IL-PAPA FRANĠISKU

REGINA CAELI

Pjazza San Pietru

III Ħadd tal-Għid, 14 ta’ April, 2024

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb u l-Ħadd it-tajjeb!

Illum l-Evanġelu joħodna lura lejn l-Għid filgħaxija.  L-Appostli huma miġburin fiċ-Ċenaklu, xħin minn Għemmaws jaslu lura ż-żewġ dixxipli biex jirrakuntaw il-laqgħa tagħhom ma’ Ġesù.  U fil-waqt li jkunu jesprimu l-ferħ tal-esperjenza li kienu għaddew minnha, l-Irxoxt jidher lill-komunità kollha.  Ġesù jasal propju fil-ħin li huma qed jaqsmu flimkien ir-rakkont tal-laqgħa miegħu.  Dan iġagħalni nifhem kemm hu importanti li naqsmu l-fidi ma’ xulxin.  Dar-rakkont ifakkarna fl-importanza li naqsmu l-fidi tagħna f’Ġesù Rxoxt, bejnietna.

Kuljum aħna bbumbardjati mill-eluf ta’ messaġġi.  Mhux ftit minnhom huma superfiċjali u inutli, oħrajn huma kurżitajiet indiskreti jew, agħar minn hekk, li jinbtu mill-pettegolezzi u mill-malizzja.  Huma aħbarijiet bla siwi, anzi jagħmlu d-deni.  Imma jkollna wkoll aħbarijiet sbieħ, pożittivi, kostruttivi, u nafu kemm hu ta’ fejda għalina meta nisimgħu it-tajjeb, u kemm inħossuna aħjar meta jiġri dan.  U huwa sabiħ ukoll li naqsmu bejnietna realtajiet, li fil-ġid jew fid-deni, jkunu missewlna ħajjitna, biex inkunu nistgħu ngħinu lill-oħrajn.

Madankollu hemm ħaġa li spiss inħossuha bi tqila nitkellmu dwarha.  Fuq xiex insibuha bi tqila nitkellmu?  Dwar l-isbaħ ħaġa li nistgħu nirrakkuntaw: il-laqgħa tagħna ma’ Ġesù.  Kollha kemm aħna ltqajna ma’ Ġesù, iżda nsibuha bi tqila nitkellmu dwarha.  Ilkoll kemm aħna nistgħu ngħidu dan: naraw kif il-Mulej missna, u dan nixxerjawh, mhux bl-arja ta’ min irid jgħallem lil ħaddieħor, imma billi naqsmu ma’ ħaddieħor il-waqtiet uniċi li fihom ħassejna l-Mulej ħaj, qrib, li kien jixgħel il-ferħ fi qlubna, li kien qed itina l-fiduċja u l-faraġ, il-forza u l-entużjażmu, inkella l-maħfra, it-tenerezza.  Dawn il-laqgħat, li lkoll kemm aħna kellna ma’ Ġesù, hemm bżonn nixxerjawhom, ngħadduhom lill-oħrajn.  Importanti nagħmlu dan fil-familja, fil-komunitajiet, mal-ħbieb.  Kif hu tajjeb ukoll nitkellmu dwar l-ispirazzjonijiet tajbin li orjentawlna ħajjitna, il-ħsibijiet u s-sentimenti tajbin li huma ta’ għajnuna kbira biex nibqgħu mexjin ‘il quddiem, u wkoll l-isforzi u t-tbatija li ngħaddu minnhom biex nifhmu u biex insaħħu l-ħajja tal-fidi tagħna, forsi wkoll biex nindmu u ndawru triqtna lura.  Jekk nagħmlu dan, Ġesù, kif ġara lid-dixxipli ta’ Għemmaws dakinhar tal-Għid filgħaxija, jissoprendina u l-laqgħat ta’ bejnietna u l-ambjenti tagħna jagħmilhomlna isbaħ.

Ejjwe allura niftakru, issa, f’waqt qawwi f’ħajjitna, f’laqgħa deċisiva ma’ Ġesù.  Kull wieħed u waħda minnha għaddejna minn din l-esperjenza, kolllha kemm aħna kellna xi laqgħa mal-Mulej.  Noqgħodu ftit fis-skiet u niftakru: meta kien li jien sibt lill-Mulej?  Meta kien li l-Mulej ġie qribi?  Naħsbu ftit dwar dan fis-skiet.  U dil-laqgħa mal-Mulej, qatt qsamtha ma’ xi ħadd ieħor biex hekk nagħti glorja lill-Mulej?  U wkoll, tajt widen lil ħaddieħor meta kien ikellimni dwar dil-laqgħa ma’ Ġesù?

Il-Madonna tgħinna nixxerjaw il-fidi biex il-komunitajiet tagħna nagħmluhom dejjem aktar imkejjen ta’ laqgħa mal-Mulej.

 

Wara r-Regina Caeli

Għeżież ħuti!

Qed insegwi bit-talb u bi preokkupazzjoni, u anki b’niket, l-aħbarijiet li waslu dawn l-aħħar siegħat dwar is-sitwazzjoni tal-gwerra li qed tkompli teħżien f’Iżrael minħabba l-intervent min-naħa tal-Iran.  Nagħmel appell minn qiegħ qalbi biex tieqaf kull azzjon ili tista’ tkompli tkebbes l-ispirali tal-vjolenza bir-riskju li fil-Lvant Nofsani tiħrax is-sitwazzjoni tal-gwerra.

Ħadd m’għandu jhedded l-eżistenza tal-ieħor.  In-nazzjonijiet kollha għandhom ikunu fuq in-naħa tal-paċi, u jgħinu lill-iżraeljani u l-palestinjani biex jgħixu f’żewġ stati, maġenb xuxlin, fis-sigurtà.  Din hi xewqa profonda u leċita u huwa dritt tagħhom!  Żewġ stati ġirien.

Araw li malajr kemm jista’ jkun jieqaf il-ġlied f’Gaża u jinfetħu toroq ta’ negozjati bis-serjetà.  Il-popolazzjoni li tinsab f’sitwazzjoni unmanitarja katastrofika, għandu jkollha l-għajnuna meħtieġa, għandhom jinħelsu l-ostaġġi li nħatfu xhur ilu!  Kemm tbatija!  Nitolbu għall-paċi.  Biżżejjed gwerra, biżżejjed bl-attakki, biżżejjed aktar vjolenza!  Iva għad-djalogu u iva għall-paċi!

Illum fl-Italja qed issir iċ-ċelebrazzjoni tal-mitt Jum Nazzjonali tal-Università Kattolika tal-Qalb ta Ġesù bit-tema: “Il-ġejjieni jistaqsi.  Iż-żgħażagħ bejn id-diżappunt u x-xewqa”.  Nagħmel kuraġġ lil dil-kbira università biex tkompli s-servizz formattiv tagħha bil-fedeltà lejn il-missjoni tagħha u attenta għall-ħtiġijiet soċjali u taż-żgħażagħ tal-lum.

Minn qalbi nagħti merħba lilkom ilkoll, rumani u pellegrini mill-Italja u minn bosta pajjiżi oħra.  Insellem partikolarment lill-fidili minn Los Angeles, Houston, Nutely u Riverside mill-Istati Uniti tal-Amerika; kif ukoll lill-pollakki, speċjalment – kemm bnadar pollakki! – lil dawk minn Bodzanów u liż-żgħażagħ volontarji tal-Equipe di Aiuto lill-Knisja tal-Orjent.  Nilqa’ u nagħmel kuraġġ lil dawk responsabbli mill-Komunitajiet ta’ Sant Egidio minn xi pajjiżi latino-amerikani.

Insellem lill-volontarji tal-ACLI impenjati fil-Patronati mal-Italja kollha; lill-gruppi minn Trani, Arzachena, Monteliberti; lill-doloxxenti tal-professjoni tal-fidi mill-parroċċa Santi Sivestro e Matino minn Milan; lil dawk li se jagħmlu l-Griżma minn Pannarani; u lill-grupp taż-żgħażagħ “Arte e Fede” tal-sorijiet tad-Dorotej.

Insellem b’għożża lit-tfal minn diversi nħawi tad-dinja li ġew biex ifakkru li bejn il-25 u s-26 ta’ Mejju l-Knisja se tiċċelebra l-Ewwel Jum Dinji tat-Tfal.  Grazzi!  Nistieden lil kulħadd  biex jakkumpanja bit-talb il-mixja lejn din il-ġrajja – l-Ewwel Jum Dinji tat-Tfal – u rrodd ħajr lil kulmin qed jaħdem fit-tħejjija.  U lilkom, tfal bniet u subjien, ngħidilkom: nistennikom!  Ilkoll kemm intom!  Għadna bżonn il-ferħ tagħkom u x-xewqa tagħkom ta’ dinja aħjar, dinja ta’ paċi.  Nitolbu, ħuti, għat-tfal li qed ibatu minħabba l-gwerer – huma bosta! – fl-Ukrajna, fil-Palestina, f’Iżrael, f’tant aktar postijiet fid-dinja, fil-Myanmar.  Nitolbu għalihom u għall-paċi.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Insellem liż-żgħażagħ tal-Immacolata.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber