IL-PAPA FRANĠISKU

REGINA CAELI

Biblijoteka Appostolika

Il-Ħadd 26 ta' April, 2020

 

Għeżież ħuti,

L-Evanġelju tal-lum, ambjentat fil-jum ta' Għid, jirrakkonta l-episojdu tad-dixxipli ta' Għemmaws (cfr Lq 24,13-35).  Hija storja li tibda u tintemm f'mixja.  Infatti hemm il-vjaġġ tad-dixxipli illi, imnikktin minħabba kif tintemm il-ġrajja ta' Ġesù, iħallu Ġerusalemm u jitilqu lejn id-dar, f'Għemmaws, mixja ta' madwar 11-il kilometru.  Huwa vjaġġ li jsir fid-dawl tal-jum, biċċa sew minnu għan-niżla.  U hemm il-vjaġġ lura: 11-il kilometru oħra, għat-telgħa, imma li jseħħ waqt li qed jaqa' l-lejl, parti mill-mixja għat-telgħa wara l-għeja tal-mixja ta' qabel u (dak li seħħ) matul il-ġurnata kollha.  Żewġ vjaġġi: wieħed komdu mal-jum u l-ieħor ta' għeja, billejl.  Madankollu l-ewwel wieħed kien mimli niket, it-tieni bil-ferħ.  F-ewwel wieħed kien hemm il-Mulej li kien miexi magħhom, imma huma ma jagħrfuhx: fit-tieni wieħed mhux qed jarawh aktar, imma jħossuh qribhom.  Fl-ewwel wieħed qalbhom maqtugħa u bla tama; fit-tieni jiġru biex iwasslu lill-oħrajn l-aħbar sabiħa tal-laqgħa ma' Ġesù Rxoxt.

Iż-żewġ mixjiet differenti ta' dawk l-ewwel dixxipli jgħidu lilna, dixxipli ta' Ġesù llum, li fil-ħajja għandna quddiemna żewġ direzzjonijiet opposti: hemm it-triq ta' min, bħal dik tal-ewwel, iħalli d-delużjonijiet tal-ħajja jipparaliżawh u jibqa' dejjem imdejjaq; u hemm it-triq ta' min ma jqiegħedx lilu nnnifsu u l-problemi tiegħu fl-ewwel post, imma jqiegħed lil Ġesù li jżurna, u lill-aħwa li jistennew iż-żjara tiegħu, jiġifieri l-aħwa li jistennew li aħna nieħdu ħsiebhom.  Hawn hi l-bidla: nieqaf indur biss madwari, madwar id-delużjonijiet l-imgħoddija, l-ideali li ma seħħewlix, u tant ħwejjeġ koroħ li ġrawli matul ħajti.   Ħafna drabi aħna għandna t-tendenza li nibqgħu ngħaqdu, ngħaqdu.....  Ninsew dak u nħarsu 'l quddiem lejn l-akbar realtà u minnha tal-ħajja: Ġesù huwa ħaj, Ġesù jħobbni.  Din hi l-akbar realtà  U jien nista' nagħmel xi ħaġa għall-oħrajn.  Hija realtà sabiħa, pożittiva, mdawla, sabiħa!  Ir-rotta lura hija din: li ngħaddu mit-tmaħħiħ dwari nnifsi lejn ir-realtà ta' Alla tiegħi; ngħaddi - bi ftit tidwir tal-kliem - mill-"jekk" għall-"iva".  Xi jfisser?  "Kieku kien Hu li ħelisna, kieku Alla semgħani, kieku l-ħajja ħadet ix-xejra li ridt jien, kieku kelli dan u dak.....", b'ton ta' tgemgim.  Dan il-"jekk" ma jgħinx, mhux għammiel, la jgħin lilna u lanqas lill-oħrajn.  Dawn huma il-"jekkijiet" tagħna li jixbħu dawk taż-żewġ dixxipli li però, jgħaddu għall-"iva": "iva, il-Mulej hu ħaj, jimxi magħna.  Iva, issa, mhux għada, aħna nerġgħu nibdew il-mixja biex inħabbruh".  "Iva, jien nista' nagħmel dan biex in-nies tkun aktar ferħana, biex in-nies issir aħjar, biex ngħin ħafna nies..  Iva, iva, nista'".  Mill-jekk għall-iva, mit-tgemgim għall-ferħ, għall-paċi, għax meta aħna bil-geddum ma nkunux ferħanin: inkunu ngħumu fil-griz, fil-griz, f'dik l-arja mċajpra tad-dwejjaq.  U dan la jgħin u lanqas iħallina nikbru kif imiss.  Mill-jekk għall-iva, mit-tgemgim lejn il-ferħ tal-qadi.

Din il-bidla tal-pass, mill-"jien" lejn Alla, mill-jekk għall-iva, kif seħħ fid-dixxipli?  Bil-laqgħa ma' Ġesù:  iż-żewġ dixxipli ta' Għemmaws l-ewwel jiftħu qalbhom miegħu; imbagħad jisimghuh jispjegalhom l-Iskrittura; wara jistednuh id-dar: l-ewwel iftaħ qalbek għal Ġesù, afdalu f'idjeh it-toqol, l-għeja, id-delużjonijiet tal-ħajja, ħalli f'idejh il-"jekk", u mbagħad, it-tieni pass, tisma' lil Ġesù, taqbad l-Evanġelju f'idejk, taqra llum stess dis-silta mill-kapitlu erbgħa u għoxrin tal-Evanġelju ta' Luqa; it-tielet, titlob lil Ġesù bl-istess kliem ta' dawk id-dixxipli: "Mulej, ibqa' magħna" (v. 29).  Mulej ibqa'miegħi.  Muelj ibqa' magħna lkoll għax għandna bżonnok biex insibu t-triq.  U mingħajrek hemm il-lejl".

Għeżież ħuti, tul-il-ħajja aħna dejjem ninsabu f'mixja.  U nsiru dak li nkunu mexjin lejh.  Nagħżlu t-triq ta' Alla, mhux dik tal-"jiena"; it-triq tal-iva, mhux dik tal-jekk.  Insibu li ma jkunx hemm sorpriżi, m'hemmx telgħa, m'hemm ebda lejl li ma nkunux nistgħu naffrontawh, flimkien ma' Ġesù.  Il-Madonna, Omm il-mixja, li meta laqgħet il-Kelma għamlet ħajjitha kollha "iva" għal Alla, turina t-triq.

 

Wara r-Regina Caeli

 

Għeżież ħuti,

ilbieraħ kien il-Jum Dinji mniedi mill-Ġnus Magħquda kontra l-malarja.  Aħna u niġġieldu l-pandemija tal-coronavirus, irridu nkomplu nsaħħu l-impenn tagħna biex nilqgħu u nfejqu l-malarja, li thedded miljuni kbar ta' persuni f'ħafna pajjiżi.  Jien qrib tal-morda kollha u ta' kull min jikkurahom, u lejn kull min jaħdem sabiex kull persuna jkolla aċċess għas-servizzi sanitarji bażiċi xierqa.

Insellem ukoll lil kull min illum, fil-Polonja, qed jieħu sehem fil-'Qari Nazzjonali tal-Iskrittura Mqaddsa".  Għidtilkom kemm-il darba u rrid intenni, dwar kemm hu importanti li nieħdu d-drawwa li naqraw l-Evanġelju, ftit minuti kulljum.  Inżommuh fil-but, fil-handbag.  Għandu jkun dejjem fil-qabda, fiżikament ukoll, u naqraw ftit minnu kuljum.

Ftit jiem oħra jibda x-xahar ta' Mejju, dedikat b'mod partikolari lill-Verġni Marija.  B'ittra qasira - ippubblikata lbieraħ - stedint lill-fidili kollha biex tul dax-xahar jitolbu r-Rużarju mqaddes, flimkien, fil-familja jew waħedhom, u jitolbu waħda miż-żewġ talbiet li jien qegħidt għad-dispożizzjoni ta' kulħadd.  L-Omm tagħna tgħinna naffrontaw b'fidi isħaħ u b'tama, iż-żmien ta' prova li għaddejjin minnu.

Nawgura lil kulħadd ix-xahar ta' Mejju t-tajjeb u l-Ħadd it-tajjeb.  jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber