IL-PAPA FRANĠISKU

REGINA CAELI

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 14 ta’ Mejju, 2023

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-lum, is-sitt Ħadd tal-Għid, ikellimna dwar l-Ispirtu s-Santu li Ġesù jsejjaħlu Paraklitu (cfr Ġw 14,15-17).   Il-kelma Paraklitu ġejja mill-Grieg u tfisser fl-istess ħin dak li jagħti l-faraġ u avukat.  Ifisser li l-Ispirtu s-Santu qatt ma jħallina waħedna, dejjem qribna bħalma avukat jibqa’ dejjem qrib l-imputat biex jassistih.  U jissuġġerielna kif għandna niddefendu ruħna quddiem min jakkużana.  Niftakru li l-akkużatur il-kbir hu dejjem ix-xitan, li jdaħħal fik id-dnub, iħajrek għad-dnub, għall-kattiverja.  Nirriflettu fuq dawn iż-żewġ aspetti: il-qrubija tiegħu u l-għajnuna li jtina kontra min jakkużana.

Il-qrubija tiegħu: Ġesù jgħid li l-Ispirtu s-Santu “jibqa’ dejjem magħna” (cfr v. 17).  Ma jabbandunana qatt.  L-Ispirtu s-Santu jrid jibqa’ magħna: mhux xi mistieden li jagħmlilna żjara ta’ kortesija u jerġa’ jitlaq.  Hu kumpann tal-ħajja, preżenza stabbli, hu Spirtu li jixtieq jgaħmmar fl-ispirtu tagħna.  Paċenzjuż u jibqa’ magħna wkoll meta naqgħu.  Jibqa’ magħna għax iħobbna tassew: ma jagħmilx tabirruħu li jħobbna biex imbagħad iħallina waħedna fid-diffikultajiet.  Le, hu leali, trasparenti, awtentiku.

Anzi, jekk inkunu għaddejjin mill-prova, l-Ispirtu s-Santu jfarraġna, iwasslilna l-maħfra u l-qawwa t’Alla.  U meta jurina l-iżbalji tagħna u jikkoreġina, jagħmel dan bil-ġentilezza: f’leħnu li jkellem lill-qalb, dejjem hemm it-timbru tat-tenerezza u s-sħana tal-imħabba.  Ċertament, l-Ispirtu Paraklitu huwa esiġenti, għax hu ħabib veru, fidil, li ma jaħbi xejn, li jissuġġerielna x’għandna nibdlu u kif nikbru.  Iżda meta jikkoreġina ma jumiljana qatt, u qatt ma jnissel sfiduċja fina; bil-maqlub inissel fina ċ-ċertezza li ma’ Alla se jirnexxielna, dejjem.  Din hi l-qrubija tiegħu.  Hi ċertezza sabiħa!

It-tieni aspett, l-Ispirtu Paraklitu hu l-avukat tagħna u jiddefendina.  Jiddefendina minn dak kollu li jakkużana: minna  nfusna, meta ma nħobbux lilna nfusna u ma naħfrux lilna nfusna, saħansitra sa jasal jgħidilna li aħna falluti u ma niswew għal xejn; quddiem id-dinja li tiskarta lil min ma jaqbilx mal-iskemi tagħha, mal-mudelli tagħha; quddiem ix-xitan li hu “l-akkużatur” per eċċellenza, dak li jifred (cfr Ap 12,10) u jagħmel minn kollox biex iġagħalna nħossuna inkapaċi u infeliċi.

Quddiem dawn il-ħsibijiet kollha ta’ akkużi, l-Ispirtu Paraklitu jissuġġerielna kif inwieġbu.  Kif?  Il-Paraklitu, jgħid Ġesù, huwa Dak li jfakkarna “dak kollu li qalilna Ġesù” (cfr Ġw 14,26).  Għalhekk Hu jfakkarna l-kliem tal-Evanġelju, u hekk jirnexxielna nwieġbu lix-xitan akkużatur mhux bi kliemna imma bl-istess kliem tal-Mulej.  Fuq kollox ifakkarna li Ġesù kien dejjem jitkellem dwar il-Missier li hu fis-Sema, għax għarrafulna u rrivelalna l-imħabba tiegħu għalina, aħna li aħna wliedu.  Jekk ninvokaw lill-Ispirtu, nitgħallmu nilqgħu u niftakru r-realtà l-aktar importanti tal-ħajja, li tħarisna mill-akkużi tal-ħażen.  U liema hi din ir-realtà l-aktar importanti tal-ħajja?  Li aħna wlied maħbuba ta’ Alla.  Aħna wlied maħbubin ta’ Alla: din hi r-realta l-aktar importanti, u dan ifakkarna l-Ispirtu.

Ħuti, nistaqsu llum lilna nfusna: aħna nsejħulu lill-Ispirtu s-Santu, nitolbuh spiss?  Ma ninsewhx lil dak li jinsab qribna, anzi ġewwa fina!  Imbagħad, nagħtu widen għal leħnu, kemm meta jinkoraġġina inkella meta jikkoreġina?  Inwieġbu bi kliem Ġesù l-akkużi tal-ħażen li jsirulna, “fit-tribunali” tal-ħajja?  Niftakru li aħna wlied maħbubin ta’ Alla?  Marija tagħmilna doċli għal-leħen tal-Ispirtu s-Santu u sensibbli għall-preżenza tiegħu.

 

Wara r-Regina Caeli

Għeżież ħuti,

F’dal-ġranet assistejna mill-ġdid għal taqbid bl-armi bejn l-iżraeljani u l-palestinjani, li fih tilfu ħajjithom persuni innoċenti, nisa u tfal ukoll.  Nawgura li l-ftehim dwar il-waqfien mill-ġlied jibqa’ stabbli, li jisktu l-armi, għax bl-armi qatt ma jistgħu jinkisbu s-sigurezza u l-istabbiltà, anzi, bil-maqlub, tkompli seħħ il-qerda u tgħib kull tama ta’ paċi.

Insellem minn qalbi lilkom ilkoll, rumani u pellegrini mill-Italja u minn tant pajjiżi, partikolarment lill-fidili mill-Kanada, minn Singapore, mill-Malasja u minn Spanja.

Insellem lil min imexxi l-Komunità ta’ Sant’Egidio f’25 pajjiż afrikan; kif ukoll lill-Awtoritajiet u lill-għalliema tal-Università Radom fil-Polonja.  Insellem lill-Caritas Internationalis, li għadha kif iltaqgħet biex taħtar lill-president il-ġdid.  Ibqgħu mexjin bil-kuraġġ fit-triq tar-riforma!

Insellem lill-fidili minn Scandicci u minn Torrita di Siena; liż-żgħażagħ tad-Dekanat minn Appiano Gentile, lill-iscouts Agesci minn Alghero u lill-adoloxxenti minn Senigallia; lill-Istitut Skolastiku “Ġwanni XXIII” minn Cammarata; lill-parteċipanti tar-relay b’solidalita u sostenn lill-Fundazzjoni għar-Riċerka fuq il-Kanċer.

Illum f’ħafna pajjiżi hu Jum l-Omm; niftakru bi gratitudni u għożża lill-ommijiet kollha, dawk li għadhom fostna u dawk li marru s-sema.  Inħalluhom f’idejn Marija, omm Ġesù.  U ntuhom applaws kbir!

Induru lejha u nitolbuha ttaffi s-sofferenzi tal-Ukrajna mdemmija u tan-nazzjonijiet kollha miġrugħin mill-gwerer u l-vjolenza.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U nsellem liż-żgħażagħ tal-Immacolata li huma bravi ħafna. Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber