IL-PAPA FRANĠISKU

REGINA CAELI

Pjazza San Pietru

15 ta’ Mejju, 2022

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

 

Qabel tintemm din iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika nixtieq irrodd ħajr lilkom ilkoll: ħuti Kardinali, Isqfijiet, saċerdoti, reliġjużi nisa u rġiel, speċjalment dawk li jiffurmaw parti mill-familji spiritwali tal-Qaddisin il-ġodda, li nġabru hawn minn bosta nħawi tad-dinja.

Insellem lid-Delegazzjonijiet uffiċjali mid-diversi pajjiżi, partikolarment lis-Sur President tar-Repubblika tal-Italja.  Sabiħ naraw kif, bix-xhieda evanġelika tagħhom, dawn il-Qaddisin kienu ta’ fejda għat-tkabbir spiritwali u soċjali tan-nazzjonijiet rispettivi tagħhom kif ukoll tal-familja umana kollha kemm hi.  Filwaqt li b’niket, fid-dinja qed jikbru d-distanzi u jiżdiedu t-tensjonijiet u l-gwerer, il-Qaddisin il-ġodda jispiraw soluzzjonijiet ta’ ħbiberija, toroq ta’ djalogu, speċjalment fil-qlub u fl-imħuħ ta’ dawk li għandhom karigi ta’ responsabbiltà kbira u għandhom is-sejħa li jkunu protagonisti tal-paċi u mhux tal-gwerra.

Insellem lilkom ilkoll, għeżież pellegrini, kif ukoll lil kulmin assista għal dil-quddiesa permezz tal-mezzi tal-komunikazzjoni.

U issa nduru lejn il-Verġni Marija biex tgħinna nimitaw l-eżempju ta’ dawn il-Qaddisin ġodda, bil-ferħ.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber