IL-PAPA FRANĠISKU

REGINA CAELI

Pjazza San Pietru
Is-Seba’ Ħadd tal-Għid

 12 ta’ Mejju, 2024

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

U issa rrid ngħid il-Ħadd it-tajjeb liż-żgħażagħ minn Genova!

Illum fl-Italja u f’pajjiżi oħra ssir iċ-ċelebrazzjoni tas-Solennità tat-Tlugħ fis-Sema tal-Mulej.  L-Evanġelju tal-Quddiesa jafferma li, wara li lill-Appostli tahom il-mandat biex ikomplu l-opra tiegħu, Ġesù “Kien imtella’ fis-sema u qagħad fin-naħa tal-lemin ta’ Alla” (Mk 16,19).  Hekk jgħid l-Evanġelju: “Kien imtella’ fis-sema u qagħad fin-naħa tal-lemin ta’ Alla”.

Ir-ritorn ta’ Ġesù għand il-Missier m’għandux jidher qiesu qed jinfired minna imma pjuttost li Hu wasal qabilna fid-destinazzjoni fejn irridu naslu aħna, jiġifieri s-Sema.  Qiesu bħal meta xi ħadd irid jixxabbat ma’ muntajna biex jasal fil-quċċata: jimxi, bid-difikultà, u fl-aħħar, wara liwja fil-mogħdija, jinfetaħ xefaq quddiemu u tinfirex quddiemu l-panorama.  Hekk il-ġisem kollu  jerġa’ jikseb il-forza biex jiffaċċja l-aħħar telgħa.   Il-ġisem kollu – dirgħajn, riġlejn u kull muskolu – jistaħja u jikkonċentra biex jilħaq il-quċċata.

U aħna, il-Knisja, aħna propju dak il-ġisem ta’ Kristu, li bit-tlugħ tiegħu fis-Sema, jiġbdu miegħu qiesu marbut b’ħabel.  U bil-kelma tiegħu u bil-grazzja tas-Sagramenti, jurina u jwasslilna s-sbuħija tal-Patrija li aħna lkoll mexjin lejha.  Hekk, aħna wkoll, għekieżi tiegħu -aħna l-għekieżi ta’ Ġesù -, bil-ferħ nitilgħu flimkien miegħu, il-kap tagħna, għax nafu li l-pass ta’ wieħed hu pass għal kulħadd, u li ħadd m’għandu jintilef u lanqas jibqa’ lura, għax aħna lkoll ġisem wieħed (cfr Kol 1,18; 1 Kor 12,12-27).

Nisimgħu sewwa: pass wara pass, tarġa wara tarġa, Ġesù jurina t-triq.  X’għandna nagħmlu allura?  L-Evanġelju tal-lum jgħid: “tħabbru l-Evanġelju, tgħammdu, tkeċċu x-xjaten, taqbdu s-sriep b’idejkom, tfejqu lill-morda” (cfr Mk 16,16-18); insomma, tagħmlu atti ta’ mħabba; tagħtu ħajjitkom, twasslu t-tama, tibqgħu bogħod minn kull kattiverja u għajb, għall-ħażin twieġbu bit-tajjeb, tkunu qrib ta’ min qed isofri.  Dan hu “l-pass wara pass”.  U aktar ma’ nġibu ruħna hekk, aktar inkunu nippermettu lill-Ispirtu jittrasformana, aktar nimxu fuq l-eżempju tiegħu, u aktar, bħal fuq il-muntanja, inħossu l-arja ta’ madwarna teħfif u tindaf, ix-xefaq quddiemna jitwessa’ u d-destinazzjoni eqreb, jitjiebu l-ġesti u kliemna, moħħna u qlubna jinfetħu, jieħdu n-nifs.

Alllura nistgħu nsaqsu lilna nfusna: ix-xewqa ta’ Alla hi ħajja fija, ix-xewqa tal-imħabba tiegħu bla tarf, tal-ħajja tiegħu li hi l-ħajja ta’ dejjem?  Jew jien xi ftit mitruh u ankrat ma’ dak li jgħaddi, mal-flus, mas-suċċess, mat-tbaħrid?  U x-xewqa tiegħi għas-Sema, tiżolani, tagħlaqni fija nnifsi jew iġġagħalni nħobb lill-ħuti b’qalb kbira u diżinteress, inħosshom imsieħba miegħi fil-mixja lejn il-Ġenna?

Marija tgħinna, hi li diġà waslet fid-destinazzjoni, biex nimxu flimkien bil-ferħ lejn il-glorja tas-Sema.

Wara r-Regina Caeli

Għeżież ħuti!

Waqt li qed niċċelebraw it-Tlugħ fis-Sema tal-Mulej, li bil-qawmien tiegħu mill-imwiet jagħtina l-ħelsien u jridna ħielsa, inġedded l-appell tiegħi biex isir bdil ġenerali tal-priġunieri kollha bejn ir-Russja u l-Ukrajna, u niżgura li s-Santa Sede hi disponibbli biex tagħti appoġġ għal kull sforz f’das-sens, speċjalment għan-nies feruti jew morda.  Ejjew inkomplu nitolbu għall-paċi fl-Ukrajna, fil-Palestina, f’Iżrael, fil-Myanmar…Nitoblu għall-paċi.

Illum jaħbat il-Jum Dinji tal-Komunikazzjonijiet Soċjali bit-tema “Intelliġenza artifiċjali u għerf tal-qalb”.  Hu biss meta l-qalb tikseb l-għerf li nkunu nistgħu ninterpretaw l-iżviluppi ta’ żmienna u niskopru mill-ġdid it-triq ta’ komunikazzjoni verament umana.  Ngħidu grazzi lill-operaturi kollha tal-komunikazzjoni!

F’ħafna pajjiżi llum hu Jum l-Omm; niftakru b’rikonoxxenza fl-ommijiet kollha u nitolbu għall-ommijiet li jinsabu s-Sema.  U lill-ommijiet inqegħduhom taħt il-protezzjoni ta’ Marija l-omm tagħna ċelesti.  U applaws kbir lill-ommijiet kollha!

Insellem lill-pellegrini minn Ruma u minn diversi nħawi tal-Italja u tad-dinja, partikolarment lil dawk li ġew mill-Ungerija u minn Malta; lill-istudenti tal-Kulleġġ São Tomás minn Lisbona; lill-baned mużikali mill-Awstrija u mill-Ġermanja, li qed jagħtu ġieħ lill-memorja tal-Papa Benedittu XVI.  Idoqqu tajjeb!  Grazzi.  Insellem ukoll lill-fidilli minn Pesaro, Cagliari, Giulianova Lido, u lil dawk minn Ponti sul Mincio li ġew bir-roti; lid-donaturi tad-demm AVIS, l-Assoċjazzjoni “Giovane Montagna” minn Turin, lill-adoloxxenti tal-Konfermazzjoni minn Genova, u lill-persuni morda bil-fibromalgija, fil-jum iddedikat għal min ibati minn dil-marda.

Irrodd ħajr lil kulmin għen fl-organizzazzjoni tal-esibizzjoni tal-fotografija “Changes” (Tibdil), li hemm taħt il-kolonni ta’ Pjazza San Pietru.  Fotografi mid-dinja kollha jirrakkuntaw is-sbuħija tad-dar komuni tagħna, don tal-Ħallieq li aħna msejħin biex inħarsuh.  Nistedinkom iżżuruha din l-esibizzjoni!

Insellem lilkom ilkoll u lill-adoloxxenti tal-Immacolata.  Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb, u lil ta’ Genova, il-vjaġġ it-tajjeb!  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber