IL-PAPA FRANĠISKU

REGINA CAELI

Pjazza San Pietru

22 ta’ Mejju, 2022

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fl-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum huhu jagħti l-addio lid-dixxipli tiegħu waqt l-Aħħar Ikla, Ġesù jgħid, qiesu xi forma ta’ testment: “Inħallilkom is-sliem”.  U minnufih iżid: “Intikom is-sliem tiegħi” (Ġw 14, 27).  Nieqfu fuq dawn iż-żewġ sentenzi qosra.

Qabel xejn intikom is-sliem tiegħi.  Ġesù jsellem bi kliem li jesprimu għożża u serenità, imma dan jagħmlu f’waqt li hu kollox minbarra seren.  Ġuda ħareġ biex imur jittradih, Pietru se jiċħdu, u kważi lkoll se jabbandunawh: il-Mulej jafu dan, madankollu ma jċanfarx, ma jużax kliem qawwi, ma jagħmilx diskorsi iebsin.  Minflok juri ansjetà jibqa’ ġentili sal-aħħar.  Proverbju jgħid li bniedem imut kif għex.  L-aħħar siegħat ta’ Ġesù fil-fatt jiġbru fihom l-essenza ta’ ħajtu kollha.  Qed iħoss biża’ u wġiegħ, imma ma jagħtix lok għall-mibegħda u l-protesta.  Ma jinħakimx mill-imrar, ma jisfugax, mhux intolleranti.  Jinsab fil-paċi, paċi ġejja minn qalbu mansweta, li fiha tgħammar il-fiduċja.  U minn hawn tgelgel il-paċi li jħallielna Ġesù.  Għax lill-oħrajn ma tista’ qatt tħallilhom il-paċi jekk qabel ma tinsabx fik.  Il-paċi ma tistax tingħata jekk bniedem mhux fil-paċi.

Inħallielkom is-sliem.  Ġesù juri li l-manswetudni hi possibbli.  Hu inkarnaha propju fil-waqt l-aktar diffiċli; u jixtieq illi aħna wkoll inġibu ruħna l-istess, aħna werrieta tal-paċi tiegħu.  Iridna nkunu mansweti, miftuħin, disponibbli biex nisimgħu, bil-ħila li ma nħallux il-kunflitti jisplodu, li ninsġu l-armonija.  Din hi x-xhieda li nagħtu ta’ Ġesù u tiswa aktar minn elf kelma jew ħafna prietki.  Ix-xhieda tal-paċi,  Insaqsu lilna nfusna, fil-postijiet fejn ngħixu, aħna, dixxipli ta’ Ġesù, inġibu ruħna hekk: irraqqdu t-tensjonijiet, nitfu l-kunflitti?  Aħna difirna miksur ma’ xi ħadd, dejjem lesti biex nirreaġixxu, nisplodu, jew nafu nwieġbu bin-non-vjolenza, nafu nwieġbu b’ġesti u kliem ta’ paċi?  Kulħadd isaqsi lilu nnifsu.

Ċertament dil-manswetudni mhix faċli: kemm insibuha bi tqila, f’kull livell, biex ninnewtralizzaw il-kunflitti!  Hawnhekk hi ta’ għajnuna t-tieni sentenza ta’ Ġesù: intikom is-sliem tiegħi.  Ġesù jaf li waħedna qatt m’għandna ħila nħarsu l-paċi, li għandna bżonn l-għajnuna, don.  Il-paċi, li hi impenn tagħna, qabel kollox hi don ta’ Alla.  Infatti Ġesù jgħid: “Intikom is-sliem tiegħi.  Ma nagħtihulkomx kif ittihulkom id-dinja” (v. 27)  X’inhi dil-paċi li d-dinja ma tafhiex, li jirregalalna l-Mulej?  Dil-paċi hi l-Ispirtu ta’ Ġesù.  Hi l-preżenza t’Alla fina, hi “l-qawwa tal-paċi” ta’ Alla.  Hija Hu, l-Ispirtu s-Santu, li jrattab il-qalb u jimlieha bl-hena.  Hija Hu, L-Ispirtu s-Santu li jħoll l-ebusija u jitfi t-tentazzjoni li nattakkaw lill-oħrajn.  Hija Hu, l-Ispirtu s-Santu li jfakkarna li ħdejna hemm ħutna mhux ostakli jew għedewwa.  Hija Hu, l-Ispirtu s-Santu, li jtina l-qawwa li naħfru, li nerġgħu nibdew, li nerġgħu nitilqu, għax bil-ħiliet tagħna biss ma naslux.  U huwa bih, bl-Ispirtu s-Santu, li nsiru rġiel u nisa ta’ paċi.

Għeżież ħuti, ebda dnub, ebda falliment, ebda rankur m’għandu jaqtgħalna qalbna biex nibqgħu nitolbu b’insistenza d-don tal-Ispirtu s-Santu sabiex jtina l-paċi.  Aktar ma nħossu qalbna mħawda, aktar ma nħossuna nervużi, insofferenti, irrabjati, aktar għandna nitolbu mingħand il-Mulej l-Ispirtu tal-paċi.  Nitgħallmu ngħidu ta’ kuljum: “Mulej, tini l-paċi tiegħek, tini l-Ispirtu s-Santu”.  Talba sabiħa.  Ngħiduha flimkien? “Mulej, tini l-paċi tiegħek, tini l-Ispirtu s-Santu”.  Ma smajtkomx sew, darb’oħra: “Mulej, tini l-paċi tiegħek, tini l-Ispirtu s-Santu”.  U nitolbu wkoll għal min jgħix qrib tagħna, għal min niltaqgħu miegħu ta’ kuljum, għal min hu responsabbli fost in-nazzjonijiet.

Il-Madonna tgħinna nilqgħu l-Ispirtu s-Santu biex inkunu operaturi tal-paċi.

 

Wara r-Regina Caeli

Għeżież ħuti!

Illum waranofsinhar, f’Lione, se tkun beatifikata Paolina Maria Jaricot, fundatriċi tal-Opra tal-Propagazzjoni tal-Fidi, biex tkun ta’ għajnuna għall-missjonijiet.  Din il-fidila lajka, li għexet fl-ewwel nofs tas-seklu dsatax, kienet mara kuraġġuża, attenta għat-tibdil taż-żmien u kellha viżjoni universali ta’ x’inhi l-missjoni tal-Knisja.  Jalla l-eżempju tagħha jqanqal fina lkoll ix-xewqa li nkunu sehem, bit-talb u l-karità, fit-tixrid tal-Evanġelju fid-dinja.  Applaws lill-Beata l-ġdida!

Illum tibda l-Ġimgħa Laudato si’, biex nisimgħu dejjem aktar il-karba tad-Dinja li tixprunana ħalli flimkien naħdmu biex nieħdu ħsieb id-dar komuni tagħna.  Irrodd ħajr lid-Dikasteru għas-Servizz tal-Iżvilupp Uman Integrali u lill-bosta organizzazzjonijiet magħqudin miegħu, u nistieden lil kulħadd jagħti sehemu.

Nhar it-Tlieta li ġej issir it-tifkira tal-Beata Verġni Marija Għajnuna tal-Insara, tant għażiża għall-kattoliċi taċ-Ċina, li jqimu lill-Awżiljatriċi bħala l-Patruna tagħhom, fis-Santwarju ta’ Sheshan, f’Shangai, f’għadd kbir tal-knejjes madwar il-pajjiż u fi fdjarhom.

Diċ-ċirkostanza sabiħa ttini l-okkażjoni biex intennilhom u niżgurahom li jien qribhom spiritwalment; qed insegwi b’attenzjoni u parteċipazzjoni l-ħajja u l-ġrajjiet tal-fidili u r-rgħajja, spiss ikkumplikati, u nitlob għalihom kuljum.  Nistedinkom tingħaqdu miegħi f’din it-talba sabiex il-Knisja fiċ-Ċina, bil-libertà u l-kalma, tkun tista’ tibda tgħix f’komunjoni effettiva mal-Knisja universali u teżerċita l-missjoni tagħha ta’ tħabbir tal-Evanġelju lil kulħadd, u tagħti hi wkoll sehem pożittiv lejn il-progress spiritwali u materjali tas-soċjetà.

U nsellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini mill-Italja u minn tant pajjiżi.  Insellem b’mod partikolari lill-fidili minn Spanja, mill-Portugall, minn Franza, mill-Belġju, mill-Polona u minn Portorico; lis-saċerdoti mill-Ekwador; lill-komunità Emmaus minn Foggia; lill-volvontarji tas-Soccorso di Saint-Pierre (Aosta), lill-istudenti minn Verona u lill-adoloxxenti minn Sombreno, fid-djoċesi ta’ Bergamo.

Insellem lil kulmin ħa sehem hawn f’Ruma, fil-manifestazzjoni nazzjonali “Nagħżlu l-Ħajja”.  Irroddilkom ħajr għall-impenn tagħkom favur il-ħajja u biex tiddefendu l-objezzjoni tal-kuxjenza, li spiss hemm it-tentazzjoni li tkun imxekkla.  Sfortunatament, dawn l-aħħar snin kien hemm bidla fil-mentalità komuni u llum dejjem aktar immilu lejn l-idea li l-ħajja hi oġġett li nużawh kif jidhrilna, li nwelldu jew noqtlu kif jidhrilna, qiesu li li t-tmiem hu esklussivament għażla personali.  Niftakru li l-ħajja hi don ta’ Alla!  Hi dejjem sagra u inaljenabbli, u m’għandniex insikktu l-leħen tal-kuxjenza.

Il-Ħadd it-tajjeb lilkom ikoll!  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber