IL-PAPA FRANĠISKU

REGINA CAELI

Pjazza San Pietru

8 ta’ Mejju, 2022

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum ikellimna dwar ir-rabta li hemm bejn il-Mulej u kull wieħed u waħda minna (cfr Ġw 10,27-30).  Biex jagħmel dan Ġesù juża tixbiha tenera, tixbiha sabiħa, dik tar-ragħaj li jindokra n-nagħaġ tiegħu.  U jispjega ruħu bi tliet verbi: “In-nagħaġ tiegħi – jgħid Ġesù – jisimgħu leħni u jiena nagħrafhom u huma jimxu warajja (v. 27).  Tliet verbi: smigħ, għarfien, sekwela.  Naraw dawn it-tliet verbi.

Qabelxejn in-nagħaġ jisimgħu leħen ir-ragħaj.  L-inizjattiva dejjem tiġi mill-Mulej; kollox jibda mill-grazzja tiegħu: huwa Hu li jsejħilna biex ningħaqdu f’komunjoni miegħu.  Imma dil-komunjoni tissawwar dment li aħna nkunu miftuħin biex nisimgħu; jekk nibqgħu torox ma jkunx jista’ jtina din il-komunjoni.  Ninfetħu għas-smigħ għax is-smigħ ifisser disponibbiltà, ifisser manswetudni, ifisser żmien mogħti għad-djalogu.  Illum aħna mirdumin mill-kliem u mill-għaġla li dejjem irridu ngħidu jew nagħmlu xi ħaġa, anzi, kemm drabi tnejn min-nies ikunu jitkellmu u parti ma tistenniex lill-oħra tispiċċa, tfisser ħsiebha, taqtgħala fin-nofs, twieġeb....... Imma jekk lil dak li jkun ma nħalluhx jitkellem, ma nkunux qed nisimgħu.  Dan hu dnub ta’ żmienna.  Illum aħna mirdumin taħt il-kliem, mill-għaġla li dejjem irridu ngħidu xi ħaġa, nibżgħu mis-skiet.  Kemm insibuha bi tqila nisimgħu lill xulxin!  Nisimgħu sal-aħħar, inħallu lill-ieħor jesprimi ruħu, nisimgħu lil xulxin fil-familja, nisimgħu lil xulxin fl-iskola, nisimgħu lil xulxin fuq ix-xogħol u saħansitra, fil-Knisja!  Imma qabel kollox lill-Mulej jeħtieġ nisimgħuh.  Hu il-Kelma tal-Missier u n-nisrani hu bin is-smigħ, imsejjaħ jgħix bil-Kelma t’Alla dejjem qribu.  Nistaqsu llum lilna nfusna jekk aħniex ulied is-smigħ, jekk insibux ħin għall-Kelma t’Alla, jekk nagħmlux wisa’ lil ħutna.  Jekk nafux nisimgħu sakemm l-ieħor ikun temm ħsiebu, ikun esprima ruħu sal-aħħar, bla ma naqtgħulu kliemu.  Min jisma’ lill-oħrajn jaf jisma’ wkoll lill-Mulej, u viċi-versa.  U jkun iġarrab ħaġa sabiħa ħafna, jiġifieri li l-Mulej stess ikun qed jisma’: jismagħna meta nkunu nitolbuh, meta niftħu qlubna miegħu, meta ninvokawh.

Hekk, meta nisimgħu lil Ġesù, inkunu mexjin fit-triq li minnha niskopru li Hu jafna.  Dan hu t-tieni verb, li għandu x’jaqsam mar-ragħaj it-tajjeb: Hu jagħraf in-nagħaġ tiegħu.  Imma dan ma jfissirx biss li Hu jaf ħafna affarijiet dwarna: fis-sens bibliku l-għafrien ifisser ukoll li tħobb.  Ifisser li waqt li l-Mulej ikun qed “jaqra dak li għandna fi qlubna” jridilna l-ġid, ma jikkundannaniex.  Jekk nisimgħuh niskopru dan, li l-Mulej iħobbna.  It-triq biex niskopru l-imħabba tal-Mulej hi li nisimgħuh.  Allura r-relazzjoni miegħu ma tibqax impersonali, bierda jew tal-qoxra.  Ġesù jfittex ħbiberija taħraq, kunfidenzjali, intima.  Irid itina għarfien ġdid u meraviljuż: dak li nkunu nafu li aħna dejjem maħbubin minnu u għalhekk qatt imħollijin waħedna, għal rasna.  Meta nibqgħu mar-Ragħaj it-Tajjeb ngħixu l-esperjenza li jitkellem dwarha s-Salm: “Imqar jekk nimxi f’wied mudlam, ma nibżax mill-ħsara għax inti miegħi” (Salm 23, 4).  Partikolarment fit-tbatija, fl-għejja, fil-kriżijiet li huma dlam: Hu jweżinna għax jgħixhom flimkien magħna.  U hekk, propju fis-sitwazzjonijiet diffiċli, aħna nkunu  nistgħu niskopru li l-Mulej jafna u jħobbna.  Allura, nistaqsu lilna nfusna: jien inħallih isir jafni l-Mulej?  Nagħmillu spazju f’ħajti, intih dak li nkun għaddej minnu?  U, wara tant drabi li nkun ġarrabt il-qrubija tiegħu, il-ħniena tiegħu, il-ħlewwa tiegħu, x’idea għandi tal-Mulej?  Il-Mulej hu qrib, il-Mulej hu r-ragħaj it-tajjeb.

U fl-aħħar it-tielet verb: in-nagħaġ li jisimgħu u li jiskopru li huma magħrufin isegwu: jisimgħu, iħossu li huma magħrufin mill-Mulej u jimxu warajh, Hu, ir-ragħaj tagħhom.  U min jimxi wara Kristu x’jagħmel?  Imur fejn imur Hu, tul l-istess triq, fl-istess direzzjoni.  Imur ifittex lil min hu mitluf (cfr Luqa 15, 4), jagħti kas ta’ min hu mbiegħed, jagħmel tiegħu is-sitwazzjoni ta’ min qed isofri, jaf jibki ma’ min jibki, inewwel idu lill-proxxmu, jerfgħu fuq spallejh.  U jien?  Inħalli lil Ġesù jħobbni u minn din l-imħabba ngħaddi biex inħobb lilu, nimitah?  Il-Verġni Qaddisa tgħinna nisimgħu lil Kristu, insiru nafuh dejjem aktar u nimxu warajh fit-triq tal-qadi.  Nisimgħu, inkunu nafuh u nimxu warajh.

 

Wara r-Regina Caeli

Għeżież ħuti,

Ilbieraħ f’ San Ramón (Perù) ġiet beatifikata Maria Agostina Rivas Lopez, magħrufa bħala Aguchita, reliġjuża tal-Kongregazzjoni tas-Sinjura Tagħna tal-Karità tar-Ragħaj it-Tajjeb, li nqatlet minħabba l-mibegħda lejn il-fidi fl-1990.  Dil-missjunarja erojka, minkejja li kienet taf li qed tirriskja ħajjitha, dejjem baqgħet qrib il-foqra, speċjalment in-nisa indiġeni u tar-raba, tagħti xhieda tal-Evanġelju tal-ġustizzja u l-paċi.  Jalla l-eżempju tagħha jqanqal fina lkoll ix-xewqa li nservu lil Kristu bil-fedeltà u l-kuraġġ.  Applaws lill-Beata l-ġdida.

Illum qed niċċelebraw Il-Jum Dinji ta’ Talb għall-Vokazzjonijiet bit-tema: “Imsejħin biex nibnu l-familja umana”.  F’kull kontinent, il-komunitajiet insara jitolbu bil-ħerqa lill-Mulej id-don tal-vokazzjonijiet għas-saċerdozju, għall-ħajja konsagrata, għall-għażla missjunarja u għaż-żwieġ.  Dan hu l-jum li fih aħna lkoll, għax mgħammdin, inħossu s-sejħa li nimxu wara Ġesù, ngħidulu iva, nimitawh biex niskopru l-ferħ li nagħtu ħajjitna, li nservu l-Evanġelju bil-ferħ u l-ħeġġa.  F’dan il-qafas, nixtieq nagħti l-awguri tiegħi lill-presbiteri l-ġodda tad-Djoċesi ta’ Ruma li ġew ordnati dalgħodu fil-Bażilika ta’ San Giovanni in Laterano.

Propju f’dan il-ħin, bosta fidili huma miġburin madwar ix-xbieha meqjuma ta’ Marija fis-Santwarju ta’ Pompei, biex jgħamlulha s-Supplika li ħarġet mill-qalb tal-Beatu Bartolo Longo.  Jien u ninżel għarkuptejja spiritwalment quddiem il-Verġni, inqiegħed f’idejha x-xewqa ħerqana tal-paċi għal tant popolazzjonijiet li f’diversi nħawi tad-dinja qed ibatu s-saħta ta’ gwerra bla sens.  Lill-Verġni Mqaddsa nippreżentalha partikolarment it-tbatijiet u d-dmugħ tal-poplu ukren.  Quddiem il-ġenn tal-gwerra, jekk jogħġobkom, inkomplu nitolbu r-Rużarju għall-paċi, kuljum.  U nitolbu għal kulmin hu responsabbli fin-nazzjonijiet sabiex ma jinjorawx “ix-xamma tan-nies” li jridu l-paċi u jafu tajjeb li din qatt ma tista’ tinkiseb bl-armi.

Nitolbu wkoll għall-vittmi tal-isplużjoni li kien hemm fil-lukanda l-kbira tal-belt kapitali ta’ Kuba, l-Avana.  Kristu Rxoxt imexxihom lejn id-dar tal-Missier u jagħti faraġ lill-familjari.

Insellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini mil-Italja u minn tant pajjiżi.  Insellem partikolarment lill-fidili mill-Istati Uniti tal-Amerika, mill-Polonja u mid-djoċesi ta’ Nantes (Franza).  Insellem lill-familja Passjonista, li qed tiċċelebra t-tielet ċentinarju tal-fundazzjoni; lill-morda bil-fibromalġija, li nawgura li jkollhom l-għajnuna meħtieġa; kif ukoll lill-fidili minn Napli, Pomigliano d’Arco, Reggio Calabria u Foggia, liż-żgħażagħ tal-Griżma minn Zogno (Bergamo) u lil dawk minn San Ferdinando f’Ruma.  Tislima speċjali lill-grupp ta’ rifuġjati ukreni u lill-familji li qed jospitawhom f’ Macchie, qrib Perugia.  Insellem ukoll lil dawk li huma responsabbli tal-Komunità ta’ San Egidio fl-Amerika Latina.

Illum, f’ħafna pajjiżi hi l-Festa tal-Ommijiet.  Niftakru b’għożża fl-ommijiet tagħna – applaws lill-ommijiet – lil dawk ukoll li m’għadhomx magħna hawnhekk, imma li għadhom fi qlubna.  Għall-ommijiet kollha t-talb tagħna, l-għożża tagħna, l-awguri tagħna.

Il-Ħadd it-tajjeb lilkom ilkoll!  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber