Il-PAPA FRANĠISKU

REGINA CAELI

Biblijoteka tal-Palazz Appostoliku
Il-Ħadd, 24 ta’ Mejju, 2020

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum fl-Italja u f’pajjiżi oħra qed tkun iċċelebrata s-solennità tat-Tlugħ fis-Sema tal-Mulej.  Is-silta tal-Evanġelju (cfr Mt 28,16-20) turina lill-Appostli miġburin fil-Galilija “fuq il-muntanja fejn kien ordnalhom Ġesù” (v. 16).  Hawnhekk isseħħ l-aħħar laqgħa il-Mulej Irxoxt ma’ ħbiebu, fuq l-muntanja.  “Il-Muntanja għandha rwol simbolkiu qawwi, evokattiv.  Ġesù jħabbar il-Beatitudnijiet fuq muntanja (cfr Mt5, 1-12); kien imur jinġabar fit-talb fuq il-muntanji (cfr Mt 14,23); hemmhekk kien jilqa’ l-folol u jfejjaq il-morda (cfr Mt 15,29).  Imma did-darba, fuq il-muntanja, m’għadux aktar l-Imgħallem li jwettaq u jgħallem, imma huwa l-Irxoxt li lill-appostli jitlobhom jaġixxu u jħabbru, u jħalli f’idejhom il-mandat li jkomplu l-opra tiegħu.

Jgħabbihom b’missjoni lejn il-ġnus kollha.  Jgħid: “Morru u agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha , u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien” (vv. 19-20).  Dan hu l-kontenut tal-missjoni mogħtija lill-Appostli: it-tħabbir, jgħammdu, jgħallmu u l-mixi fit-triq imfassla mill-Imgħallem, jiġifieri l-Evanġelju ħaj.  Dal-messaġġ ta’ salvazzjoni jimplika l-ewwel u qabel kollox id-dmir tax-xhieda – mingħajr xhieda ma jistax isir it-tħabbir -, li aħna wkoll, id-dixxipli tal-lum, għandna s-sejħa għaliha biex nagħtu l-r-raġuni tal-fidi tagħna.  Quddiem biċċa xogħol daqstant impenjattiva, filwaqt li niftakru fid-dgħufijiet tagħna, aħna nħossuna nieqsin, l-istess kif żgur ħassewhom l-istess Appostli.  Iżda m’għandniex naqtgħu qalbna, niftakru fil-kliem li Ġesù qalilhom qabel ma tela’ s-Sema: “Jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien” (v. 20).

Dil-wegħda tiżgurna mill-preżenza dejjiema u ta’ faraġ ta’ Ġesù fostna.  Imma b’liema mod isseħħ dil-preżenza?  Bis-saħħa tal-Ispirtu tiegħu, li jmexxi l-Knisja tul l-istorja bħala l-ħabiba ta’ kull bniedem tul it-triq.  Dak l-Ispirtu mibgħut minn Kristu u mill-Missier, iġib il-maħfra tad-dnubiet u jqaddes lil kull min, niedem, ikun miftuħ bil-fiduċja għad-don tiegħu.  Bil-wegħda li jibqa’ magħna sal-aħħar taż-żmien, Ġesù jinawgura stil ġdid tal-preżenza tiegħu fid-dinja bħala l-Irxoxt.  Ġesù huwa preżenti fid-dinja imma bi stil ieħor, l-istil tal-Qawmien, jiġifieri preżenza li tintwera bil-Kelma, bis-Sagramenti, bl-azzjoni bla heda u interjuri tal-Ispirtu s-Santu.  Il-festa tat-Tlugħ fis-Sema tgħidilna li minkejja li tela’ s-Sema biex joqgħod fil-glorja fuq il-lemin tal-Missier, Ġesù xorta waħda għadu fostna: minn hawn tiġi l-qawwa tagħna, il-perseveranza tagħna u l-ferħ tagħna, propju mill-preżenza ta’ Ġesù fostna u bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

Il-Verġni Marija tkkumpanja l-mixja tagħna bil-protezzjoni materna tagħha: minnha nitgħallmu l-ħlewwa u l-kuraġġ biex inkunu xhieda fid-dinja tal-Mulej Irxoxt.

Wara r-Regina Caeli

Għeżież ħuti,

Ningħaqdu spiritwalment mal-fidili kattoliċi taċ-Ċina li llum qed jiċċelebraw, b’devozzjoni kbira, il-festa tal-Beata Verġni Marija Għajnuna tal-Insara u patruna taċ-Ċina, li hi meqjuma fis-santwarju ta’ Sheshan f’Shangai.  Inqiegħdu f’idejn ommna Ċelesti u taħt il-protezzjoni tagħha, lir-Rgħajja u lill-fidili tal-Knisja kattolika ta’ dak il-pajjiż kbir, sabiex ikunu qawwijin fil-fidi u sodi fl-għaqda fraterna, xhieda ferrieħa u promoturi tal-karità u ta’ tama fraterna u jkunu ċittadini tajba.

Għeżież ħuti kattoliċi taċ-Ċina, nixtieq niżgurakom li l-Knisja universali, li intom parti sħiħa minnha, taqsam magħkom it-tamiet u tkun ta’ sostenn għalikom waqt il-provi tal-ħajja.  Hi takkumpanjakom bit-talb biex jissawwab mill-ġdid l-Ispirtu s-Santu fuqkom, ħalli tkunu tistgħu tiddu bid-dawl u s-sbuħija tal-Evanġelju, qawwa t’Alla għas-savazzjoni ta’ kull min jemmen.  Jien u nesprimi mill-ġdid l-imħabba kbira u sinċiera lejkom, intikom Barka Appostolika speċjali.  Jalla l-Madonna tħariskom dejjem!

Fl-aħħar inħallu f’idejn l-interċessjonni ta’ Marija Awżiljatriċi lid-dixxipli tal-Mulej u lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba, li f’daż-żmien diffiċli, f’kull rokna tad-dinja, qed jaħdmu bil-ħerqa u impenn għall-paċi, għad-djalogu bejn in-nazzjonijiet, għas-servizz tal-foqra, għall-ħarsien tal-ħolqien u għar-rebħa tal-umanità fuq kull marda tal-ġisem, tal-qalb u tar-ruħ.

Illum hu l-Jum Dinji tal-Komunikazzjonijiet Soċjali, li dis-sena hu dedikat lit-tema tan-narrazzjoni.  Jalla dan l-avveniment ikun ta’ kuraġġ biex jitwasslu u jitferrxu stejjer kostruttvi li jgħinuna nifmhu li aħna lkoll niffurmaw parti minn storja akbar minna u nkunu nistgħu nħarsu lejn il-ġejjieni bit-tama, jekk verament nieħdu ħsieb xulxin bħal aħwa.

Illum, fil-ġrurnata ta’ Marija Awżiljatriċi, nagħti tislima mimlija mħabba lis-sależjani rġiel u nisa.  Niftkar bi gratitudni l-formazzjoni spiritwali li rċevejt mingħand ulied Don Bosco.

Illum kelli mmur Acerra biex insaħħaħ il-fidi ta’ dik il-popolazzjoni u l-impenn ta’ kull min hu impenajt biex jitqabad dan id-dramm ta’ tniġġis f’dik l-art imsejħa “Terra dei Fuochi”.  Iż-żjara tiegħi tħalliet għal darb’oħra, madankollu lill-Isqof, lis-saċerdoti u lill-familji u lill-komunita’ djoċesana kollha kemm hi nibgħatilkom it-tislijiet tiegħi, il-barka tiegħi l-inkoraġġiment bl-istennija li malli jkun possibbli, niltaqgħu.  Jien se mmur hemmhekk żgur!

Illum ukoll jaħbat il-ħames anniversajru tal-Enċiklika Laudato si’ li għan tagħha kien li tinġibed l-attenzjoni lejn l-għajta tal-Art u tal-foqra.  Grazzi għall-inizjattiva tad-Dikasteru għas-Servizz tal-Iżvilupp Uman Integrali, “il-Ġimgħa Laudati si’” li għandna kif iċċelebrajna spiċċat warrdet u saret Sena speċjali tal-anniversarju tal-Laudato si’, sena speċjali biex nirriflettu dwar l-Enċiklika, mill-24 ta’ Mejju ta’ dis-sena sal-24 ta’ Mejju tas-sena li ġejja.  Nistieden lil kull persuna ta’ rieda tajba biex tieħu sehem, biex tħares id-dar konuni tagħna u lil ħutna l-aktar dgħajfa.  Fuq is-sit se tkun ippubblikata t-talba dedikata għal din is-Sena.  Ikun sabiħ jekk ngħiduha.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci.

TALBA

Alla ta’ mħabba, Ħallieq tas-sema u tal-art u ta’ dak kollu li jinsab fihom. Iftħilna moħħna u missilna qlubna sabiex inkunu parti mill-ħoqlien, rigal tiegħek.

Kun preżenti ma’ min hu fil-bżonn f’daż-żmien diffiċli, speċjalment l-aktar foqra u dgħajfin.  Għinna nuru solidarjetà kreattiva aħna u naffrontaw il-konsegwenzi ta’ dil-pandemija globali.  Tina l-kuraġġ biex inħaddnu t-tibdil li jfittex il-ġid komuni.  Issa, aktar minn qatt qabel qed inħossuna marbutin sfiq flimkien u dipendenti minn xulxin.

Agħmel li jirnexxilna nisimgħu u nwieġbu għall-għajta tad-dinja u għall-għajta tal-foqra.  Jalla t-tbatijiet ta’ issa jkunu l-uġigħ tal-ħlas ta’ dinja aktar fraterna u sostenibbli.

Nitolbuk iżżomna taħt il-ħarsien amorevoli ta’ Marija Awżiljatriċi, bi Kristu Sidna.  Ammen.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber