfjutaw il-paċi.  Għeluq u nazzjonaliżmi – tgħallimna l-istorja – iġibu magħhom konsegwenzi diżastrużi.  Infatti, kif ifakkar il-Konċilju Vatikan II, “ir-rieda sħiħa li nirrispettaw lill-bnedmin u l-popli l-oħra u d-dinjità tagħhom u tqegħid fil-prattika tal-fratellanza umana huma ħtieġa assoluta biex tinbena l-paċi” (Gaudium et spes, 78).  Hija illużjoni naħsbu li biżżejjed inħarsu lilna nfusna, niddefendu ruħna minn min hu l-aktar dgħajjef li qed iħabbat fuq biebna.  Il-ġejjieni għad iġibna ferm aktar qrib ta’ xulxin.  Biex minn dan joħroġ il-ġid, l-azzjonijiet unilaterali mhumiex biżżejjed, imma hemm bżonn ta’ politika ferm aktar wiesa.  L-istorja, intenni, tgħallimna dan, imma għadna ma tgħallimniehiex il-lezzjoni.  Ma nistgħux indawru wiċċna quddiem ir-realtà, hemm bżonn tieqaf il-logħba li ngħabbu lil xulxin bir-responsabbiltà, ma nistgħux niddelegaw il-kwistjoni tal-migrazzjoni lil ħaddieħor qiesu ħadd ma jimpurtah u qiesu hu sempliċiment piż bla fejda li xi ħadd bilfors ikollu jitgħabba bih!

Ħuti, wiċċkom, għajnejkom jitolbuna biex ma ndawrux wiċċna n-naħa l-oħra, biex ma niċħdux l-umanità li tgħaqqadna lkoll flimkien, li l-istejjer tagħkom nagħmluhon tagħna u li ma ninsewx id-drammi tagħkom.  Elie Wiesel, xhud tal-akbar traġedja tas-seklu li għadda, kiteb: “Hu biss għax niftakar fl-oriġini komuni tagħna li jien nersaq lejn il-bnedmin bħala ħuti.  Hu biss għax nirrifjuta li ninsa li l-ġejjieni tagħhom hu importanti daqs tiegħi” (Mill-ktieb From the Kingdom of Memory, Reminiscences, New York, 1990, 10).  F’dan il-Ħadd, nitlob lil Alla biex iqajjimna mir-raqda vis-à-vis min qed isofri, biex ibegħedna mill-individwaliżmu li jeskludi, biex iqajjem il-qlub torox ħalli jagħrfu l-ħtiġijiet tal-proxxmu.  U nitlob ukoll lill-bniedem, lil kull bniedem: ejjew negħlbu l-paraliżi tal-biża’, l-indifferenza li toqtol, id-diżinteress ċiniku li bl-ingwanti tal-bellus jikkundanna għall-mewt  li min jinsab fil-ġenb!  Ejjew niġġieldu mill-għeruq lill-ħsieb dominanti, dak li jdur biss miegħi innifsi, mal-egoiżmi personali u nazzjonali, li jsiru l-qies u l-kriterju ta’ kollox.

Għaddew ħames snin miż-żjara li għamilt hawn mal-għeżież Ħuti Bartilmew u Ieronymos.  Wara daż-żmien kollu qed naraw ċar li ftit li xejn sar tibdil fil-kwistjoni tal-imigrazzjoni.  Ċertament ħafna ħadu impenn biex jilqgħu u jintegraw, u rrid irrodd ħajr lil tant volontarji u lil min f’kull livell – istituzzjonali, soċjali, karitattiv, politiku – ġarrew fuq spallejhom tgħabijiet kbar u ħadu ħsieb il-persuni u l-kwistjoni migratorja.  Nagħraf l-impenn biex ikunu finanzjati u mibnijin stutturi xierqa ta’ akkoljenza u nirringrazzja minn qalbi l-popolazzjoni lokali għal tant ġid li għamlet u tant sagrifiċċji li kellha tagħmel.  U rrid irrodd ħajr ukoll lill-awtoritajiet lokali, impenjati biex jilqgħu, ikennu u jmexxu ‘l quddiem lil dawn in-nies li jiġu għandna.  Grazzi!  Grazzi għal dak li tagħmlu!  Imma bil-morr fi qlubna jkollna nammettu li dal-pajjiż, bħal pajjiżi oħra, għadu għaddej minn żminijiet iebsin u li fl-Ewropa għad hawn min qed jittratta dil-problema qiesha xi ħaġa li ma jimpurtahx minnha.  Dan hu traġiku.  Niftakar l-aħħar kliem li għidt int (lill-President): “Jalla l-Ewropa tagħmel l-istess”.  U kemm hawn kundizzjonijiet li xejn ma jixirqu lill-bniedem!  Kemm hotspots fejn il-migranti u r-rifuġjati jgħixu f’kundizzjonijiet limitu, bla ma jaraw ebda xaqq dawl fix-xefaq!  Madankollu, ir-rispett lejn il-persuni u d-drittijiet umani, speċjament fil-kontinent li jagħmel ħiltu biex ixerridhom mad-dinja, għandhom ikunu mħarsin dejjem, u d-dinjità ta’ kull persuna għandha tiġi qabel kollox!  Issewwed qalbek tisma’ li bħala soluzzjoni jintużaw il-flus tal-istat biex jinbnew il-ħitan, biex jitqiegħed il-barbed wire.  Ninsabu fl-epoka tal-ħitan u l-barbed wire.  Ċertament nifhmu li hemm biżgħat u insikurezzi, diffikultajiet u perikli.  Qed tinħass għejja u frustrazzjoni, imħarrxin mis-sitwazzjoni ekonomika u pandemika, imma l-problemi ma nsolvuhomx u ma ntejbux il-konvivenza bil-bini tal-ħitan.  Iżda jekk ngħaqqdu l-forzi tagħna biex nieħdu ħsieb l-oħrajn skont il-possibbiltajiet reali ta’ kulħadd u b’rispett lejn il-legalità, dejjem għandna npoġġu fuq quddiem il-valur insopprimibbli tal-ħajja ta’ kull raġel, mara, ta’ kull bniedem.  Qal mill-ġdid Elie Wiesel: “Meta l-ħajjiet umani jkunu fil-periklu, meta d-dinjità umana tkun fil-periklu, il-konfini li jimmarkaw in-nazzjonijiet isiru irrilevanti” (Diskors meta kien qed jirċievi l-Premju Nobel għall-Paċi, 10 ta’ Diċembru, 1986).

F’diversi soċjetajiet b’mod ideoloġiku qed jeħduha kontra s-sigurtà u s-solidarjetà, lokali u universali, it-tradizzjoni u l-ftuħ.  Aktar milli noħolqu l-partiġġjaniżmu tal-ideat, jista’ jkun aħjar jekk nibdew mir-realtà: nieqfu, nifirxu ħarsitna, inwaħħduha mal-problemi tal-maġġoranza tal-umanità, ta’ tant popolazzjonijiet vittmi ta’ emerġenzi umanitarji li ma ħolqux huma imma ġarrbuhom biss, spiss wara stejjer twal ta’ sfruttament li għadu għaddej.  Faċli tkaxkar l-opinjoni pubblika billi tiżra’ l-biża’ mill-ieħor; allura għaliex bl-istess manjiera ma nitkellmux dwar l-isfruttament tal-foqra, dwar il-gwerer minsija u spiss iffinanzjati bil-kbir, dwar il-ftehim ekonomiku magħmul fuq il-ġilda tan-nies, dwar il-manuvri moħbija għat-traffikar tal-armi u t-tixrid tagħhom għall-kummerċ?  Għaliex ma nitkellmux dwar dawn?  Jeħtieġ ikunu affrontati l-kawżi remoti, mhux il-persuni msejkna li jbatu l-konsegwenzi u li jisfaw saħansitra użati għall-propaganda politika!  Biex jitneħħew il-kawżi profondi, ma nistgħux nimblukkaw l-emerġenzi.  Hemm bżonn azzjonijiet maqbula.  Hemm bżonn naffrontaw it-tibdil epokali b’viżjoni kbira.  Għax m’hemmx tweġibiet faċli għall-problemi komplikati; hemm iżda l-ħtieġa li nakkumpanjaw il-proċessi, minn ġewwa, biex ma nħallux jinbtu l-ghettos u biex niffaċilitaw integrazzjoni fit-tul imma indispensabbli, biex nilqgħu bil-fraternità u r-responsabbiltà l-kulturi u t-tradizzjonijiet tal-oħrajn.

Fuq kollox, jekk irridu nerġgħu nibdew mill-ġdid, inħarsu lejn wiċċ it-tfal.  Insibu l-kuraġġ biex nistħu minnhom, għax huma innoċenti u huma l-futur.  Jiċċalinġjaw il-kuxjenzi tagħna u jitolbuna: “Liema dinja tridu ttuna?”  Ma naħarbux b’saqajna ma’ dahrna l-istampi brutali tal-iġsma ċkejknin tagħhom mitluqa bla ħajja fuq ix-xtut.  Il-Mediterran, li għal sekli għaqqad popli diversi u artijiet imbegħdin, qed isir ċimiterju kiesaħ mingħajr lapidi.  Din il-firxa kbira ta’ ilma, benniena ta’ tant ċiviltajiet, issa donnha mera tal-mewt.  Ma nħallux il-mare nostrum jinbidel f’mare mortuum deżolanti, li dan l-imkien ta’ laqgħa jsir teatru ta’ ġlied!  Ma nippermettux li “dan il-baħar ta’ tifkiriet” jinbidel “f’baħar ta’ diżattenzjoni”.  Ħuti, nitlobkom, ejjew inwaqqfu dan in-nawfraġju taċ-ċiviltà.

Fuq ix-xtut ta’ dal-baħar, Alla sar bniedem.  Kelmtu dwiet u wasslet l-aħbar ta’ Alla li hu “Missier u gwida tal-bnedmin kollha” (San Girgor Nażjanżenu, Diskors 7 għal Cesario, 24).  Hu jħobbna bħala ulied u aħwa.  Iżda hi offiża lil Alla meta niddisprezzaw lill-bniedem maħluq xbieha tiegħu, u nħalluh jitħabat mal-mewġ, fil-ħalel tal-indifferenza, kultant ġustifikata saħansitra minn valuri nsara mistħajla.  Imma l-fidi titlob minna kumpassjoni u ħniena – ma ninsewx li dan hu l-istil ta’ Alla: qrubija, kumpassjoni u tenrezza -.  Il-fidi tixprunana biex inkunu ospitali, għal dik il-filoxenia li fasslet il-kultura klassika, u li mbagħad f’Ġesù sabet il-manifestazzjoni definittiva tagħha, speċjalment fil-parabbola tas-Sammaritan it-Tajjeb (cfr Lq 10, 29-37) u fil-kliem tal-kapitlu 25 tal-Evanġelju ta’ Mattew (cfr 31-46).  Din mhix ideoloġija reliġjuża, hija għeruq insara konkreti.  Ġesù jafferma solennement li jinsab hemm, fil-frustier, fir-rifuġjat, f’min hu għeri u bil-ġuħ.  U l-programm tan-nisrani hu li jkun fejn hemm Ġesù.  Iva, għax il-programm nisrani, kiteb il-Papa Benedittu, “hu qalb li tara” (Enċ. Deus Caritas est, 31).  U marridx intemm dal-messaġġ bla ma rrodd ħajr lill-poplu grieg għall-akkoljenza.   Bosta drabi din l-akkoljenza ssir problema għax in-nies ma jkollhomx mnejn joħorġu biex imorru ximkien ieħor.  Ġrazzi, ħuti griegi għal dil-ġenerożità.

Issa nitolbu lill-Madonna sabiex tifħilna għajnejna għat-tbatijiet ta’ ħutna.  Hi marret tħaffef fi vjaġġ għand kuġintha Eliżabetta li kienet tqila.  Kemm ommijiet tqal sabu l-mewt malajr u fil-vjaġġ filwaqt li kienu jġorru l-ħajja fil-ġuf!  Omm Alla tgħinna biex ikollna ħarsa materna, biex fil-bnedmin naraw ulied Alla, ħutna li għandna nilqugħhom, nipproteġuhom, immexxuhom ‘il quddiem u nintegrawhom.  U nħobbu fit-tenerezza.  Il-Qaddisa tal-Qaddisin tgħinna npoġġu r-realtà tal-bniedem qabel l-ideat u l-ideoloġija, u biex immorru nħaffu niltaqgħu ma min qed ibati.

Issa nitolbu lill-Madonna ilkoll flimkien.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber