SOLENNITÀ TA’ PENTEKOSTE

IL-PAPA FRANĠISKU

REGINA CAELI

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 28 ta’ Mejju, 2023

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

 

Illum, Solennità ta’ Pentekoste, l-Evanġelju jeħodna fiċ-Ċenaklu, fejn l-appostli marru jfittxu kenn wara l-mewt ta’ Ġesù (Ġw 20,19-23).  Nhar l-Għid filgħaxija, l-Irxoxt jippreżenta ruħu propju f’dik is-sitwazzjoni ta’ biża’ u qtigħ il-qalb u, waqt li nefaħ fuqhom qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu” (v. 22).  Hekk, bid-don tal-Ispirtu s-Santu, Ġesù jixtieq ineħħi l-biża’ mid-dixxipli, il-biża’ li kienet qed iżżommhom magħluqin id-dar, u jeħlishom, sabiex isibu ħila joħorġu u jsiru xhieda u ħabbâra tal-Evanġelju.  Nieqfu ftit fuq dan li jagħmel l-Ispirtu: jeħles mill-biża’.

Id-dixxipli kienu sakkru l-bieb, jgħidilna l-Evanġelju “minħabba l-biża’” (v. 19).  Il-mewt ta’ Ġesù kienet ħarbtithom, il-ħolm tagħhom kien tfarrak, it-tamiet tagħhom għebu.  U ngħalqu ġewwa.  Mhux biss f’dik il-kamra, imma fihom infushom, fi qlubhom.  Irrid nisħaq dan: magħluqin fihom infushom.  Kemm drabi aħna wkoll ningħalqu fina nfusna? Kemm drabi minħabba sitwazzjoni diffiċli, minħabba xi problema personali jew tal-familja, minħabba t-tbatija li tgħakkisna jew minħabba l-ħażen li aħna mdawrin bih, nirriskjaw li fti ftit niżżersqu lejn it-telf tat-tama u jonqosna l-kuraġġ li nibqgħu mexjin ‘il quddiem?  Dan jiġri bosta drabi.  U allura, bħall-appostli, ningħalqu fina nfusna, ningħalqu fil-labirint tal-preokkupazzjonijiet tagħna.

Ħuti, dan l-għeluq jiġri meta fis-sitwazzjonijiet l-aktar diffiċli, inħallu l-biża’ tirkibna u tibda jikkmandana.  Meta tfiġġ il-biża’, aħna ningħalqu.  Għalhekk ir-raġuni hi l-biża’: il-biża’ li se nfallu, li se nibqgħu waħedna biex niffaċċjaw it-taqbid tal-ħajja ta’ kuljum, li nirriskjaw li nibqgħu delużi, li nagħmlu l-għażliet żbaljati.  Ħuti, il-biża’ tiffriża, il-biża’ tipparalizza.  U tiżola wkoll: niftakru fil-biża’ mill-ieħor, minn min hu differenti, minn min jaħsibha mod differenti.  U jista’ jkun hemm ukoll il-biża’ minn Alla: se jikkastigani, għandu għalija...  Jekk nagħmlu l-wisa għal dawn il-biżgħat, il-bibien jingħalqu: il-bibien tal-qalb, il-bibien tas-soċjetà u l-bibien tal-Knisja wkoll!  Fejn hemm il-biża’ hemm l-għeluq.  U dan hu ħażin.

Però l-Evanġelju joffrielna r-rimedju tal-Irxoxt: l-Ispirtu s-Santu.  Hu jeħlisna mill-jasar tal-biża’.  Meta l-appostli jirċievu l-Ispirtu – dak li qed nagħmlulu festa llum – joħorġu miċ-Ċenaklu u jmorru fid-dinja jaħfru d-dnubiet u jxandru l-Aħbar it-Tajba.  Bis-saħħa tiegħu negħlbu l-biża’ u jinfetħu l-bibien.  Għaliex dan jagħmel l-Ispirtu: iġagħalna nħossu l-qrubija ta’ Alla u hekk bl-imħabba tiegħu ikeċċi l-biża’, idawwal il-mixja, ifarraġ, iwieżen waqt il-kuntrarju.  Quddiem il-biżgħat u l-għeluq, għalhekk, ninvokaw lill-Ispirtu s-Santu għalina, għall-Knisja u għad-dinja kollha: ħalli Pentekoste ġdida tkeċċi l-biżgħat li jattakkawna u tkebbes fina mill-ġdid in-nar tal-imħabba t’Alla.

Marija Santissma, li kienet l-ewwel waħda mimlija bl-Ispirtu s-Santu, tinterċedi għalina.

 

Wara r-Regina Caeli

Għeżież ħuti!

Fit-22 ta’ Mejju saret it-tifkira tal-150 anniversarju mill-mewt ta’ waħda mill-għola figuri tal-letteratura, Alessandro Manzoni,  Permezz tal-opri tiegħu, hu kien l-għannej tal-vittmi u ta’ min hu l-aħħar: dawn dejjem jinsabu taħt l-id protettriċi tal-Providenza Divina, illi “tniżżel u terfa’”, tnikket u tfarraġ”; u huma mweżnin ukoll mill-qrubija tar-ragħajja fidili tal-Knisja, li nsibu fil-paġni tal-kapulavur ta’ Manzoni.

Nagħmel stedina għat-talb għall-popolazzjonijiet li jgħixu fil-konfini bejn il-Myanmar u l-Bangladesh, li ntlaqtu ħażin ħafna minn ċiklun: aktar minn tminmittelf ruħ, minbarra l-bosta Rohingya li diġà jgħixu f’kundizzjonijiet prekarji.  Filwaqt li nġedded il-qrubija tiegħi lejn dawn il-popolazzjonijiet indur lejn min hu responsabbli sabiex jaraw li tasal l-għajnuna umanitarja, u nagħmel appell għas-sens ta’ solidarjetà umana u ekkleżjali biex dawn ħutna jkollhom l-għajnuna.

Insellem minn qalbi lilkom ilkoll, rumani u pellegrini mill-Italja u minn bosta pajjiżi, partikolarment il-fidili ġejjin mill-Panama u l-pellegrinaġġ mill-Arċidjoċesi ta’ Tulancingo (il-Messiku) li qed jiċċelebra lis-Sinjura Tagħna tal-Anġli; kif ukoll il-grupp minn Novellana (Spanja).  Insellem ukoll lill-fidili minn Celeseo (Padova) u Bari, u nibgħat il-barka tiegħi li kulmin jinsab miġbur fil-poliklinika Gemelli biex jippromwovu inizjattivi ta’ fraterntà mal-morda.

Nhar l-Erbgħa li ġej, fi tmiem ix-xahar ta’ Mejju, fis-Santwarji Marjani tad-dinja kollha se jsiru waqtiet ta’ talb b’sostenn għat-tħejjijiet tal-Assemblea Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet.  Nitlob lill-Verġni Marija takkumpanja din it-tappa importanti tas-Sinodu bil-protezzjoni materna tagħha.  U lilha nafdawlha f’ideha wkoll ix-xewqa tal-paċi ta’ tant popolazzjonijiet madwar id-dinja kollha, speċjalment il-martri Ukrajna.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber