SOLENNITÀ TA' PENTEKOSTE

IL-PAPA FRANĠISKU

REGINA COELI

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd, 23 ta' Mejju, 2021

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Il-Ktieb tal-Atti tal-Appostli (cfr 2,1-11) jirrakkonta dak li ġara f'Ġerusalemm ħamsin jum wara l-Għid ta' Ġesù.  Id-dixxipli kienu miġburin fiċ-ċenaklu u magħhom kien hemm il-Verġni Marija.  Il-Mulej Irxoxt kien qalilhom biex jibqgħu fil-belt sakemm jasal fuqhom mill-għoli r-rigal tal-Ispirtu.  U dan deher permezz ta' ħoss kbir li nstama' ġej ħin bla waqt mis-sema, qiesu riħ qawwi li mela d-dar fejn kienu jinsabu (cfr v. 2).  Ifisser li kienet esperjenza reali imma wkoll simbolika.  Ħaġa li seħħet iżda li ttina wkoll messaġġ simboliku għal ħajjitna kollha.

Din l-esperjenza turina li l-Ispirtu s-Santu jixbaħ riħ qawwi u ħieles, jiġifieri jġib il-qawwa u jġibilna l-libertà: riħ qawwi u ħieles.  Ma nistgħux nikkontrollawh, inżommuh u lanqas inkejluh; lanqas nistgħu nkunu nafu mnejn hu ġej.  Ma jħalliniex indaħħluh fil-qafas tal-esiġenzi umani tagħna - aħna dejjem nippruvaw inqiegħedu kollox fil-kaxxi -, ma jippermettix li ndaħħluh fil-qafas tal-istrateġiji u l-preġudizzji tagħna.  L-Ispirtu ġej minn Alla l-Missier u minn Ibnu Ġesù Kristu u jinżel bil-qawwa fil-Knisja, jinżel bil-qawwa fuq kull wieħed u waħda minna, biex jagħti l-ħajja lill-moħħna u lil-qalbna.  Kif jgħid il-Kredu: "Hu l-Mulej li jagħti l-ħajja".  Tiegħu hi s-sinjorija għax hu Alla u jagħti l-ħajja.

Nhar il-Pentekoste d-dixxipli kienu għadhom mifxulin u mbeżżgħin.  Kien għad ma kellhomx il-kuraġġ li joħorġu fil-miftuh.  U aħna wkoll, kultant jiġri, li nippreferu nibqgħu qalb il-ħitan kennija tal-ambjenti tagħna.  Imma l-Mulej jaf kif jilħaqna u kif jiftaħ il-bibien ta' qlubna.  Hu jsawwab fuqna l-Ispirtu s-Santu li jiksina u jegħleb l-inċertezzi tagħna, ikisser id-difiżi tagħna, iħott is-sigurezzi foloz tagħna.  L-Ispirtu jagħmilna ħlejjaq ġodda l-istess kif għamel dakinhar mal-Appostli: iġeddidna, ħlejjaq ġodda.

U wara li rċevew l-Ispirtu s-Santu ma baqgħux kif kienu qabel - bidilhom -,  ħarġu, ħarġu bla biża' u bdew jipprietkaw lil Ġesù, jipprietkaw li Ġesù rxoxta, li l-Mulej magħna, b'mod li kulħadd beda jifhimhom bl-ilsien tiegħu.  Għax l-Ispirtu huwa universali, ma jneħħilniex id-differenzi kulturali, id-differenzi tal-ħsieb, le, hu għal kulħadd imma kulħadd jifhmu fil-kultura tiegħu, fl-ilsien tiegħu.  L-Ispirtu jibdel il-qalb, iwessa' l-ħarsa tad-dixxipli.  Itihom il-ħila li jxandru ma' kulħadd l-opri kbar ta' Alla, bla limiti, imorru 'l hinn mill-konfini kulturali u l-konfini reliġjużi il-qafas li fih huma kienu mdorrijin jgħixu u jaħsbu.  Lill-Appostli jtihom il-ħila li jilħqu lill-oħrajn bir-rispett lejn kemm dawn jifilħu jisimgħu u jifhmu, fil-kultura u fil-lingwaġġ ta' kull wieħed u waħda (vv. 5-11).  Fi kliem ieħor, l-Ispirtu jdaħħal komunikazzjoni bejn persuni differenti u jġib l-għaqda u l-universalità tal-Knisja.

U llum, dil-verità tgħallimna ħafna, dir-realtà tal-Ispirtu s-Santu, fejn fil-Knisja hemm gruppi żgħar li dejjem ifittxu l-firda, li jinqatgħu minn mal-oħrajn.  Dan mhuwiex l-Ispirtu t'Alla.  L-Ispirtu t'Alla hu armonija, għaqda, jgħaqqad flimkien id-differenzi.  Kardinal bravu li kien Arċisqof ta' Genova kien jgħid, li l-Knisja tixbaħ xmara:  l-importanti hu li tkun fiha; jekk tkun xi ftit imġenneb naħa jew oħra mhux importanti, l-Ispirtu s-Santu jġib l-għaqda.  Kien juża t-tixbiha tax-xmara.  L-importanti hu li tkun fiha bl-għaqda tal-Ispirtu u ma toqgħodx tfettaq dwar irqaqat li int tinsab xi ftit 'l hawn jew ftit 'l hemm, li int titlob b'xi mod jew ieħor.....  Dan mhux ta' Alla.  Il-Knisja hi għal kulħadd kif uriena l-Ispirtu s-Santu nhar il-Pntekoste.

Nitolbu llum lill-Verġni Marija, Omm il-Knisja, biex tinterċedi għalina ħalli l-Ispirtu s-Santu jinżel bl-abbundanza u jimla l-qlub tal-fidili u jkebbes f'kulħadd in-nar ta' mħabbtu.

 

Wara r-Regina Caeli

 

Għeżież ħuti!

Inqiegħed fit-talb tagħkom ilkoll is-sitwazzjoni fil-Kolombja li għadha tkun ta' tħassib.  F'dis-solennità ta' Pentekoste nitlob biex il-maħbub poplu tal-Kolombja jagħraf jilqa' d-doni tal-Ispirtu s-Santu sabiex permezz ta' djalogu serju, jkun jista' jsib soluzzjonijiet ġusti għall-ħafna problemi li qed iġegħluh ibati, speċjament l-aktar foqra, minħabba l-pandemija.  Inħeġġeġ lil kulħadd biex, għal raġunijiet umanitarji, jevita attitudnijiet ta' ħsara għall-popolazzjoni hi u tħaddem id-dritt li tipprotesta paċifikament.

Nitolbu wkoll għall-popolazzjoni tal-belt ta' Goma, fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, li kellha taħrab minħabba l-iżbruffar tal-vulkan kbir Nyiragongo.

Il-fidili kattoliċi taċ-Ċina għada jiċċelebraw il-festa tal-Beata Verġni Maria, Għajnuna tal-Insara u patruna ċelesti tal-pajjiż kbir tagħhom.  Omm il-Mulej u Omm il-Knisja hi meqjuma b'devozzjoni partikolari fis-Santwarju ta' Sheshan, f'Shangai u l-familji nsara jitolbuha bla heda waqt il-provi u fit-tamiet tal-ħajja ta' kuljum.  Kemm hu sew u kemm hu meħtieġ li l-membri tal-familja u tal-komunità nisranija jkunu dejjem aktar magħqudin fl-imħabba u l-fidi!  B'hekk, il-ġenituri u l-ulied, in-nanniet u t-tfal, ir-rgħajja u l-fidili jkunu jistgħu jimxu fuq l-eżempju tal-ewwel dixxipli li fis-solennità ta' Pentekoste, kienu ħaġa waħda fit-talb flimkien ma' Marija.  Nistedinkom għalhekk, biex takkumpanjaw bit-talb ħerqan lill-fidili nsara taċ-Ċina, ħutna l-aktar għeżież li jien ngħozz fil-qiegħ ta' qalbi.  L-Ispirtu s-Santu, il-protagonist tal-missjoni tal-Knisja fid-dinja jmexxihom u jgħinhom ikunu ħabbara tal-Bxara t-Tajba, xhieda ta' tjubija u ta' karità u bennejja tal-ġustizzja u l-paċi fil-patrija tagħhom.

U la qed nitkellmu dwar il-festa ta' għada, Marija Għajnuna tal-Insara, ħsiebi idur lejn is-Sależjani rġiel u nisa, li jaħdmu ħafna u ħafna fil-Knisja ma' min hu l-aktar imbiegħed, mal-aktar emarġinati, maż-żgħażagħ.  Jalla l-Mulej iberikom u jsaħħaħhom b'ħafna vokazzjonijiet qaddisa!

Għada tiġi fi tmiemha s-Sena Laudato si'.  Irrodd ħajr lil kullmin ħa sehem b'ħafna innizjattivi madwar id-dinja kollha.  Hi mixja li rridu nkomplu nagħmlu flimkien b'widnejna miftuħa għall-għajta tal-Art u tal-foqra.  Għaldaqstant se tibda' minnufih "il-Pjattaforma Laudato si'",  mixja ta'seba' snin ta' ħidma li tkun ta' gwida għall-familji, għall-komunitajiet parrokkjali, għall-movimenti, għall-organizzazzjonijiet, għall-istituti reliġjużi sabiex jibdew jgħixu stil ta' ħajja sostenibbli.  U awguri lill-bosta animaturi li llum jirċievu l-mandat li jxerrdu l-Evanġelju tal-Ħolqien u biex iħarsu u jikkuraw id-dar komuni tagħna.

Insellem minn qalbi lilkom ilkoll li ġejtu minn Ruma, mill-Italja u minn pajjiżi oħra.  Qed nara hawn il-Polonja, il-Messiku, iċ-Ċile, il-Panama u tant oħrajn....  Qed nara l-bnadar hemmhekk: il-Kolombja.  Grazzi talli qiegħdin hawn!  Insellem partikolarment liż-żgħażagħ tal-Moviment tal-Fokolarini... Storbjużi dawn il-Fokolarini!  U lill-parteċipanti tal-"Mixja ta' ħbiberija flimkien mal-forzi tal-Ordni"

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber