SOLENNITÀ TA’ PENTEKOSTE

IL-PAPA FRANĠISKU

REGINA CAELI

Pjazza San Pietru

 19 ta’ Mejju, 2024

Għeżież ħuti, il-festa ta’ Pentekoste t-tajba, il-jum it-tajjeb!

Illum, Solennità ta’ Pentekoste niċċelebraw l-inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq Marija u fuq l-Appostli.  Fl-Evanġelju tal-liturġija Ġesù jitkellem dwar l-Ispirtu s-Santu u jgħid li Hu se jgħallimna “dak kollu li sama’’’ (cfr Ġw 16,13).  Imma xi tfisser din l-istqarrija?  X’sama l-Ispirtu s-Santu?  Dwar xiex qed jitkellem?

Ikellimna bi kliem li jesprimu sentimenti meraviljużi, bħalma huma l-għożża, il-gratitudni, il-fiduċja, il-ħniena.  Kliem li jurina relazzjoni sabiħa, imdawla, konkreta u dejjiema bħalma hi l-Imħabba eterna ta’ Alla: il-kliem li jgħidu lil xulxin il-Missier u l-Iben.  Huwa propju l-kliem li jittrasforma l-imħabba, li l-Ispirtu jtenni fina, u li jsemmgħalna sew, għax dal-kliem iwelled u jkattar f’qalbna l-istess sentimenti u l-istess intenzjonijiet: hu kliem għammiel.

Għalhekk għandna ta’ kuljum nitrejqu bil-Kelma t’Alla, bi Kliem Ġesù, ispirati mill-Ispirtu.  U bosta drabi ngħid: aqraw silta mill-Evanġelju, żommu kopja ċkejkna tal-Evanġelju fil-but, fil-basket, inġorruha dejjem magħna u napprofittaw ruħna mill-mumenti li jippermettulna naqrawha.  Meta tkellem dwar il-konverżjoni tiegħu, is-saċerdot u poeta Clemente Rebora kien kiteb fid-djarju: “U l-Kelma sikktet il-kliem fieragħ tiegħi!” (Curriculum vitae).  Il-Kelma t’Alla ssikket il-kliem fieragħ u superfiċjali u minflok, nibdew nitkellmu b’serjetà akbar, bi kliem sabiħ, kliem ta’ ferħ.  “U l-Kelma sikktet il-kliem fieragħ tiegħi”.  Meta nisimgħu l-Kelma t’Alla it-tpaċpiċ fieragħ tagħna jiskot.  Dan hu l-mod li bih nagħmlu wisa’ ġewwa fina għal-leħen tal-Ispirtu s-Santu.  Imbagħad waqt l-Adorazzjoni – ma ninsewx it-talb ta’ adorazzjoni fis-skiet – speċjalment dak sempliċi, sieket, bħalma hi l-adorazzjoni.  U dak il-ħin, fina ngħidu kliem sabiħ, ngħiduh lil qalbna biex wara nkunu nistgħu ntennuh lill-oħrajn, lil xulxin.  U b’hekk naraw li jkunu ġejjin minn leħen dak li jfarraġ, mill-Ispirtu.

Għeżież ħuti, naqraw u nimmeditaw l-Evanġelju, nitolbu fis-skiet, ngħidu kliem sabiħ, mhix ħaġa diffiċli, le, ilkoll nistgħu nagħmluh dan.  Aktar ħafifa tinsulta, tisbel… Allura nsaqsu lilna nfusna x’post għandu kliem bħal dan fil-ħajja tiegħi?  Kif nista’ nikkultavah, biex inkun nista’ nisma’ aħjar lill-Ispirtu s-Santu, u nsir eku għall-oħrajn?

Marija, li kienet preżenti fil-Pentekoste, tagħmilna doċli għal-leħen tal-Ispirtu s-Santu.

Wara r-Regina Caeli

Għeżież ħuti!

L-Ispirtu s-Santu joħloq l-armonija, l-armonija!  U joħloqha minn realtajiet differenti u kultant konflittwali wkoll.  Illlum, festa ta’ Pentekoste, nitolbu lill-Ispirtu s-Santu, l-Imħabba tal-Missier u tal-Iben, biex joħloq l-armonija fil-qlub, armonija fil-familji, armonija fis-soċjetà, armonija fid-dinja kollha; jalla l-Ispirtu jkattar il-komunjoni u l-fraternità bejn l-isnara tad-diversi Konfessjonijiet; jalla lill-mexxejja jtihom il-kuraġġ jagħmlu ġesti ta’ djalogu li jwasslu biex jintemmu l-gwerer.  Il-bosta gwerer tal-lum: niftakru fl-Ukrajna – ħsiebi jmur partikolarment lejn il-belt ta’ Kharkiv, li jumejn ilu sofriet attakk qawwi -; niftakru fl-Art Imqaddsa, fil-Palestina, f’Iżrael; niftakru f’tant inħawi fejn hemm il-gwerer.  Jalla l-Ispirtu jwassal lil min hu responsabbli fost in-nazzjonijiet u lilna lkoll, biex jinfetħu l-bibien tal-paċi.

Nesprimi l-gratitudni tiegħi għal-laqgħa b’tant għożża li tawni n-nies ta’ Verona, ilbieraħ: kienu bravi!  Grazzi, grazzi.  Qed niftakar b’mod partikolari fil-ħabs ta’ Verona, qed niftakar fil-priġunieri nisa, fil-priġunieri l-oħra li għal darb’oħra wrewni  li wara l-ħitan ta’ ħabs hemm ibaqbqu l-ħajja, l-umanità, it-tama.  Il-grazzi mill-qalb tiegħi imur lejn il-ħaddiema kollha tal-istruttura, u partikolarment lid-direttriċi, Dr Francesca Gioeni,

Insellem lilkom ilkoll, pellegrini minn Ruma u minn diversi nħawi tal-Italja u tad-dinja.  Insellem b’mod partikolari lil dawk minn Timor-Leste - dalwaqt se niġi nżurkom! -, mill-Lettonja u mill-Urugwaj kif ukoll lill-komunità mill-Paragwaj li tinsab f’Ruma li qed tiċċelebra l-festa tal- Virgen de Caacupé, u lill-missjoni kattolika portugiża minn Lucerna.

Insellem lill-adoloxxenti tal-Immacolata, insellem lis-sorijiet li jinsabu hemmhekk, bravi!  Insellem lill-fidili minn Benevento, Porto Azzurro u Terracina u lill-Istitut “Caterina di Santa Rosa” minn Ruma.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber