IL-PAPA FRANĠISKU

REGINA CAELI

Pjazza San Pietru

IV Ħadd tal-Għid, 21 ta’ April, 2024

 

Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!

Dal-Ħadd hu dedikat lil Ġesù ir-Ragħaj it-Tajjeb.  Fl-Evanġelju tal-lum (cfr Ġw 10,11-18)  Ġesù jgħid : «Ir-Ragħaj it-Tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu» (v. 11) u jinsisti fuq dan l-aspett, tant illi jitennieha tliet darbiet (cfr vv. 11.15.17).  Imma jien insaqsi: f’liema sens ir-ragħaj jagħti ħajtu għan-nagħaġ ?

Ir-ragħaj, speċjalment fi żmien Kristu, ma kienx sempliċi mestjier, kien ħajja sħiħa: ma kienx xogħol part time, imma li (r-ragħaj) iqatta’ jiemu u anki l-iljieli tiegħu, man-nagħaġ, jgħix – irrid ngħid – f’relazzjoni armonjuża magħhom.  Infatti Ġesù jispjega li Hu mhux merċenarju, li ma jimpurtahx min-nagħaġ (cfr v. 13), imma dak li jafhom (cfr v. 14): Hu jaf in-nagħaġ tiegħu.  Hekk magħmul Hu, il-Mulej, ragħaj tagħna lkoll, jafna, lil kull wieħed u waħda minna, isejħilna b’isimna, u meta nintilfu, jibqa’ jfittixna sa ma jsibna (cfr Lq 15,4-5).  Aktar:  Ġesù mhux biss hu ragħaj tal-affari tiegħu li jaqsam ħajtu mal-merħla; Ġesù huwa r-Ragħaj it-Tajjeb li għalina ħallas b’ħajtu u, meta rxoxta, tana l-Ispirtu tiegħu. 

Dan irid jgħidilna l-Mulej bit-tixbiha tar-Ragħaj it-Tajjeb: mhux biss li hu l-gwida, il-Kap tal-merħla, imma li fuq kollox jaħseb f’kull wieħed u waħda minna, u jiftakar fina bħala l-imħabba ta’ ħajtu.  Niftakruh dan: jien importanti għal-Kristu.  Hu jaħseb fija, jien insostitwibbli, niswa l-prezz infinit ta’ ħajtu.  U din mhix xi clichè: Hu verament ta ħajtu għalija, miet u rxoxta għalija.  Għaliex?  Għax iħobbni u fija jsib dik is-sbuħija li spiss lanqas jien ma naraha.

Ħuti, kemm bnedmin illum iħossuhom bla siwi jew saħansitra li huma żball!  Kemm drabi naħsbu li l-valur tagħna jiddependi mill-miri li jirnexxielna nilħqu, mis-suċċess f’għajnejn id-dinja, mill-ġudizzju tal-oħrajn!  U kemm drabi nintremew għal kull ħaġa ta’ xejn!  Illum Ġesù qed jgħidilna li għalih aħna għandna valur, ħafna u dejjem.  U allura, biex nerġgħu nsibu lilna nfusna, l-ewwel ħaġa li għandna nagħmlu hi li noqgħodu fil-preżenza tiegħu, inħalluh jilqgħana u jerfgħana fid-dirgħajn mimlija mħabba tiegħu, ir-Ragħaj it-Tajjeb.

Ħuti, insaqsu lilna nfusna, għalhekk: naf ta’ kuljum insib mument biex inħaddan iċ-ċertezza li tagħti valur lil-ħajti?  Naf insib mument ta’ talb, ta’ adorazzjoni, ta’ tifħir, biex noqgħod fil-preżenza ta’ Kristu u nħallih iżiegħel bija!  Ħija, oħti, ir-Ragħaj it-Tajjeb jgħidilna li jekk nagħmlu dan, nerġgħu niskopru s-sigriet tal-ħajja: niftakru li Hu ta’ ħajtu għalik, għalija, għalina lkoll.  U li għalih aħna lkoll importanti, kull wieħed u waħda minna, kulħadd.

Il-Madonna tgħinna nsibu l-essenzjal tal-ħajja tagħna f’Ġesù.

 

Wara r-Regina Caeli

Għeżież ħuti!

Illum qed niċċelebraw il-Jum Dinji ta’ talb għall-vokazzjonijiet bit-tema “Imsejħin biex niżirgħu t-tama u nibnu l-paċi”.  Hi okkażjoni sabiħa biex niskopru mill-ġdid il-Knisja bħala komunità li l-karatteristika tagħha hi l-polifonija ta’ kariżmi u vokazzjonijiet għas-servizz tal-Evanġelju.  F’dal-qafas minn qalbi nsellem lill-presbiteri l-ġodda tad-djoċesi ta’ Ruma li ġew ordnati lbieraħ waranofsinhar fil-Bażilika ta’ San Pietru.  Nitlobu għalihom!

Għadni nsegwi bi tħassib, u anki b’niket, is-sitwazzjoni tal-Lvant Nofsani.  Inġedded l-appell biex ma nċedux għal-loġika tal-ġustifikazzjoni tal-gwerra; jalla jirbħu t-toroq tad-djalogu u tad-diplomazija, li tista’ tasal ħafna.  Nitlob kuljum għall-paċi fil-Palestina u f’Iżrael u nittama li għal dawk il-popli ma ddumx biex tieqaf it-tbatija.  U ma ninsewx lill-Ukrajna mifnija li qed issofri tant minħabba l-gwerra.

B’niket sirt naf bl-aħbar tal-mewt, b’inċident, ta’ Parti Matteo Pettinari, missjunarju żgħażugħ tal-Consolata, fil-Kosta tal-Avorju, li kien magħruf bħala “l-missjunarju li qatt ma jgħejja”, u li ħalla testimonjanza kbira ta’ servizz ġeneruz.  Nitolbu għal ruħu,.

Nagħti merħba minn qalbi likom ilkoll, rumani u pellegrini mill-Italja u minn diversi pajjiżi.  Nilqa’ b’għożża lis-Sorijiet Apostoline: grazzi tas-servizz ferrieħ tagħkom fil-pastorali tal-vokazzjonijiet!  Insellem lill-fidili minn Viterbo, Brescia, Alba Adriatica u Arezzo; kif ukoll lir-Rotary Club Galatina Maglie u Terre d’Otranto, liż-żgħażagħ minn Capocroce, lill-adoloxxenti tal-Griżma minn Azzano Mella u mill-parroċċa ta’ Sant Anjeże f’Ruma.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U nsellem lill-adoloxxenti tal-Immacolata, bravi!  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber