IL-PAPA FRANĠISKU

REGINA CAELI

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd, 2 ta' Mejju, 2021

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fl-Evanġelju ta' dal-ħames Ħadd tal-Għid (Ġw 15,1-8), il-Mulej juri ruħu bħala d-dielja vera u jgħid li aħna friegħi li ma nistgħux ngħixu jekk ma nibqgħux magħqudin  miegħu.  Jgħid hekk: "Jiena d-dielja u intom il-friegħi" (v. 5).  M'hemmx dielja mingħajr friegħi, u bil-maqlub.  Il-friegħi ma jmantnux lilhom infushom imma jiddependu għal kollox mid-dielja, l-għajn tal-eżistenza tagħhom.

Ġesù jinsisti fuq il-verb "baqa'".  Itennih għal seba'darbiet fis-silta tal-Evanġelju tal-lum.  Qabel ma ħalla din id-dinja biex jingħaqad mal-Missier, Ġesù jrid jiżgura lid-dixxipli tiegħu li jistgħu jibqgħu marbutin miegħu.  Jgħid: "Ibqgħu fija u jiena fikom" (v.4).  Li tibqa' mhux xi ħaġa passiva, "xi nagħsa" fil-Mulej, li nħallu l-ħajja tbenninna.  Le, mhux hekk.  Li nibqgħu fih, li nibqgħu f'Ġesù, kif qed jipproponielna hu jfisser li nibqgħu attivi, u reċiproċi.Għaliex?  Għax il-friegħi mingħajr id-dielja ma jagħmlu xejn, għanhom bżonn l-ilma tal-ħajja biex jikbru u sabiex jagħtu l-frott; imma d-dielja wkoll teħtieġ il-friegħi għax il-frott ma jikbirx fuq iz-zokk tas-siġra.  Hi ħtieġa reċiproka, hija dir-reċiproċità li tagħti l-frott.  Aħna nibqgħu f'Ġesù u Ġesù jibqa' fina.

Qabel kollox aħna għandna bżonnu.  Il-Mulej irid jgħidilna li qabel l-osservanza tal-Kmandamenti tiegħu, qabel il-Beatitudnijiet, qabel l-opri tal-ħniena, hemm bżonn inkunu magħqudin miegħu, nibqgħu fih.  Ma nistgħux inkunu nsara tajbin jekk ma nibqgħux f'Ġesù.  Iżda jekk nibqgħu miegħu kollox nistgħu (cfr Fil 4-13).  Miegħu kollox nistgħu.

Imm Ġesù wkoll, bħala d-dielja bil-friegħi, għandu bżonna.  Forsi jidher li aħna sfaċċati li ngħidu dan, u allura nistaqsu lilna nfusna: f'liema sens għandu bżonna Ġesù?  Hu għandu bżonn ix-xhieda tagħna.  Il-frott li bħall-friegħi għandna nagħmlu huwa x-xhieda tal-ħajja nisranija tagħna.  Wara li Ġesù tela' għand il-Missier, huwa dmir id-dixxipli - huwa dmirna - li l-Evanġelju jkompli jitħabbar , bil-kelma u bl-opri.  U d-dixxipli - aħna, dixxipli ta' Ġesù - jagħmlu dan billi jagħtu xhieda ta' mħabbtu: il-frott li għandu jsir huwa l-imħabba.  Marbutin ma' Kristu, aħna nirċievu d-doni tal-Ispirtu s-Santu, u b'hekk inkunu nistgħu nagħmlu l-ġid lill-proxxmu, inkunu ta' fejda għas-soċjetà, għall-Knisja.  Mill-frott tagħha tingħaraf is-siġra.  Ħajja verament nisranija tkun xhieda ta' Kristu.

U kif se jinrexxielna?  Ġesù jgħidilna: "Jekk tibqgħu fija u kliemi jibqa' fikom, kulma titolbu jingħatalkom" (v. 7).  Din ukoll hi stqarrija kuraġġuża: iċ-ċertezza li dak li nitolbu jingħatalna.  Il-fekondità ta' ħajjitna tiddependi mit-talb.  Nistgħu nitolbu biex inkunu bħalu, biex inġibu ruħna bħalu, biex naraw id-dinja u l-affarijiet bl-għajnejn ta' Ġesù.  U b'hekk inħobbu lil ħutna ibda mill-aktar foqra u batuti, kif għamel Hu, u nħobbuhom bil-qalb tiegħu u nġibu fid-dinja frott ta' tjubija, frott ta' karità u frott ta' paċi.

Nintelqu taħt l-interċessjoni tal-Verġni Marija.  Hi baqgħet dejjem marbuta sħiħ ma' Ġesù u għamlet ħafna frott.  Ħa tgħinna Hi biex nibqgħu fi Kristu, f'imħabbtu, f'kelmtu, biex fid-dinja nkunu xhieda ta' Ġesù Rxoxt.

 

Wara r-Regina Caeli

 

Għeżież ħuti!

Nhar il-Ġimgħa li għadda f'Caracas, fil-Venezwela, ġie beatifikat José Gregorio Hernández Cisneros, fidil lajk.  Kien tabib għani fix-xjenza u fil-fidi.  Fil-morda kien għaraf wiċċ Kristu u, bħala sammaritan tajjeb, għenhom b'karita evanġelika.  Jalla l-eżempju tiegħu jgħinna nieħdu ħsieb kull min qed ibati fil-ġisem u fl-ispirtu.  Applaws lill-Beatu l-ġdid!

Nibgħat l-isbaħ awguri tiegħi lil ħutna tal-Knejjes Ortodossi u tal-Knejjes Kattoliċi Orjentali u Latini li llumm, skont il-kalendarju ġuljan qed jiċċelebraw is-Solennità tal-Għid.  Il-Mulej irxoxt iseddaqhom fil-paċi u jfarraġ lill-komunitajiet li qed jgħixu f'sitwazzjonijiet partikolarment diffiċli.  L-Għid it-tajjeb lilkom ilkoll!

Dħalna fix-xahar ta' Mejju li fih il-pjetà popolari tesprimi d-devozzjoni tagħha lejn il-Verġni Marija b'tant modi.  Dis-sena  l-karatteristika ta' dax-xahar se tkun "il-maratona" ta' talb  minn Santwarji marjani importanti biex nitolbu bil-ħrara ħalli tintemm il-pandemija.  Ilbieraħ kien hemm l-ewwel tappa mill-Bażilika ta' San Pietru.

F'dal-qafas hemm inizjattiva li hi ħafna għal qalbi: dik tal-Knisja tal-Birmania li qed tistieden it-talb għall-paċi u qed tiddedika Ave Marija tar-Rużarju ta' kuljum għall-Myanmar.  Kull wieħed u waħda minn nduru lejn ommna meta nsibu ruħna f'diffikultà.  Matul dax-xahar aħna nitolbu lill-Ommna tas-Sema sabiex tkellem lill-qlub ta' kull min hu responsabbli fil-Myanmar ħalli jsibu l-kuraġġ li jterrqu t-triq tal-laqgħa, tar-rikonċiljazzjoni u tal-paċi.

B'niket nesprimi l-qrubija tiegħi lejn il-popolazzjoni ta' Iżrael minħabba l-inċident li seħħ nhar il-Ġimgħa li għadda fuq il-muntanja Meron, li ħalla ħamsa w erbgħin mejta u għadd kbir ta' feruti.  Niżgurakom mit-talb tiegħi għall-vittmi ta' dit-traġedja u għall-familjari tagħhom.

Ħsiebi llum idur ukoll lejn l-Assoċjazzjoni Meter, u nħeġġiġhom biex ikomplu bl-impenn tagħhom favur it-tfal vittmi tal-vjolenza u l-isfruttament.

U fl-aħħar insellem minn qalbi lilkom ilkoll hawn preżenti, għeżież rumani u pellegrini minn diversi pajjiżi.  Insellem b'mod partikolari lill-imseħbin fil-Moviment Politiku għall-Għaqda, imwaqqaf minn Chiara Lubich 25 sena ilu.  Awguri u l-ħidma t-tajba għas-servizz ta' politika fejjieda!

U nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber