IL-PAPA FRANĠISKU

REGINA CAELI

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd tal-Ħniena Divina, 7 ta’ April, 2024

Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!

Illum, it-tieni Ħadd tal-Għid, li San Ġwanni Pawlu II ddedikah lill-Ħniena Divina, l-Evanġelju (cfr Ġw 20,19-31) jgħidilna li bit-twemmin tagħna f’Ġesù, Iben Alla, f’ismu, ikollna l-ħajja ta’ dejjem (v, 31).  Xi jfisser “ikollna l-ħajja?

Ilkoll kemm aħna nixtiequ l-ħajja, imma hemm modi differenti kif infassluha.  Per eżempju, hemm min l-eżistenza jirriduċieha f’ġirja bla rażan biex igawdi u biex ikollu ħafna affarijiet: jiekol u jixrob tajjeb, jiddeverti, iġemma l-flus u ħwejjeġ oħra, iġarrab emozzjonijiet qawwija u ġodda, u aktar.  Hi triq li mad-daqqa t’għajn tidher pjaċevoli, iżda qatt ma tissodisfa l-qalb.  Din mhix ħajja, għax mhemmx hena fit-triq tal-pjaċiri u tas-setgħa.  Infatti, bosta  aspetti tal-eżistenza, bħal ngħidu aħna, l-imħabba, l-esperjenzi inevitabbli tan-niket, tal-limitazzjonijiet u tal-mewt, jibqgħu bla tweġiba.  Imbagħad, il-ħolma ta’ kulħadd tibqa’ bla temma: it-tama ta’ ħajja bla tmiem, li nkunu maħbubin bla tarf.  L-Evanġelju tal-lum jgħidilna li din il-milja tal-ħajja, li lkoll kemm aħna msejħin għaliha, titwettaq biss f’Ġesù”.  Huwa Hu li jtina l-milja tal-ħajja.  Imma kif jista’ jkollna aċċess għaliha, kif nistgħu nesperjenzjawha?

Inħarsu lejn dak li ġralhom id-dixxipli fl-Evanġelju.  Huma għaddejjin minn waqt l-aktar traġiku tal-ħajja: wara l-jiem tal-passjoni jinsabu magħluqin fiċ-Ċenaklu, imbeżżgħin u bla kuraġġ.  L-Irxoxt jiltaqa’ magħhom u l-ewwel ma jagħmel, jurihom il-pjagi (cfr v. 20): kienu l-marki tas-sofferenza u tat-tbatija, setgħu qanqlu sens ta’ ħtija, iżda ma’ Ġesù jsiru kanali tal-ħniena u ta’ maħfra.  Hekk, id-dixxipli jaraw u jmissu b’idejhom li ma’ Ġesù tirbaħ il-ħajja, dejjem, il-mewt u d-dnub huma telliefa.  U jirċievu d-don tal-Ispirtu li jtihom ħajja ġdida, bħala wlied maħbuba, magħġuna bil-ferħ, bl-imħabba u t-tama.  Insaqsikom ħaġa: intom għandkom tama?  Kulħadd isaqsi lilu nnifsu: kif inhi t-tama tiegħi.?

Dan irridu nagħmlu ta’ kuljum biex “ikollna l-ħajja”: biżżejjed inwaħħlu ħarsitna fuq Ġesù msallab u rxuxtat, niltaqgħu miegħu fis-Sagramenti u fit-talb, nagħrfu li hu preżenti, nemmnu fih, inħallu l-grazzja tiegħu tmissna u tmexxina fuq l-eżempju tiegħu, inġarrbu l-ferħ li nħobbu bħalma ħabb Hu.  Kull laqgħa ma’ Ġesù, kull laqgħa ħajja miegħu, isseddqilna ħajjitna, ittina aktar ħajja.  Infittxu lil Ġesù, inħalluh jiltaqa’ magħna – għax Hu jfittixna! – niftħu qlubna għal-laqgħa ma’ Ġesù.

Però, insaqsu lilna nfusna: jien nemmen fil-qawwa tal-qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù, nemmen li Ġesù rxoxta?  Nemmen fir-rebħa tiegħu fuq id-dnub, fuq il-biża’ u fuq il-mewt? Ninvolvi ruħi fir-relazzjoni tiegħi mal-Mulej, ma’ Ġesù?  U nħallih jixprunani biex inħobb lill-aħwa u nemmen kull jum li jgħaddi?  Kulħadd jaħseb f’dan.

Marija tgħinna biex ikollna fidi dejjem isħaħ f’Ġesù mqajjem mill-mewt sabiex “ikollna l-ħajja” u nxerrdu l-ferħ tal-Għid.

 

Wara r-Regina Caeli

Għeżież ħuti!

Nixtieq infakkar lil dawk il-persuni li xi jiem ilu mietu fl-inċident tal-pullman li ħareġ minn triqtu fis-Sudafrika.  Nitolbu għalihom u għall-familjari tagħhom.

Ilbieraħ kienet il-Ġurnata Internazzjonali tal-Isports għall-Iżvilupp tal-Paċi. Ilkoll nafu kemm l-isports jista’ jeduka biex is-soċjetà tkun aktar miftuħa, solidali, bla preġudizzji.  Imma biex dan iseħħ hemm bżonn li d-diriġenti u dawk li jħarrġu lill-atleti ma jimmirawx biss għar-rebħ jew għall-qligħ.  Nippromwovu sports li jiffavorixxi l-ħbiberija soċjali u l-fraternità!

U lanqas għandna nfallu milli nitolbu għall-paċi, paċi ġusta u dejjiema, partikolarment fl-Ukrajna mifnija u fil-Palestina u f’Iżrael.  L-Ispirtu tal-Mulej irxuxtat idawwal u jwieżen lil kulmin jaħdem biex inaqqas it-tensjoni u biex jiffavorixxi ġesti li jagħmlu n-negozjati possibbli.  Jalla l-Mulej jagħti l-ħila lid-dirġenti li jieqfu ftit biex jiddiskutu, biex jinnegozjaw.

Insellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini mill-Italja u minn diversi pajjiżi.  Insellelm b’mod partikolari lill-istudenti tal-iskola kattolika Mar Qardakh minn Erbil, il-belt kapitalki tal-Kurdistan Iraqqin; lill-adoloxxenti minn Castellón, Spanja.  Nilqa’ b’għożża lill-gruppi ta’ talb li jħaddnu l-ispiritwalità tal-Ħniena Divina, li llum iltaqgħu fis-Santwarju ta’ Spirito Santo in Sassia.

Insellem lill-grupp “tal-logħoba tal-boċċi “La Perosina”; lill-grupp ACLI minn Chieti; lill-parteċipanti tal-Konferenza Internazzjonali għall-Abolizzjoni tal-maternità surrogata; lill-fidili minn Modugno u minn Alcamo; lill-istudenti tal-iskola “San Giuseppe” minn Bassano del Grappa u lil dawk li se jagħmlu l-Griżma minn Sant’Arcangelo di Romagna.  Insellem lill-bosta pollakki: qed nara l-bnadar!

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber