IL-PAPĠISKU

REGINA CAELI

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 23 ta’ April 2023

 

Għeżież Ħuti, il-jum it-tajjeb!

F’dat-tielet Ħadd tal-Għid l-Evanġelju jirrakkonta l-laqgħa ta’ Ġesù rxoxt mad-dixxipli ta’ Għemmaws.  Dawn huma żewġ dixxipli illi, rassenjati minħabba l-mewt tal-Imgħallem, fil-jum tal-Għid jaqtugħha li jitilqu minn Ġerusalemm biex jerġgħu lura lejn darhom.  Forsi kienu xi ftit imħassbin għax kienu semgħu lin-nisa li ġew minn fejn il-qabar jgħidu li sabuh vojt..., imma jitilqu lura xorta waħda.  U waqt li mexjin, bil-geddum, jitħaddtu dwar li ġara, Ġesù jersaq ħdejhom, iżda huma ma jgħarfuhx.  Hu jistqasihom għaliex kienu qalbhom sewda u huma jgħidulu: “Inti waħdek il-barrani f’Ġerusalemm li ma tafx x’ġara hemmhekk f’dawn il-jiem?” (v. 18).  U Ġesù jwieġeb: “X’ġara?” (v. 19).  U huma jirrakkuntawlu l-istorja kollha, u Ġesù jħallihom jirrakkuntawha.  Imbagħad, huma u mexjin jgħinhom jaqraw il-fatti mill-ġdid b’mod differenti, fid-dawl tal-profeziji, tal-Kelma t’Alla, ta’ dak kollu lil kien imħabbar lill-poplu ta’ Iżrael.  Qraulhom mill-ġdid: dak għamel Ġesù magħhom, għenhom jerġgħu jaqraw.  Nieqfu fuq dan l-aspett.

Infatti, għalina wkoll hu importanti naqraw mill-ġdid l-istorja tagħna flimkien ma’ Ġesù: l-istorja ta’ ħajjitna, ta’ xi perjodu partikolari, ta’ jiemna, bid-delużjonijiet u t-tamiet.  Aħna wkoll, wara kollox, bħal dawk id-dixxipli, quddiem dak li jiġrielna nistgħu nħossuna mitlufin, quddiem il-ġrajjiet inħossuna waħedna u inċerti, b’ħafna mistoqsijiet u preokkupazzjonijiet, delużjonijiet, u tant sitwazzjonijiet oħra. L-Evanġelju tal-lum jistedinna nirrakkuntaw kollox lil Ġesù, bis-sinċerità, bla ma naħsbu lil qed niddisturbawh – Hu jisma’ -, bla biża’, bla ma nistħu mill-fatt li nsibuha bi tqila nifhmu.  Il-Mulej ikun kuntent meta ninfetħu għalih; hekk biss ikun jista’ jaqbadna minn idejna, jakkumpanjana u jerġa’ jħeġġilna qlubna mill-ġdid (cfr v. 32).  Allura, aħna wkoll bħad-dixxipli ta’ Għemmaws, għandna sejħa biex inqattgħu ftit ħin miegħu ħalli meta jsr filgħaxija, Hu jibqa’ magħna (cfr v.29)

Hemm mod sabiħ kif nagħmlu dan, u llum irrid nissuġġerihulkom: jikkonsisti filli niddedikaw ħin, kull filgħaxija, biex nagħmlu ftit eżami tal-kuxjenza.  X’ġara llum ġewwa fija?  Din hi l-mistoqsija.  Ifisser li nerġgħu neżaminaw il-ġurnata tagħna flimkien ma’ Ġesù, neżaminaw mill-ġdid il-ġurnata tagħna: niftħulu qlubna, u rressqulu lill-persuni, l-għażliet, il-biżgħat, il-waqgħat u t-tamiet, kulma nkunu għaddejna minnu; biex ftit ftit nitgħallmu nħarsu lejn l-affarijiet b’għajnejn differenti, bl-għajnejn tiegħu u mhux b’tagħna biss.  B’hekk inkunu nistgħu nerġgħu ngħixu mill-ġdid l-esperjenza ta’ dawk iż-żewġ dixxipli.  Quddiem l-imħabba ta’ Kristu, ukoll dak li kien jidher tqil u fallut jista’ jidher f’dawl ieħor: salib li diffiċli naċċettawh, l-għażla li naħfru xi offiża, tpattija li ma rnexxitiliniex, it-toqol tax-xogħol, is-sinċerità li fiha prezz, il-provi tal-ħajja tal-familja jistgħu jidhru f’dawl ġdid, id-dawl tal-Imsallab Irxuxtat, li minn kull waqa’ jaf imidd pass ‘il quddiem.  Imma biex nagħmlu dan jeħtieġ inneħħu minna kull sens ta’ difiża: inħallu żmien u spazju għal Ġesù, ma naħbulu xejn, irresqu quddiemu l-miżerji tagħna, inħallu l-verità tiegħu iġġeraħna, inħallu qalbna titriegħed man-nifs tal-Kelma tiegħu.

Nistgħu nibdew mil-lum, illejla niddedikaw waqt ta’ talb li tulu nsaqsu lilna nfusna: kif kienet il-ġurnata tiegħi?  Liema ferħat, liema swied il-qalb, liema ksir ir-ras.... Kif kienet, x’ġara? Liema kienu l-perli tagħha, forsi moħbijin, li għandi rrodd ħajr għalihom?  Kien hemm xi ftit tal-imħabba f’dak li għamilt?  U liema kienu l-waqgħat, is-swied il-qalb, id-dubji u l-biżgħat li għandi rressaq lil Ġesù sabiex jiftaħli toroq ġodda, jerfgħani u jtini l-kuraġġ?  Marija, Verġni għarfa, tgħinna nagħrfu lil Ġesù li jimxi magħna u tgħinna wkoll nagħrfu neżaminaw mill-ġdid – din il-kelma – neżaminaw mill-ġdid – flimkien miegħu, kull jum ta’ ħajjitna.

 

Wara r-Regina Caeli

Għeżież ħuti!

Ilbieraħ f’Pariġi kienu beatifikati Enrico Planchat, saċerdot tal-Kongregazzjoni ta’ San Vinċenz de Paoli, Ladislao Radigue u tliet sħabhom, saċerdoti tal-Kongregazzjoni tal-Qlub Imqaddsa ta’ Ġesù u Marija.  Ragħajja mqanqlin minn żelu appostoliku; torbothom flimkien ix-xhieda tal-fidi sal-martirju li ġarrbu f’Pariġi fl-1871, fi żmien magħruf bħala “l-Comune” pariġina.  Applaws lill-beati l-ġodda.

Ilbieraħ iċċelebrajna wkoll il-Jum Dinji tal-Art.  Nawgura li l-impenn għall-kura tal-ħolqien ikun dejjem marbut ma’ solidarjetà effettiva mal-aktar foqra.

Sfortunatament, is-sitwazzjoni fis-Sudan għadha gravi, għalhekk inġedded l-appell tiegħi sabiex mill-aktar fis tieqaf il-vjolenza u terġa tibda t-triq tad-djalogu.  Nistedinkom titolbu għal ħutna sudaniżi.

Illum hu d-99 Jum tal-Università Kattolika tal-Qalb Inqaddsa, bit-tema Għall-imħabba tal-għarfien.  L-isfidi ta’ umaneżimu ġdid.  Nawgura lil din l-akbar università kattolika tal-Italja, li taffronta dawn l-isfidi bl-ispirtu tal-fundaturi, partikolarment iż-żgħażugħa Armida Barelli, li kienet dikjarata Beata, sena ilu.

Nhar il-Ġimgħa li ġej sejjer fuq vjaġġ ta’ tlett ijiem f’Budapest, l-Ungerija, biex intemm il-vjaġġ mibdi fl-2021 fl-okkażjoni tal-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali.  Se tkun okkażjoni biex inħaddan mill-ġdid lil dik il-Knisja u lil dak il-poplu tant għeżież.  Se jkun ukoll vjaġġ fil-qalba tal-Ewropa, li għadha maħkuma mir-reżha tal-gwerra, waqt li l-ispustament ta’ tant persuni jobbligana niffaċċjaw kwistjonijiet umanitarji urġenti.  Imma issa rrid indur lejkom b’għożża ħuti ungeriżi, bl-istennija lil nżurkom bħala pellegrin, ħabib u sieħeb kulħadd, u li niltaqa’, fost l-oħrajn, mal-Awtoritajiet tagħkom, mal-Isqfijiet, mas-saċerdoti u l-persuni konsagrati, maż-żgħażagħ, mal-universitarji u mal-foqra.  Naf li qed tħejju għaż-żjara tiegħi b’impenn kbir: irroddilkom ħajr għal dan minn qalbi.  U nitlob lil kulħadd jakkumpanjani f’dal-vjaġġ bit-talb.

U ma ninsewx lil ħutna ukreni li għadhom ibatu minħabba dil-gwerra.

Insellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini mill-Italja u minn bosta pajjiżi – qed nara ħafna bnadar ta’ ħafna pajjiżi -, b’mod partikolari lil dawk minn Salamanca u l-istudenti minn Albacete, kif ukoll lill grupp tal-korp tal-għajnuna tal-Ordni ta’ Malta mill Veneto u t-Trentino.

Insellem lill-fidili minn Ferrara u Grumello del Monte; lill-komunità tal-Iskola Djoċesana minn Lodi; liż-żgħażagħ minn diversi nħawi tad-djoċesijiet ta’ Alba, Bergamo, Como u Milan; lill-adoloxxenti li se jagħmlu l-Griżma minn bosta parroċċi taljani; lill-istudenti tal-Istitut Sacro Cuore minn Cadoneghe; lill-koperattiva “Volœntieri” minn Casoli u lill-grupp “Mototurismo” minn Agna.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb; u, jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber