IL-PAPA FRANĠISKU

REGINA CAELI

Pjazza San Pietru

5 ta’ Ġunju, 2022

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb, il-Ħadd it-tajjeb!

U llum il-festa t-tajba wkoll, għax illum niċċelebraw is-solennità ta’ Penetecoste.  Niċċelebraw it-tiswib tal-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli, li seħħ ħamsin jum wara l-Għid.  Ġesù kien wiegħed dan kemm-il draba.  Fil-Liturġija tal-lum l-Evanġelju jtina waħda minn dawn il-wegħdiet, meta lid-dixxipli Ġesù qalilhom: “L-Ispirtu s-Santu li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox, u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom jien” (Ġw 14, 26).  Dan jagħmel l-Ispirtu: jgħallem u jfakkar dak kollu li qal Kristu.  Nirriflettu fuq dawn iż-żewġ azzjonijiet, it-tagħlim u l-fakra, għax b’hekk Hu jnissel fi qlubna l-Evanġelju ta’ Ġesù.

Qabel xejn l-Ispirtu s-Santu jgħallem.  B’hekk Hu jgħinna negħlbu kull ostaklu li jinqalgħalna fl-esperjenza tal-fidi: dak tad-distanza.  Hu jgħinna negħlbu l-ostklu tad-distanza fl-esperjenza tal-fidi.  Infatti jista’ jqum id-dubju li bejn l-Evanġelju u l-ħajja ta’ kuljum hemm distanza kbira:  Ġesù għex elfejn sena ilu, kien żmien ieħor, sitwazzjonijiet oħra, u għalhekk l-Evanġelju donnu li għadda żmienu, donnu li m’għadux adattat għall-illum tagħna bl-esiġenzi u l-problemi tiegħu.  Din il-mistoqsija tqum lilna wkoll: x’jista’ jgħidilna l-Evanġelju fl-epoka tal-internet, fl-epoka tal-globalizzazzjoni?  Kif tista’ tinfidna l-kelma tiegħu?

Nistgħu ngħidu li l-Ispirtu s-Santu hu speċjalista biex iqarreb id-distanzi, Hu jaf iqarribhom; jgħallimna negħlbuhom.  Huwa Hu li jgħaqqad it-tagħlim ta’ Ġesù ma’ kull żmien u ma’ kull persuna.  Bih, kliem Kristu mhumiex tifkira, le: bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu kliem Kristu jieħu l-ħajja, illum!  L-Ispirtu jagħtihom il-ħajja għalina: permezz tal-Iskrittura jkellimna u jorjentana fil-preżent.  L-Ispirtu s-Santu ma jibżax mill-mixja tas-sekli; anzi, lil min jemmen, jagħmlu aktar attent għall-ġrajjiet ta’ żmienu.  Infatti, l-Ispirtu s-Santu, meta jgħallem, iwettaq: il-fidi jżommha dejjem żagħżugħa.  Aħna nirriskjaw  li l-fidi nirrenduha xi ħaġa ta’ mużew; dan hu r-riskju!  Iżda Hu jmexxiha maż-żmien, dejjem aġġornata, il-fidi aġġornata: dan hu xogħolu.  Għax l-Ispirtu mhux marbut ma’ epoki jew modi li jgħaddu, imma jġib miegħu l-attwalità ta’ Ġesù, imqajjem u ħaj.

U b’liema mod jagħmlu dan l-Ispirtu?  Billi jfakkarna.  Dan hu t-tieni verb, jerġa’ jfakkar.  Xi tfisser ifakkar?  Ifakkar ifisser li jerġa’ jnissel fil-qalb, mill-ġdid: l-Ispirtu jerġa jirfed qlubna bl-Evanġelju.  Jiġrilna bħall-Appostli: kienu semgħu lil Ġesù tant drabi, madankollu ftit kienu fehemuh.  Lilna jiġrilna l-istess.  Imma mill-Pentekoste ‘l hemm, bil-qawwa tal-Ispirtu, jiftakru u jifhmu.  Jilqgħu kliemu qiesu magħmul apposta għalihom u minn għarfien tal-qoxra, minn għarfien ta’ memorja, jimxu lejn relazzjoni konvinta, ferrieħa, mal-Mulej.  Huwa l-Ispirtu li jagħmel dan, li minn “dak li smajna” jmexxina lejn l-għarfien personali ta’ Ġesù, jidħol fi qlubna.  Hekk l-Ispirtu jibdlilna ħajjitna: jara li ħsibijiet Ġesù jsiru wkoll ħsibijietna.  U dan jagħmlu billi jfakkarna kliemu, billi llum, jinfed qlubna bi kliem Ġesù.

Ħuti, mingħajr l-Ispirtu li jfakkarna f’Ġesù, il-fidi titlef il-memorja.  Bosta drabi l-fidi ssir tifkira bla memorja: iżda l-memorja hi ħajja u l-memorja ħajja jtihielna l-Ispirtu.  U aħna – nippruvaw insaqsu lilna nfusna – aħna nsara bla memorja?  Forsi biżżejjed kuntrarju wieħed, xi ftit għejja, kriżi, biex ninsew l-imħabba ta’ Ġesù u naqgħu fid-dubju u l-biżgħat tagħna?  Gwaj!  Noqgħodu attenti biex ma nsirux insara bla memorja.  Ir-rimedju hu li ninvokaw lil-Ispirtu s-Santu.  Nagħmlu dan spiss, speċjalment fil-waqtiet importanti, qabel xi deċiżjoni diffiċli u f’sitwazzjonijiet imwiegħra.  Naqbdu l-Evanġelju f’idejna u ninvokaw l-Ispirtu.  Nistgħu ngħidu hekk: “Ejja Spirtu s-Santu, fakkarni f’Ġesù, dawwalli qalbi”.  Talba sabiħa din: “Ejja Spirtu s-Santu, fakkarni f’Ġesù, dawwalli qalbi”.  Ngħiduha flimkien?  “Ejja Spirtu s-Santu, fakkarni f’Ġesù, dawwalli qalbi”.  Imbagħad niftħu l-Evanġelju u naqraw silta qasira, bil-mod.  U l-Ispirtu jkellem lil ħajjitna permezz tagħha.

Il-Verġni Marija, mimlja bl-Ispirtu s-Santu, tkebbes fina x-xewqa li nitolbuh u nilqgħu il-Kelma t’Alla.

 

Wara r-Regina Caeli

Għeżież ħuti,

Nhar il-Pentekoste l-ħolma t’Alla dwar l-umanità ssir realtà; ħamsin jum wara l-Għid, popli li kienu jitkellmu b’ilsna differenti, jiltaqgħu u jifhmu lil xulxin.  Imma issa, wara mitt jum minn mindu bdiet l-aggressjoni armata fl-Ukrajna, l-inkubu tal-gwerra reġa ħakem lill-umanità mill-ġdid, il-gwerra li hi n-negazzjoni tal-ħolma ta’ Alla: popli li jitqabdu bejniethom, popli li joqtlu lil xulxin, nies li minflok jersqu lejn xulxin, ikunu mkeċċijin minn djarhom.   U filwaqt li l-furja tal-qerda u tal-mewt issaltan u l-pożizzjonijiet opposti jiħraxu, ikebbsu escalation dejjem aktar perikoluża għal kulħadd, inġedded l-appell lil min hu responsabbli min-nazzjonijiet: jekk jogħġobkom twasslux lill-umanità għar-rovina!  Tirvinawx lill-umanità jekk jogħġobkom  Ibdew negozjati veri, trattattivi konkreti biex jissikktu l-armi u biex ikun hemm soluzzjoni sostenibbli.  Isimgħu l-għajta ddisprata tan-nies li qed isofru – naraw dan kuljum fuq il-mezzi tal-komunikazzjoni – irrispettaw il-ħajja umana u waqqfu l-qerda makabra ta’ bliet u villaġġi fil-lvant tal-Ukrajna.  Jekk jogħġobkom, inkomplu nitolbu u nimpenjaw ruħna favur il-paċi, bla ngħejjew!

Ilbieraħ f’Beirut kienu beatifikati żewġ patrijiet Kapuċċini Minuri, Leonardo Melki u Tommaso Giorgio Saleh, saċerdoti u martri, maqtulin għall-mibegħda lejn il-fidi fit-Turkija, fl-1915 u fl-1917 rispettivament.  Dawn iż-żewġ missjunarji mill-Libanu, f’kuntest ostili, taw prova tal-fiduċja samma li kellhom f’Alla u ta’ għotja sħiħa għall-proxxmu.  Jalla l-eżempju tagħhom isaħħaħ ix-xhieda nistanija tagħna.  Kienu żgħażagħ, kellhom anqas minn 35 sena.  Applaws lill-Beati l-ġodda!

Sirt naf b’sodisfazzjoni li l-waqfien mill-ġlied fil-Yemen iġġedded għal xahrejn oħra.  Grazzi lil Alla u likom.  Nawgura li dan is-sinjal ta’ tama jkun pass ieħor biex jitwaqqaf il-kunflitt imdemmi li ħoloq waħda mill-aktar kriżijiet umanitarji koroħ ta’ żmienna.  Jekk jogħġobkom, ma ninsewx naħsbu fit-tfal tal-Yemen: ġuħ, qerda, nuqqas ta’ tagħlim, nuqqas ta’ kollox.  Niftakru fit-tfal!

Nixtieq niżgura lill-vittmi tat-tiġrif li ġabet ix-xita torrenzjali li kien hemm fir-reġjun metropolitan ta’ Recife fil-Brażil, li qed nitlob għalihom.

Insellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini!  Insellem lill-Assoċjazzjoni “Avvocatura in Missione”’ lill-membri tal-Moviment Internazzjonali Riconċiljazzjoni u l-Moviment Non-Vjolenti; lill-grupp tal-iscouts franċiżi “St Loius”, lis-Soċjetà San Viċenz de Paul u l-fraternità Evangelii Gaudium.  Insellem lill-fidili minn Piacenza d’Adige, il-kor minn Castelfidardo, liż-żgħażagħ minn Pollone u lil dawk min Cassina de’ Pecchi – niftakar meta żort dawk il-postijiet snin ilu -, lill-pellegrini mis-Santwarji Antoniani minn Camposamperio u liċ-ċiklisti minn Sarcedo u nsellem ukoll liż-żgħażagħ tal-Immacolata.

Nesprimi l-qrubija tiegħi lejn is-sajjieda, niftakru fis-sajjieda li minħabba l-għoli tal-fjuwel qed jirriskjaw li jieqfu mix-xogħol; u nestendiha wkoll lejn il-kategoriji kollha tal-ħaddiema li qed isofru bil-kbir minħabba l-konsegwenzi tal-kunflitt fl-Ukrajna.

Jien nitlob għalikom u intom itolbu għalija.  Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber