IL-PAPA FRANĠISKU

REGINA CAELI

Pjazza San Pietru
It-Tnejn tal-Anġlu, 10 ta’ April, 2023

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju llum jgħinna ngħixu mill-ġdid il-laqgħa tan-nisa ma’ Ġesù Rxoxt nhar l-Għid filgħodu.  Hekk, ifakkarna li kienu huma, id-dixxipli nisa, l-ewwel li rawh u ltaqgħu miegħu.

Nistgħu nsaqsu: għaliex huma?  Għal-raġuni sempliċi ħafna: għax kienu huma l-ewwel li marru lejn il-qabar.  Bħad-dixxipli kollha huma wkoll kienu mnikktin għall-mod kif donnha ntemmet l-istorja ta’ Ġesù; iżda, kontra l-oħrajn, ma baqgħux id-dar ipparalizzati min-niket u l-biża’: kmieni filgħodu, ma sbiħ il-jum, imorru biex jagħtu ġieħ lill-ġisem ta’ Ġesù u jieħdu magħhom il-fwejjaħ.  Il-qabar kien issiġillat u huma bdew imaħħu dwar min kien se jneħħilhom il-blata tant tqila (cf,r Mk 16,1-3).  Imma r-rieda li kellhom biex jagħmlu dak il-ġest ta’ mħabba rebaħ fuq kollox.  Ma jaqtgħux qalbhom, jinsew il-biżgħat tagħhom u l-ansjetà.  Din hi t-triq biex insibu lill-Irxoxt: noħorġu mill-biżgħat tagħna, inħallu warajna l-ansjetajiet tagħna

Naraw mill-ġdid ix-xena li jtina l-Evanġelju: in-nisa jaslu, isibu l-qabar vojt u “bil-biża’ u b’ferħ kbir”, jiġru – jgħid it-test – biex “jagħtu l-aħbar lid-dixxipli tiegħu” (Mt 28,8).  Issa, propju huma w sejrin biex jagħtu l-aħbar, Ġesù jiġi jiltaqa’ magħhom.  Ninnutawaha sewwa din”: Ġesù jiltaqa’ magħhom meta huma kienu sejrin iħabbruh.  Sabiħa din: Ġesù jiltaqa’ magħhom huma w sejrin iħabbruh.  Meta aħna nħabbru lill-Mulej, il-Mulej jiġi jiltaqa’ magħna.  Kultant naħsbu li l-mod biex inkunu qrib Alla hu li nżommuh marbut sew magħna; għax imbagħad jekk ninfetħu u nibdew nitkellmu dwaru jibdew il-ġudizzji, il-kritika u forsi ma nkunux nafu nwieġbu ċerti mistoqsijiiet jew provokazzjonijiet, allura aħjar ma nitkellmu xejn u ningħalqu: le, dan mhux sew!  Minflok, il-Mulej jiġi meta jkun imħabbar.  Fil-mixja tat-tħabbir inti dejjem issib il-Mulej. Ħabbar il-Mulej u tiltaqa’ miegħu.  Fittex il-Mulej u tiltaqa’ miegħu.  Miexi dejjem, dan jgħallmuna n-nisa” ma’ Ġesù niltaqgħu aħna w nagħtu xhieda tiegħu.  Inqiegħdu dan fi qlubna: ma’ Ġesù niltaqgħu aħna u nagħtu xhieda tiegħu.

Nieħdu eżempju: Xi darba ġralna li waslitilna aħbar meraviljuża, bħal per eżempju t-twelid ta’ xi tarbija. F’każ bħal dak waħda mill-ewwel affarijiet li nagħmlu hi li naqsmu din l-aħbar ta’ ferħ mal-ħbieb: “Tafx, kelli tarbija... sabiħa”  U aħna u nirrakkuntaw, inkunu qed intennu (l-aħbar) lilna nfusna wkoll u b’xi mod inkunu qed ngħixu aktar u mill-ġdid l-esperjenza.  Jekk dan iseħħ għal aħbar sabiħa, ħaġa ta’ kuljum jew ta’ xi ġurnata importanti, (il-ferħ) ikun ferm akbar fil-każ ta’ Ġesù, li mhuwiex biss aħbar sabiħa u lanqas l-isbaħ aħbar tal-ħajja, le, għax huwa l-ħajja nfisha, Hu “l-qawmien u l-ħajja” (Ġw 11,25).  Kull darba li nħabbruh, mhux għall-propaganda jew għall-prożelitiżmu - dak le: it-tħabbira hi ħaġa imma l-propaganda u l-prożelitiżmu hi oħra.  In-nisrani jħabbar, min għandu f’moħħu għanijiet oħra qed jagħmel prożelitiżmu u dan mhux tajjeb – kull darba li nħabbruh, il-Mulej jiġi jiltaqa’ magħna.  Hu jiġi bir-rispett u l-imħabba, bħala l-isbaħ don magħmul biex ikun ixxerjat.  Ġesù jgħammar aktar fina kull darba li nħabbruh.

Niftakru mill-ġdid fin-nisa tal-Evanġelju: kien hemm il-blata issiġillata u madankollu, xorta jmorru lejn il-qabar; kien hemm belt sħiħa li kienet rat lil Ġesù mislub u minkejja jmorru fil-belt biex ixandru li hu ħaj. Jekk il-ferħ tiegħu nżommuh għalina, forsi jkun għaliex għadna ma ltqajniex miegħu verament.

Ħuti, quddiem l-esperjenza tan-nisa insaqsu: “għidli, meta kien l-aħħar li tajt xhieda ta’ Ġesù?”  Nistgħu ngħidu dan għal kull wieħed u waħda minna?

Nitolbu lill-Madonna tgħinna biex inkunu ħabbara ferrieħa tal-Evanġelju.

 

Wara e-Regina Caeli

Għeżież ħuti!

Illum jaħbat il-ħamsa w għoxrin anniversarju minn dak li nafuh bħala l-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira jew ta’ Belfast, li ġab fi tmiemha l-vjolenza li għal għexieren ta’ snin kienet tkidd lill-Irlanda ta’ Fuq.  Bi spirtu ta’ rikonoxxenza nitlob lil Alla tal-paċi li dak li nkiseb f’dak il-pass storiku jissaħħaħ għall-ġid tal-irġiel u n-nisa kollha tal-gżira tal-Irlanda.

Inġedded l-awguri tal-Għid it-tajjeb, lilkom ilkoll, rumani u pellegrini minn pajjiżi varji: “Kristu qam; qam tassew”.  Insellmilkom minn qalbi, partikolarment lill-adoloxxenti mill-parroċċi ta’ Vigevano, lil dawk minn Pisa u minn Appiano Gentile.

Irrodd ħajr li kulmin dal-ġranet bagħatli l-awguri.  Jien rikonoxxenti fuq kollox għat-talb; bl-interċessjoni tal-Verġni Marija, Alla jrodd lil kull wieħed u waħda minnkom bid-doni tiegħu!

U nawgura lil kulħadd li tgħaddu dal-jiem tal-Ottava tal-Għid li jestendi ċ-ċelebrazzjoni tal-Qawmien ta’ Kristu, fil-ferħ tal-fidi.  Nipperseveraw fit-talb ħerqan u mħeġġeġ għad-don tal-paċi fid-dinja kollha, speċjalment fl-għażiża Ukrajna ifflaġellata.

It-Tnejn tal-Anġlu t-tajjeb!  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber