IL-PAPA FRANĠISKU

REGINA CAELI

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 7 ta’ Mejju, 2023

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum (Ġw14,1-12) meħud mill-aħħar diskors ta’ Ġesù qabel ma’ miet.  Id-dixxipli qalbhom imħawda, imma l-Mulej jgħidilhom kliem ta’ serħan ir-ras, jistedinhom biex ma jibżgħux, tibżgħux: infatti, Hu mhux se jabbandunahom, imma sejjer iħejjilhom post u se jmexxihom lejn dik id-destinazzjoni.  B’hekk illum il-Mulej qed juri lilna lkoll il-post meraviljuz fejn irridu mmorru, u, fl-istess ħin qed jgħidilna kif nistgħu naslu hemmhekk, jurina t-triq li għandna nimxu fiha.  Jgħidilna fejn immorru u kif naslu,

Qabel xejn, fejn se mmorru.  Ġesù jara li d-dixxipli huma mifxulin, jara l-biża’ tagħhom li se jisfaw abbandunati, propju kif jiġri lilna meta jkollna ninfirdu minn xi ħadd li ngħożżuh.  U allura jgħid: “Sejjer inħejjilkom post (...), sabiex fejn inkun jien tkunu intom ukoll”( vv. 2-3).  Ġesù juża x-xbieha familjari tad-dar, imkien ta’ relazzjonijiet u intimità.  Fid-dar tal-Missier – jgħid lil ħbiebu u lil kull wieħed u waħda minna – hemm wisa’ għalik, int milqgħuh, se tintlaqa’ għal dejjem mis-sħana ta’ tgħannieqa, u jien qiegħed fis-Sema nħejjilek post!  Iħejjielna dik it-tgħannieqa mal-Missier, il-post għall-eternità kollha.

Ħuti, dan hu kliem ta’ faraġ, hu għajn ta’ tama għalina.  Ġesù ma nfiridx minna imma fetħilna t-triq, antiċipa d-destinazzjoni aħħarija tagħna: il-laqgħa ma’ Alla l-Missier, li f’qalbu hemm post għal kull wieħed u waħda minna.  Allura meta nġarrbu l-għejja, inħossuna mitlufin jew falluti, niftakru ‘il fejn hi sejra ħajjitna.  M’għandniex naqalgħu għajnejna minn fuq id-destinazzjoni tagħna, jekk illum qed nirriskjaw li nitilfu dan, u ninsew il-mistoqsijiet finali, l-aktar importanti: ‘il fejn sejrin?  Lejn xiex mexjin? X’inhu s-siwi tal-ħajja?  Mingħajr dawn il-mistoqsijiet ħajjitna tkun bla fejda u tgħix biss fil-preżent, jidhrilna li għandna ngawduha mill-aħjar li nistgħu u nispiċċaw ngħixu kif jiġi, bla skop, bla għan.  Iżda l-patrija tagħna hi fis-sema (cfr Fil 3,20), ma ninsewx kemm hi kbira u sabiħa d-destinazzjoni tagħna!

Ladarba nkunu skoprejna d-destinazzjoni, aħna wkoll, bħall-Appostlu Tumas fl-Evanġelju tal-lum, nistaqsu lilna nfusna: kif se naslu, liema hi t-triq?  Kultant, l-aktar meta jkollna nħabbtu wiċċna ma’ problemi kbar, u jkollna sensazzjoni li l-ħażen hu aktar b’saħħtu, jiġi li nistaqsu: x’għandi nagħmel, liema hi t-triq li għandi nimxi fiha?  Nisimgħu t-tweġiba ta’ Ġesù: “Jien it-triq, is-sewwa u l-ħajja” (Ġw 14,6).  “Jien it-triq”.  Ġesù nnifsu hu t-triq li għandna nsegwu biex ngħixu fil-verità u jkollna ħajja bl-abbundanza.  Hu t-triq u għalhekk il-fidi fih mhix “pakkett ta’ ideat” li rridu nemmnuhom, imma triq li għandna nterrqu, vjaġġ li rridu nagħmlu, mixja flimkien miegħu.  Hi mixja wara Ġesù għax Hu t-triq li twassal għall-hena li ma tintemm qatt.  Nimxu wara Ġesù u nimitawh, speċjalment b’ġesti ta’ qrubija u ħniena lejn l-oħrajn.  Din hi l-boxxla biex naslu fis-Sema: inħobbu  lil Ġesù, it-triq, insiru sinjali ta’ mħabbtu fuq l-art.

Ħuti, ejjew ngħixu l-preżent, naħkmuh f’idejna imma ma nħalluhx iġorrna miegħu: inħarsu ‘l fuq, inħarsu lejn is-Sema, niftakru fid-destinazzjoni tagħna, niftakru li aħna msejħin biex ngħixu għall-eternità, għal-laqgħa ma’ Alla.  U, mis-Sema għall-qalb, inġeddu llum l-għażla favur Ġesù, l-għżala li nħobbuh u li nimxu warajh.  Il-Verġni Marija, li bil-mixja tagħha wara Ġesù diġà waslet fid-destinazzjoni tagħha, tkun l-irfid tat-tama tagħna.

 

 

Wara r-Regina Caeli

 

Għeżież ħuti!

 

Ilbieraħ ġew iċċelebrati żewġ beatifikazzjonijiet.  F’Montevideo, fl-Urugwaj, kien beatifikat l-Isqof Jacinto Vera, li għex fis-seklu XIX.  Ragħaj li għaraf jirgħa l-merħla tiegħu, kien xhud tal-Evanġelju b’ħerqa missjunarja ġeneruża tant li ġab ir-rikonċiljazzjoni soċjali minkejja l-klima ta’ tensjoni minħabba l-gwerra ċivili.  Fi Granada, fi Spanja, kienet beatifikata iż-żgħażugħa Maria de la Concepción Barrecheguren y García.  Mixħuta fis-sodda minħabba marda gravi, kienet issaportiet it-tbatija b’forza spiritwali kbira, u nisslet f’kulħadd ammirazzjoni u faraġ.  Mietet fl-1927 ta’ 22 sena.  Applaws lill-Beati l-ġodda!

Insellem minn qalbi lilkom ilkoll, rumani u pellegrini mill-Italja u minn bosta pajjiżi, partikolarment lill-fidili mill-Awtralja, minn Spanja, mill-Ingilterra u lill-istudenti tal-Kulleġġ San Tumas minn Lisbona.

Insellem lill-Assoċjazzjoni Meter u l-fundatur tagħha Fortunato Di Noto, li huma impenjati biex jilqgħu minn qabel u jiġġieldu l-vjolenza fuq il-minuri; illum qed niċċelebraw is-27 Jum tat-Tfal Vittmi; minn tletin sena ‘l hawn huma ilhom jiddefendu t-tfulija mill-abbużi u mill-vjolenza.  Jien qribkom ħuti, u nakkumpanjakom bit-talb u l-għożża tiegħi.  Qatt tgħejjew tiddefendu lil min hu vittma, hemmhekk hemm Kristu Tfajjel jistennikom, grazzi!

Insellem lill-grupp tal-morda bil-fibromalġija mir-Roqgħa Medika tal-Vikarjat ta’ Ruma; lis-Sorijiet ta’ San Ġużepp Benedittu Cottolengo; lill-Assoċjazzjoni Lajċi tal-Ħniena; lill-Familja Camilliana Lajka; lill-fidili minn Pozzuoli, Caraglio u Valle Grana; lill-korijiet minn Empoli u Ponte Buggianese.

Tislima speċjali lill-Gwardji Svizzeri l-ġodda, lill-familjari tagħhom u ħbiebhom u lill-Awtoritajiet Elvetiċi li ħadu sehem fil-festi ta’ dan il-Korp benemeritu.  Applaws lill-Gwardji, kollha!

Għada f’Pompej tiġġedded it-tradizzjonali Supplika lill-Madonna tar-Rużarju, f’dak is-Santwarju li l-Beatu Bartolo Longo ried jiddedikah għall-paċi.  Tul dax-xahar ta’ Mejju nitolbu r-Rużarju u nitolbu lill-Verġna Mqaddsa d-don tal-paċi, partikolarment fl-Ukrajna martirizzata.  Jalla min hu responsabbli fost in-nazzjonijiet jagħti widen għax-xewqa tan-nies li qed ibatu u jridu l-paċi!

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber