IL-PAPA FRANĠISKU

REGINA CAELI

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 21 ta’ Mejju, 2023

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum, fl-Italja u f’ħafna pajjiżi oħra qed issir iċ-ċelebrazzjoni tal-Tlugh fis-Sema tal-Mulej.  Festa li nafuha sewwa iżda li tista’ tqanqal xi ftit mistoqsijiet, tnejn tal-anqas.  L-ewwel waħda: għaliex qed nagħmlu festa lit-tluq ta’ Ġesù mid-dinja?  Donnu jidher li t-tluq tiegħu hu mument ta’ niket, mhux eżattament xi ħaġa li tferraħ!  Għaliex qed niffesteġġjaw tluq?  L-ewwel mistoqsija.  It-tieni mistoqsija: x’qed jagħmel issa Ġesù fis-sema?  L-ewwel mistoqsija: għaliex il-festa?  It-tieni mistoqsija: x’qed jagħmel Ġesù fis-sema?

Għala qed nagħmlu festa.  Għax bit-Tlugħ fis-Sema ġrat xi ħaġa ġdida u mill-isbaħ: Ġesù ħa miegħu l-umanità tagħna, laħamna, fis-sema – għall-ewwel darba! -, jiġifieri ħadha fi ħdan il-Missier.   Dik l-umanità, li kien għamel tiegħu fid-dinja, ma baqgħetx hawn.  Ġesù Rxoxt ma kienx spirtu, le, kellu ġisem uman, il-laħam, l-għadam, kollox, u hemm, f’Alla, għad jibqa’ għal dejjem.   Nistgħu ngħidu li mill-jum tat-Tlugħ fis-Sema, Alla nnifsu “nbidel”: minn dakinhar ma baqax aktar biss spirtu, imma tant iħobbna li jġorr fuqu l-istess laħamna, l-umanità tagħna!  Għalhekk l-imkien li aħna intitolati għalih ġie muri lilna, id-destin tagħna hemm jinsab.  Hekk kien kiteb ukoll Missier tal-fidi tal-qedem: “Aħbar meraviljuża!  Dak li sar bniedem għalina (...) biex jagħmilna ħutu, jippreżenta ruħu bħala bniedem quddiem il-Missier, biex jieħu miegħu lil dawk kollha li huma magħqudin miegħu (San Girgor ta’ Nissa, Diskors dwar il-Qawmien ta’ Kristu, 1).  Illum qed niffesteġġjaw “il-kisba tas-sema”: Ġesù jerġa’ lura għand il-Missier imma bl-umanità tagħna.  B’hekk is-sema diġà hu xi ftit jew wisq tagħna.  Ġesù fetaħ il-bieb u l-ġisem tiegħu hemm jinsab.

It-tieni mistoqsija: x’qed jagħmel Ġesù fis-sema?  Hu jinsab quddiem il-Missier għalina, il-ħin kollu jurih l-umanità tagħna, jurih il-pjagi.  L-hena tiegħi naħseb li quddiem il-Missier, Ġesù jitlob hekk, billi jurih il-pjagi.  “Dan hu dak li sofrejt għall-bnedmin: agħmel xi ħaġa!”  Jurih il-prezz tal-fidwa, u l-Missier iħossu mqanqal.  Din hi ħaġa li nħobb naħseb dwarha.  Hekk jitlob Ġesù.  Hu ma ħalliniex waħedna.  Infatti, qabel ma tela’, qalilna, kif jgħidilna l-Evanġelju tal-lum: “Jien magħkom dejjem sal-aħħar taż-żmien” (Mt 28,20).  Dejjem magħna, jarana, dejjem “ħaj biex jidħol għalina” (Lhud 7,25), biex jaqbeż għalina.  Biex juri l-pjagi tiegħu lill-Missier minħabba fina.  Fi kliem ieħor, Ġesù jinterċedi; jinsab “fl-aħjar post” quddiem Missieru u Missierna, biex jinterċedi għall-vantaġġ tagħna.

L-interċessjoni hi fundamentali.  Għalina wkoll dil-fidi hi għajnuna: tgħinna biex ma nitilfux it-tama, biex ma naqtgħux qalbna.  Quddiem il-Missier hemm xi ħadd li qed jurih il-pjagi u jaqbeż għalina.  Ir-Reġina tas-Smewwiet tgħinna biex ninterċedu bil-qawwa tat-talb.

 

Wara r-Regina Caeli

Għeżież ħuti!

Hu ta’ swied il-qalb, imma xahar wara li faqqħet il-vjolenza fis-Sudan, is-sitwazzjoni għadha gravi.  Jien u nagħmel kuraġġ lill-ftehim parzjali li ntlaħaq s’issa, inġedded l-appell ħerqan tiegħi sabiex jissiktu l-armi, u nitlob lill-komunità internazzjonali biex ma jibqgħux lura u jagħmlu kull sforz meħtieġ biex jibda’ jsaltan id-djalogu u tittaffa t-tbatija tal-popolazzjoni.  Jekk jogħġobkom, ma nidrawx il-kunflitti u l-vjolenza.  Ma nidrawx il-gwerra!  U nkomplu nkunu qrib il-poplu ukren imbiċċer.

Illum hu l-Jum Dinji tal-Komunikazzjonijiet Soċjali bit-tema: Nitkellmu mill-qalb.  Hi l-qalb li timbuttana biex ikollna komunikazzjoni miftuħa u akkoljenti.  Insellem lill-ġurnalisti u lill-operaturi tal-komunikazzjonijiet soċjali li hawn preżenti, irroddilhom ħajr għax-xogħol li jagħmlu u nawgura li dejjem ikun ta’ servizz għall-verità u l-ġid komuni.  Applaws lill-ġurnalisti!

Illum tibda l-Ġimgħa tal-Laudato si’.  Irrodd ħajr lid-Dikasteru għas-Servizz u l-Iżvilupp Umana Integrali u lill-għadd tal-organizzazzjonijiet imseħbin; u nistieden lil kulħadd jieħu ħsieb id-dar komuni tagħna; hemm bżonn kbir li nxierku flimkien il-kompetenzi u l-kreattività!  Ifakkruna f’dan id-diżastri li seħħew dan l-aħħar bħalma hu l-għarar li f’dal-ġranet laqat lill-Emnilia Romagna.  Jien inġedded minn qalbi l-qrubija tiegħi lejn dik il-popolazzjoni.  Issa se jitqassam fil-pjazza ktejjeb dwar il-Laudato si’, imħejji  mid-Dikasteru b’kollaborazzjoni mal-Istitut Ambjentali ta’ Stokkolma.

Insellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini minn bosta pajjiżi... Qed nara ħafna bnadar, merħba!  Insellem b’mod partikolari lis-Sorijiet Franġiskani ta’ Santa Eliżabetta mill-Indoneżja – mill-bogħod! -, lill-fidili minn Malta, mill-Mali, mill-Arġentina, mill-gżira Curaçao fil-Karaibi u l-Banda minn Puerto Rico.  Nieħu pjaċir nismagħkom iddoqqu, wara!

Insellem ukoll lill-pellegrinaġġ djoċesan minn Alessandria; lill-adoloxxenti li għamlu l-Griżma mid-djoċesi ta’ Genova, li ltqajt magħhom ilbieraħ f’Santa Marta, bil-kappell aħmar, bravi!; lill-gruppi parrokkjali mill-Molise, minn Scandicci, Grotte u Grumo Nevano; lill-asoċjazzjonijiet impenjati fid-difiża tal-ħajja umana; lill-kor ġovanili “Emil Komel” minn Gorizia; lill-iskejjel “Caterina di Santa Rosa” u “Sant’Orsola” minn Ruma u liż-żgħażagħ tal-Immacolata.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Jekk jogħġobkom, tinsewx.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber