IL-PAPA FRANĠISKU

REGINA CAELI

Biblijoteka Appostolika

Il-Ħadd, 10 ta' Mejju, 2020

 

Għeżież ħuti,

Fl-Evanġelju tal-lum (Ġw 14,1-12) għandna l-bidu ta' dak  li nsibuh bħala "d-Diskors tal-Addio" ta' Ġesù.  Huwa l-kliem li qal lid-dixxipli fi tmiem l-Aħħar Ikla, eżatt qabel ma' mar għall-Passjoni.  F'waqt tant drammatiku Ġesù jibda' biex jgħid: "Tħallux qalbkom titħawwad" (v. 1).  Jgħid dan lilna wkoll waqt id-drammi tal-ħajja tagħna.  Imma kif nagħmlu biex qalbna ma titħawwadx?  Għax il-qalb titħawwad.

Il-Mulej itina żewġ rimedji għal-dan.  L-ewwel hu: "Emmnu fija" (v. 1).  Jidher qiesu parir xi ftit teoriku, astratt.  Iżda Ġesù jrid jgħidilna ħaġa preċiża.  Hu jaf li fil-ħajja, l-akbar ansjetà, l-inkwiet, jibdew mis-sensazzjoni li se tfalli, li tħossok waħdek u bla xejn fuq xiex iddur minħabba dak li jkun qed jiġrilek.  Dan l-istress li bih diffikultà donnha tirkeb diffukultà oħra, ma nistgħux ngħelbuh waħedna.  Neħtieġu l-għajnuna ta' Ġesu u għalhekk Ġesu jitlobna biex jkollna fiduċja fih, jiġifieri li ma nistrieħux fuqna nfusna, imma fih.  Għax hija l-fiduċja li teħlisna mill-inkwiet.  Nafdaw f'Ġesù, nagħmlu "l-qabża".  U dan ikun il-ħelsien mill-inkwiet.  U Ġesù qam, huwa ħaj biex ikun dejjem maġenbna.  Allura nkunu nistgħu ngħidulu: "Ġesù, nemmen li int qomt u tinsab ħdejja.  Nemmen li tismgħani.  Qed intik dak li qed jinkwetani, l-ansjetajiet tiegħi: għandi fidi fik u nafda fik".

Hemm imbagħad it-tieni rimedju għall-inkwiet, li Ġesù jesprimih b'dal-kliem: "Fid-dar ta' Missieri hemm bosta għamajjar.....Sejjer inħejjilkom post" (v. 2).  Dan hu dak li għamel Ġesù għalina: ibbukkjalna post fis-Sema.  Ħa fuqu l-umanità tagħna biex jeħodha 'l hinn mill-mewt, f'post ġdid, fis-Sema, għax Hu jinsab hemmhekk u jrid li nkunu hemm aħna wkoll. Hi ċ-ċertezza li tfarraġna: hemm post riservat għal kulħadd.  Hemm post għalija wkoll.  Kull wieħed u waħda minna nistgħu ngħidu: hemm post għalija wkoll.  Aħna ma ngħixux bla għan u bla destinazzjoni.  Mistennija, aħna prezzjużi.  Alla nnamrat minna, aħna wliedu.  U għalina ħejja l-isbaħ post u l-aktar xieraq: il-Ġenna.  Ma nisewhiex: id-dar li qed tistenniena hi l-Ġenna.  Hawnhekk għalina hu passaġġ.  Aħna magħmulin għas-Sema, għall-ħajja ta' dejjem, biex ngħixu għal dejjem.  Għal dejjem: hi ħaġa li issa ma jirnexxilniex lanqas nimmaġinawha.  Imma isbaħ niftakru li "għal dejjem" se jkun kollu fl-hena, fl-għaqda sħiha ma' Alla u mal-oħrjn, bla aktar dmugħ, bla għadab, bla delużjonijiet u bla nkwiet.

Imma kif nagħmlu biex naslu l-Ġenna?  Liema hi t-triq?  Hekkuhu s-sentenza deċisiva ta' Ġesù.  Illum, jgħidilna: "Jien hu t-triq" (v. 6).  Biex immorru s-Sema t-triq hi Ġesù: li jkollna relazzjoni ħajja miegħu, nimitawh fl-imħabba, ngħixu fuq il-passi tiegħu.  U jiena, nisrani, int, nisrani, kull wieħed u waħda minna l-insara, nistgħu nistaqsu lilna nfusna: "F'liema triq miexi?"  Hemm toroq li ma jwasslux is-Sema: it-toroq tad-dinja, it-toroq biex insiru importanti, it-toroq tas-setgħa egoista.  U hemm it-triq ta' Ġesù, it-triq tal-imħabba umli, tat-talb, tal-manswetudni, tal-fiduċja, tas-servizz lill-oħrajn.  mhix it-triq tal-protagomiżmu personali, hi t-triq ta' Ġesù protagonista fil-ħajja tiegħi.  Hi li nibqa' miexi kuljum u nistaqsih: "Ġesù x'jidhrilek minn din l-għażla li jien għamilt illum?"  X'kont tagħmel f'dis-sitwzzjoni, ma' dawn il-persuni?"  Jagħmlilna tajjeb nistaqsu lil Ġesù, li hu t-triq, id-direzzjoni lejn is-Sema.  Il-Madonna, Reġina tas-Smewwiet, tgħinna nimxu wara Ġesù li fetħilna t-triq tal-Ġenna.

 

Wara r-Regina Caeli

 

Għeżież ħuti!

Illum ħsiebi jmur lejn l-Ewropa u l-Afrika.  Lejn l-Ewropa, f'għeluq is-70 anniversajru mid-Dikjarazzjoni Schuman tad-9 ta' Mejju, 1950.  Din kienet nebbħet il-proċess ta' integrazzjoni ewropea, u ġabet ir-rikonċiljazzjoni bejn il-popli tal-kontinent wara t-tieni gwerra dinjija, u ż-żmien twil ta' stabbiltà u paċi li qed ingawdu minnu llum.  Jalla l-ispirtu tad-Dikjarazzjoni Schuman jibqa' jnebbaħ li kull min għandu responsabbiltà fl-Unjoni Ewropea, li hu msejjaħ biex  fi spirtu ta' kollaborazzjoni u ftehim jaffronta l-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi li ġabet il-pandemija.

U ħarsti tmur ukoll lejn l-Afrika, għax fl-10 ta' Mejju, 1980, erbgħin sena ilu, San Ġwanni Pawlu II, waqt l-ewwel żjara pastorali tiegħu f'dak il-kontinent, ta leħen lill-għajta tal-popolazzjonijiet ta' Sahel, li kienu qed ibatu sfiq min-nixfa kbira.  Illum nifraħ liż-żgħażagħ li huma impenjati fl-inizjattiva "Laudato Si' Alberi".  L-għan hu li fir-reġjun ta' Sahel jinżergħu tal-anqas miljun siġra li jkunu jiffurmaw parti mill-"Ħajt il-Kbir l-Aħdar tal-Afrika".  Nawgura li jkun hemm ħafna li jimxu fuq dan l-eżempju ta' solidarjetà ta' dawn iż-żgħażagħ.

U llum, f'ħafna pajjiżi qed titfakkar il-Festa tal-Ommijiet. Irrid infakkar bi gratitudni u mħabba lill-ommijiet kollha u nafdahom taħt il-protezzjoni ta' Marija, Ommna Ċelesti.  Il-ħsieb imur ukoll lejn l-ommijjiet li għaddew għal ħajja oħra u qed jakkumpanjawna mis-Sema.  Nagħmlu ftit ħin ta' skiet biex kulħadd jiftakar f'ommu.  (pawsa ta' silenzju).

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber