IL-PAPA FRANĠISKU

REGINA CAELI

Pjazza San Pietru
It-Tieni Ħadd tal-Għid jew tal-Ħniena Divina

24 ta’ April, 2022

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum, l-aħħar jum tal-Ottava tal-Għid, l-Evanġelju jirrakkuntalna l-ewwel u t-tieni dehra tal-Irxoxt lid-dixxipli.  Ġesù jiġi nhar l-Għid meta l-Appostli jinsabu magħluqin fiċ-ċenaklu minħabba l-biża’, iżda billi Tumas, wieħed mit-tnax, mhux magħhom, tmint ijiem wara jerġa’ jidhrilhom (cfr Ġw 20, 19-29).  Niffukaw fuq iż-żewġ protagonisti, Tumas u Ġesù, u l-ewwel inħarsu lejn id-dixxiplu u wara lejn l-Imgħallem.  Djalogu sabiħ dak li għadda bejniethom.

Qabel kollox, l-Appostlu Tumas.  Dan jirrappreżenta lilna lkoll, aħna li ma konniex preżenti fiċ-ċenaklu meta deher il-Mulej, aħna li ma kellna ebda sinjal fiżiku jew dehriet min-naħa tiegħu.  Aħna wkoll, bħal dak id-dixxiplu, kultant insibuha bi tqila: kif nistgħu nemmnu li Ġesù qam, li qed jakkumpanjana u huwa s-Sid ta’ ħajjitna, bla ma rajnieh, bla ma stajna mmissuh?  Kif nistgħu nemmnuh dan?  Għaliex il-Mulej ma jtiniex xi sinjal aktar evidenti tal-preżenza tiegħu u ta’ mħabbtu?  Xi sinjal li bih jien inkun nista’ nara aħjar...  Hekkhu, aħna wkoll bħal Tumas, bl-istess dubji, bl-istass raġunamenti.

Iżda m’għandniex nistħu minn dan.  Infatti, bir-rakkont tal-istorja ta’ Tumas, l-Evanġelju jgħidilna li l-Mulej ma jfittixx lill-insara perfetti.  Il-Mulej mhux ifittex l-insara perfetti.  Jien ngħidilkom: nibża’ meta nara xi nisrani, xi assoċjazzjoni ta’ nsara li jemmnu li huma perfetti.  Il-Mulej ma jifttixx insara perfetti; il-Mulej ma jifttixx insara li qatt ma jkollhom xi dubju u dejjem ixejru l-bandiera ta’ fidi ċerta minnha nfisha.  Meta n-nisrani jkun hekk, xi ħaġa ma tkunx qed taħdem sew.  Le, l-avventura tal-fidi, l-istess bħal Tumas, hi magħmula minn dwal u dellijiet.   Inkella x’fidi tkun?  Din tgħaddi minn żminijiet ta’ faraġ, ta’ ħeġġa u entużjażmu, imma wkoll minn għejja, fixla, dubji u żminijiet oskuri.  L-Evanġelju jurina “l-kriżi” ta’ Tumas biex jurina li m’għandniex nibżgħu mill-kriżijiet tal-ħajja u tal-fidi.  Il-kriżijiet mhumiex dnub, huma mixja, m’għandniex għalfejn nibżgħu minnhom.  Bosta drabi dawn jagħmluna umli, għax ikeċċu minna l-idea li aħna qiegħdin sew, li aħna aħjar minn oħrajn.  Il-kriżijiet jgħinuna nagħrfu li aħna bnedmin fil-bżonn: iqajmu fina l-ħtieġa ta’ Alla u jgħinuna nerġgħu lura lejn il-Mulej, immissu l-pjagi tiegħu, nerġgħu nġarrbu l-esperejnza ta’ mħabbtu, bħall-ewwel darba.  Għeżież ħuti, aħjar fidi imperfetta imma umli, li dejjem iddur lejn Ġesù, minn fidi soda mimlija prużunzjoni, li tagħmilna suppervi u arroganti.  Gwaj għal dawn, eh!

U quddiem l-assenza u l-mixja ta’ Tumas, li spiss hi wkoll tagħna, x’inhu l-atteġġjament ta’ Ġesù?  L-Evanġelju għal darbtejn jgħidilna “Hu ġie” (vv. 19.26).  L-ewwel darba, u t-tieni darba tmint ijiem wara.  Ġesù ma jaqtax qalbu, qatt ma jgħejja minna, il-kriżijiet tagħna, id-dgħufijiet tagħna, ma jbeżżgħuhx.  Hu dejjem jerġa’ jiġi: meta l-bibien ikunu magħluqin, jerġa’ jiġi: meta nintrikbu mid-dubju, jerġa’ jiġi; meta, bħal Tumas, ikollna bżonn niltaqgħu miegħu u mmissuh mill-qrib, jerġa’ jiġi.  Ġesù dejjem jerġa’ jiġi, iħabbat fuq il-bieb dejjem, u ma jiġix b’xi sinjali setgħanin li lilna jġagħaluna nħossu ċ-ċokon tagħna u nħossuna inkompetenti, anki mistħija, imma bi-pjagi tiegħu: jerġa’ jiġi jurina l-pjagi tiegħu, rahan ta’ mħabbtu li żżewġet id-dgħufijiet tagħna.

Ħuti, speċjalment meta nġarrbu l-għejja jew xi waqtiet ta’ kriżi, Ġesù, l-Irxoxt, jixtieq jerġa’ jiġi biex joqgħod magħna.  Jistenna biss li aħna nfittxuh, nitolbu bi-ħerqa, u saħansitra bħal Tumas, nipprotestaw, u noffrulu l-ħtiġijiet tagħna u n-nuqqas ta’ twemmin tagħna.  Hu dejjem jerġa’ jiġi.  Għaliex?  Għax paċenzjuz u kollu ħniena.  Jiġi biex jiftaħ iċ-ċenakli tal-biżgħat tagħna, tan-nuqqas ta’ twemmin tagħna, għax dejjem irid itina opportunità oħra.  Ġesù hu l-Mulej “tal-opportunità ġdida”: dejjem itina ċans ieħor, dejjem.

Ejjew niftakru fl-aħħar darba – nagħrblu  ftit il-memorja – li fiha, f’xi waqt diffiċli, jew f’xi żmien ta’ kriżi, ingħalaqna fina nfusna, issakkarna wara l-problemi tagħna u lil-Ġesù ħallejnih barra mid-dar.  U nwiegħdu mill-ġdid lilna nfusna, li d-darba li ġejja, imtaqqlin bil-piż, infittxu lil Ġesù, induru lura lejH, lejn il-maħfra tiegħu – Hu dejjem jaħfer, dejjem! - induru lura lejn dawk il-pjagi li fejquna.  Hekk ikollna wkoll il-ħila li ngħadru, li nersqu lejn il-pjagi tal-oħrajn, mingħajr ebusija u mingħajr preġudizzji.

Il-Madonna, Omm tal-Ħniena – jien jogħġobni niftakar fiha bħala Omma tal-Ħniena, it-Tnejn ta’ wara l-Ħadd tal-Ħniena Divina -, takkumpanjana fil-mixja tagħna tal-fidi u tal-imħabba.

 

Wara r-Regina Caeli

Għeżież ħuti,

Illum, bosta Knejjes orjentali, kattoliċi u ortodossi, kif ukoll diversi komunitajiet latini, qed jiċċelebraw l-Għid skont il-kalendarju ġuljan.  Aħna ċċelebrajnih il-Ħadd li għadda skont il-kalendarju gregorjan.  Nagħtihom l-isbaħ xewqat;  Kristu qam, Kristu qam tassew!  Ħalli jkun Hu li jimla’ bit-tama x-xewqat tajba tal-qlub.  Ħalli jkun Hu li jġib il-paċi, offiża mill-krudeltà tal-gwerra.  Propju llum jaħbat it-tieni xahar minn mindu bdiet dil-gwerra: minflok waqfet, dil-gwerra ħraxet.  Hu ta’ swied il-qalb li f’dal ġranet, li huma l-aktar qaddisa u solenni għall-insara kollha, għadna nisimgħu t-tfaqqieh mortali tal-armi minflok il-ħoss tal-qniepen li jħabbru l-qawmien; u huwa ta’ swied il-qalb li l-armi qed jieħdu post il-kelma, dejjem aktar.

Inġedded l-appell tiegħi biex ikun hemm waqfien mill-ġlied għal żmien l-Għid, l-iċken sinjal li jinħass ta’ rieda li tinkiseb il-paċi.  Ħalli jieqfu l-attakki biex jittaffew it-tbatijiet tal-popolazzjoni li waqaslet fix-xifer; ejjew nieqfu b’ubbidjenza lejn kliem l-Irxoxt, li f’jum l-Għid lid-dixxipli tiegħu itennilhom: “Il-paċi magħkom!” (Luqa 24, 36; Ġw 20, 19.21).  Nitlob lil kulħadd iżid fit-talb għall-paċi u jkollu l-kuraġġ jgħid, juri, li l-paċi hi possibbli.  Il-mexxejja politiċi, jekk jogħġobhom, ħalli jisimgħu leħen in-nies, li jridu l-paċi mhux li l-kunfitt ikompli jikber.

Rigward dan, insellem u rrodd ħajr lill-parteċipanti tal-Mixja Straordinarja Perguia-Assisi għall-paċi u l-fraternità, li qed issir illum; kif ukoll li kull min ingħaqad magħhom u organizza manifestazzjoniet simili fi bliet taljani oħra.

Illum, l-Isqfijiet tal-Camerun, flimkien mal-fidili tagħhom, qed jagħmlu pellegrinaġġ nazzjonali lejn is-Santwarju marjan ta’ Marianberg, biex jikkonsagraw mill-ġdid lil pajjiżhom lil Omm Alla u jqiegħduh taħt il-protezzjoni tagħha.  Qed jitlobu b’mod partikolari biex jerġa’ jkun hemm il-paċi f’pajjiżhom li ilu aktar minn ħames snin, f’bosta reġjuni tiegħu, imkisser minħabba l-vjolenza.  Nerfgħu aħna wkoll it-talba ħerqana tagħna, flimkien ma’ ħutna tal-Camerun, sabiex Alla, bl-interċessjoni tal-Verġni Marija, jagħti paċi vera u dejjiema il dal-pajjiż maħbub.

Insellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini li ġejtu mill-Italja u minn tant pajjiżi.  Insellem b’mod partikolari lill-pollakki, bi ħsieb lejn il-konnazzjonali tagħhom li llum qed jiċċelebraw “il-Jum tal-Ġid” imniedi mill-Caritas, u wkoll għall-vittmi tal-inċidenti fil-minjieri.  Insellem lill-fidili minn Milan, Faenza, Verolanuova, Nembro u l-volontarji tal-Ordni ta’ Malta minn Vicenza.

Tislima speċjali lill-pellegrinaġġ taż-żgħażagħ li għamlu l-Griżma minn Piacenza-Bobbio, akkumpanjati mill-Isqof tagħhom, kif ukoll liż-żgħażagħ li se jagħmlu l-Griżma minn Mondovì, Almenno San Salvatore, Albengo, Cazzago San Martino u Alta Padovana u wkoll lill-grupp minn Sant’Angelo Lodigiano u lill-ministranti minn Spirano.  Insellem lid-devoti tal-Ħniena Divina li nġabru hawn illum fil-knisja-santwarju ta Santo Spirito in Sassia; u lill-parteċipanti tal-mixja tas-Sacra di San Michele ta’ Monte Sant’Angelo.

Il-Ħadd it-tajjeb lil kulħadd!  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber