IL-PAPA FRANĠISKU

REGINA CAELI

Biblijoteka Appostolika

Il-Ħadd, 3 ta' Mejju, 2020

 

Għeżież ħuti,

Ir-raba' Ħadd tal-Għid, li qed niċċelebraw illum, hu dedikat lil Ġesù r-Ragħaj it-Tajjeb.  L-Evanġelju jgħid: "In-nagħaġ jisimgħu leħnu: Hu jsejjaħ in-nagħaġ tiegħu waħda waħda b'isimhom" (Ġw. 10,3).  Il-Mulej isejjħilna b'isimna, isejjħilna għax iħobbna.  Iżda l-Evanġelju jgħidilna li hemm ilħna oħra li m'għandiex immorru warajhom: dawk tal-barranin, tal-ħallelin u tal-briganti li jridu jagħmlu d-deni lin-nagħaġ.

Dawn l-ilħna l-oħra jidwu ġewwa fina.  Hemm leħen Alla, li jkellem lill-kuxjenza tagħna bil-ħlewwa, u hemm il-leħen tat-tentazzjoni li jimbuttana lejn il-ħażen.  Kif nistgħu nagħrfu leħen ir-Ragħaj it-Tajjeb minn dak tal-ħalliel, kif nagħmlu biex nagħżlu bejn dak li jispirana Alla mill-frugħa tal-malinn?  Nistgħu nitgħallmu niddixxernu bejn dawn iż-żewġ ilħna: infatti dawn jitkellmu żewġ lingwi differenti, jiġifieri għandhom metodi kontra xulxin biex iħabbtu fuq qlubna.  Jitkellmu lingwi differenti.  Kif aħna għanda ħila nagħżlu bejn waħda u oħra, nistgħu ukoll nagħrfu nagħżlu leħen Alla minn dak tal-malinn. Il-leħen t'Alla qatt ma jġiegħel: Alla jipproponi, ma jimponix ruħu.  Iżda l-leħen ħażin isaħħar, iġiegħel; jipproponi l-illużjonijiet li jgħammxu, emozzjonijiet li jħajjru, imma li jgħaddu f'ħakka t'għajn.  Għall-bidu jimpostura, iġagħalna nemmnu li aħna nistgħu kollox, imma mbagħad iħallielna vojt ġewwa fina u jibda' jakkużana: "Int ma tiswa xejn".  Imma leħen Alla, jikkoreġina b'ħafna paċenzja, jinkoraġġina dejjem, ifarraġna, dejjem iqawwilna t-tama.  Leħen Alla hu leħen li għandu xefaq, iżda leħen il-ħażin idaħħlek ġo ħajt, jagħlqek f'rokna.

Differenza oħra.  Leħen l-għadu jaljenak mill-preżent u jrid li aħna nraħħmu fuq il-biżgħat tal-ġejjieni jew dwar is-swied il-qalb tal-imgħoddi - l-għadu ma jridx il-preżent -: iqanqal fik l-imrar, il-fakra tal-inġustizzji li sofrejt, (ifakkar) f'dawk li għamlulna l-ħsara..., ħafna tifkiriet koroħ.  Iżda leħen Alla jitkellem fil-preżent: "issa tista' tagħmel il-ġid, issa tista' tħaddem il-kreattvità  tal-imħabba, issa tista' twarrab id-dispjaċiri u r-rimorsi li qed iżommulek qalbek fil-jasar".  Jagħmlilna l-kuraġġ, imexxina 'l quddiem, imma jitkellem fil-preżent: issa.

Aktar: iż-żewġ ilħna jqanqlu fina mistoqsijiet differenti.  Dik ġejja minn Alla tkun: "X'inhu ta' ġid għalija?"  Minflok, it-tentatur jinsisti fuq mistoqsija oħra: "X'għandi aptit nagħmel?"  X'għandi aptit: leħen il-ħażin idur dejjem mal-'jiena', mal-impulsi, mal-bżonnijiet tiegħi, u kollox minnufih.  Iżda leħen Alla qatt ma jwiegħed il-ferħ b'irħis: jistedinna biex immorru lil hinn minna nfusna biex insibu l-ġid veru, il-paċi.  Niftakru: il-ħażen qatt ma jtik paċi, l-ewwel jimlik eċċitament u mbagħad iħallilek il-morr.  Dan hu l-istil tal-ħażen.

Leħen Alla u dak tat-tentaur, fl-aħħar, jitkellmu "f'ambjenti" differenti: l-għadu jippreferi d-dlam, il-falsità, it-tqassis; il-Mulej iħobb id-dawl tax-xemx, il-verità it-trasparenza sinċiera.  L-għadu jgħidilna "ingħalaq fik innifsek, intant, ħadd ma jifhmek jew jisma', tafdax!"  Bil-maqlub, it-tajjeb jistedinna ninfetħu, inkunu ċari u jkollna fiduċja f'Alla u fl-oħrajn.  Għeżież ħuti, f'daż-żmien tant ħsibijiet u tħassib iwassluna bex nidħlu fina nfusna.  Nagħtu widen għall-ilħna li jaslu fi qlubna.  Nistaqsu lilna nfusna minn fejn ġejjin.  Nitolbu l-grazzja li nagħrfu u nimxu wara leħen ir-Ragħaj it-Tajjeb, li jgħinna noħroġu mill-għeluq tal-egoiżmu tagħna u jmexxina lejn mergħat ta' libertà vera.  Il-Madonna tal-Parir it-Tajjeb, torjenta u takkumpanja d-dixxerniment tagħna.

 

Wara r-Regina Caeli

Għeżież ħuti,

illum qed niċċelebraw il-Jum Dinji ta' talb għall-vokazzjonijiet.  L-eżistenza nisranija kollha kemm hi dejjem hi tweġiba għas-sejħa t'Alla, f'kull stat tal-ħajja.  Dal-jum ifakkarna f'dak li ġurnata waħda kien qal Ġesù, jiġifieri li l-għalqa tas-Saltna t'Alla teħtieġ ħafna xogħol, u għandna nitolbu  'l-Missier biex jibgħat ħaddiema biex jaħdmu fl-għalqa tiegħu (cfr Mt 9,37-38).  Is-sċerdozju u l-ħajja konsagrata jesiġu kuraġġ u perseveranza; mingħajr it-talb ma nistgħux nimxu 'l quddiem f'dit-triq.  Nisteden lil kulħadd biex jitlob lill-Mulej id-don ta' ħaddiema tajbin b'qalb u jdejn disponibbli għal imħabbtu.

Għal darb'oħra rrid nesprimi l-qrubija tiegħi lejn il-morda bil-Covid-19, lejn kull min hu impenjat biex jikkurahom u lejn dawk kollha li b'xi mod, qed isofru minħabba l-pandemija.  Nixtieq fl-istess ħin nagħti appoġġ u ninkoraġġixxi l-kollaborazzjoni internazzjonali li hi impenjata b'ħafna inizjattivi, biex twieġeb b'mod xieraq u effikaċi għal dil-kriżi gravi li qed ngħixu bħalissa.  Infatti huwa importanti li ngħaqqdu flimkien il-ħiliet xjentifiċi, b'mod trasparenti u diżinteressat, biex jinstabu tilqima u l-kura li jiggarantixxu aċċess dinji għat-teknoloġiji essenzjali li jippermettu lil kull-persuna mniġġsa, f'kull rokna tad-dinja, li jkollha l-kura sanitarja meħtieġa.

Ħsieb speċjali jmur lejn l-Assoċjazzjoni "Meter" li nediet il-Jum Nazzjonali għat-tfal vittmi tal-vjolenza, l-isfruttament u l-indifferenza.  Ninkoraġġixxi lil min hu responsabbli u lill-operaturi  biex ikomplu l-ħidma tagħhom ta' prevenzjoni u sesibiliżżazzjoni tal-kuxjenzi bi sħab ma' aġenzji edukattivi varji.  U rrodd ħajr lit-tfal tal-Assoċjazzjoni li bagħtuli 'collage' b'mijiet ta' margeriti kkuluriti.  Grazzi!

Għadna kif bdejna Mejju, xahar Marjan per eċċellenza, li tulu l-fidili jħobbu jżuru s-Santwarji dedikati lill-Madonna.  Dis-sena, minħabba s-sitwazzjoni sanitarja, immorru f'dawn il-postijiet ta' fidi u devozzjoni, spiritwalment, biex inqiegħdu fil-qalb tal-Verġni Qaddisa l-preokkupazzjonijiet tagħna, l-istennija u l-proġetti għall-ġejjieni.

U peress li t-talb għandu valur universali, ilqajt il-proposta tal-Kumitat Għoli għall-Fratellanza Umana sabiex fl-14 ta' Mejju min jemmen, hu ta' liema reliġjon hu, jingħaqad spiritwalment f'ġurnata ta' talb u sawm u opri ta' karità, biex nitolbu ħerqana lil Alla jgħin lill-umanità tegħleb il-pandemija tal-coronavirus.  Ftakru: fl-14 ta' Mejju, kull min jemmen ilkoll flimkien, nies ta' twemmin tad-diversi tradizzjonijiet, biex nitolbu, insumu u nagħmlu opri ta' karità.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber