A SUA IMMAGINE
RAIUNO
“IT-TAMA TAĦT ASSEDJU”
IL-PAPA FRANĠISKU F’KOLLOKJU MA’ LORENA BIANCHETTI
(Xandira speċjali tal-Ġimgħa l-Kbira)
Lorena Bianchetti: Santità, intant ngħidlek grazzi, għax jien ninsab hawn f’isem dawk il-persuni kollha li bħalissa qed jgħixu sitwazzjonijiet kumplessi: ta’ taħwid, ta’ niket, ta’ biża’, ta’ tbatija. Ħa nibda minn ħin: it-tlieta, it-tlieta ta’ waranofsinhar. Ġesù jmut fuq is-salib u jmut innoċenti. Ħafna u ħafna huma l-persuni innoċenti li ma jridux il-gwerra imma qed iġarrbuha. Dawn il-jiem waslulna l-immaġni ta’ iġsma bla ħajja mixħuta fit-triq, hemm min qed jitkellem saħansitra fuq fran ambulanti tal-kremazzjoni, imma anki fuq stupri, devastazzjoni, atti barbari.
X’qed jiġrilha l-umanità, Santità?
Il-Papa: Imma din mhix xi ħaġa ġdida, għażiża tiegħi. Kien hemm kittieb li qal li “Ġesù Kristu jinsab f’agunija sal-aħħar tad-dinja”, jinsab f’agunija fi wliedu, f’ħutu, fuq kollox fil-foqra, fl-imwarrbin, fil-foqra li ma għandhomx biex jiddefendu ruħhom. Lilna, bħalissa, fl-Ewropa, qed tolqotna ħafna din il-gwerra. Imma ejjew inħarsu ftit ’il bogħod minna. Id-dinja tinsab fi gwerra, id-dinja tinsab fi gwerra! Is-Sirja, il-Jemen, imbagħad aħseb ftit fir-Rohingya mkeċċija ’l barra, bla patrija. Ma’ kullimkien hemm il-gwerra. Il-ġenoċidju tar-Rwanda 25 sena ilu. Għax id-dinja għażlet – iebsa tgħidha – imma għażlet l-iskema ta’ Kajjin, u l-gwerra hi t-twettiq tal-Kajjiniżmu, jiġifieri toqtol lil ħuk.
Lorena Bianchetti: U proprju għax jeżisti t-tajjeb u jeżisti l-ħażin, int iżjed minn darba ftaħtilna għajnejna fuq il-mod kif jaġixxi l-ħażen. Għidtilna li x-xitan jippreżenta ruħu b’mod ġentili, iħajjarna bi kliem sabiħ, imma fir-realtà l-ħażin irid biss il-falliment tagħna: max-xitan ma tistax tiddjaloga. U allura nistaqsik, proprju fid-dawl ta’ dak li kont qed tgħid, kif nistgħu nsibu xejriet ta’ medjazzjoni, xejriet ta’ djalogu ma’ min, jew aħjar, ma’ dawk li jixtiequ u jfittxu biss l-abbuż tal-poter?
Il-Papa: Meta jien ngħid li max-xitan ma tiddjalogax, dan għax ix-xitan huwa l-ħażen, u m’għandu xejn tajjeb! Aħna ngħidu li hu l-ħażen assolut. Dak li qam għalkollox kontra Alla! Imma mal-persuni li huma morda, li għandhom din il-marda tal-mibegħda, ma’ dawn nitkellmu, niddjalogaw, u Ġesù kien jiddjaloga ma’ ħafna midinbin, saħansitra ma’ Ġuda sal-aħħar “ħabib”, dejjem bil-ħlewwa, għax ilkoll kemm aħna, bl-Ispirtu tal-Mulej li hu żera’ fina, għandna dejjem fina xi ħaġa tajba. U meta jiena nsib ruħi quddiem persuna u dejjem għandi – ilkoll kemm aħna, ħa ngħidha differenti – meta aħna nsibu ruħna quddiem persuna, għandna naħsbu lil liema parti tal-persuna [nkellmu]: lill-parti l-kerha jew lill-parti moħbija, iżjed tajba. Kollha kemm aħna għandna xi ħaġa tajba fina, kollha! Dan hu sewwasew is-siġill ta’ Alla fina. Qatt ma għandna naqtgħu qalbna minn xi ħajja, le… li spiċċat fil-ħażen, u ngħid: “Dan ikkundannat”. Tiġini f’moħħi dik il-mara li marret tqerr għand il-Kurat ta’ Ars għax żewġha kien mar inxteħet minn fuq il-pont għal isfel. Il-Kurat qagħad jismagħha, tibki u tolfoq. “Dak li l-aktar qed jeqridni minn ġewwa hu li jinsab l-infern”. “Ieqaf”, qalilha. “Bejn il-pont u x-xmara hemm il-ħniena ta’ Alla”. Alla dejjem jibqa’ jfittex li jsalvana sal-aħħar, għax hu żera’ fina l-parti t-tajba. Anki f’Kajjin kien żeragħha, Abel u Kajjin, imma Kajjin għamel għemil vjolenti, u hu b’dan l-għemil li ssir il-gwerra.
Lorena Bianchetti: Imma, fil-fehma tiegħek, anki mill-perspettiva kulturali, hemm biżżejjed impenn – qed ngħid anki fuq livell ekkleżjali u mhux biss kulturali –, hemm biżżejjed impenn biex lill-persuni niftħulhom għajnejhom mit-tentazzjoni li jaqgħu u li jgħixu l-infern f’qalbhom diġà minn fuq din l-art? Qed ngħidlek dan għax xi drabi qed ngħixu f’soċjetà fejn donnu d-djaboliku hu ħafna iktar affaxxinanti, iktar stimolanti mit-tajjeb, l-onest, il-ġentili u anki l-ispiritwali, li spiss jidher u jiġi propost bħala ħaġa li ddejjaq lil dak li jkun.
Il-Papa: Iva, hu minnu dan. Il-ħażen iħajjar iżjed. Lura għax-xitan, hemm min jgħid li jiena nitkellem wisq fuq ix-xitan. Imma hi realtà. Jiena nemmen fih, eħ! Xi wħud jgħidu: “Le, dak mit”. Jien ma nimxix mal-mit, nimxi mar-realtà, nemmen li jeżisti. Imma hu jisseduċi. Is-seduzzjoni dejjem tara kif ħa tidħol, twiegħed xi ħaġa. Li kieku d-dnubiet kienu koroh, ma kellhom xejn sabiħ, ħadd ma kien jidneb. Ix-xitan jippreżentalek xi ħaġa sabiħa fid-dnub u jwaqqgħek fid-dnub. Ngħidu aħna, dawk li jagħmlu gwerra, dawk li jeqirdu l-ħajja tal-oħrajn, dawk li jisfruttaw in-nies fuq ix-xogħol. L-aħħar darba smajt familja tirrakkonta kif il-missier, fi żwieġ għadu fl-ewwel snin tiegħu, suppost kien jaħdem fl-għelieqi binhar imma kien ikollu joħroġ kmieni filgħodu u jerġa’ lura d-dar tard filgħaxija, għal ftit flus, sfruttat minn ditta biljunarja. Din ukoll hi gwerra. Hekk ukoll tkun qed teqred, u mhux biss bil-karrijiet armati, anki din hi qerda. Ix-xitan ifittex dejjem kif ħa jeqridna. Għaliex? Għax aħna xbieha ta’ Alla. Lura għal minn fejn tlaqna, it-tlieta ta’ waranofsinhar. Ġesù jmut, imut waħdu. L-ikbar solitudni, abbandunat anki minn Alla: “Għaliex tlaqtni?”. L-ikbar solitudni, għax hu ried jinżel sal-ikreh solitudni tal-bniedem biex jerfagħna minn hemm. Hu jerġa’ lura għand il-Missier, imma l-ewwel niżel, jinsab f’kull persuna sfruttata, li qed tbati l-gwerra, li qed tbati l-qerda, li qed tiġi ttraffikata. Kemm nisa huma lsiera tat-traffikar, hawn Ruma u fil-bliet il-kbar! Din hi opra tal-ħażin. Hija gwerra.
Lorena Bianchetti: F’kelma waħda, kif qal ukoll Dostoevskij f’L-Aħwa Karamazov: “Il-battalja bejn Alla u x-xitan hi proprju fuq il-qalb tal-Bniedem”. U hemm qed tintlagħab il-partita.
Il-Papa: Hemm qed tintlagħab. Għalhekk għandna bżonn ta’ dik l-umiltà li lil Alla ngħidulu: “Jiena midneb, imma salvani int, għinni!”. Għax kull wieħed u waħda minna għandu fih il-possibbiltà li jagħmel dan li qed jagħmlu dawk li jeqirdu n-nies, li jabbużaw min-nies. Għax id-dnub huwa possibbiltà tad-dgħufija tagħna u anki tas-suppervja tagħna.
Lorena Bianchetti: L-ewwel int għidt, fakkart, il-frażi mlissna minn Ġesù fuq is-salib: “Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?”, u din il-frażi tittraduċi solitudni, imma anki swied il-qalb, diqa u allura anki disperazzjoni, kif inħossuna aħna lkoll meta ma nafux liema tista’ tkun is-soluzzjoni għal xi tbatija, imma anki għal sens ta’ ħtija. Santità, dwar id-disperazzjoni tiġini f’moħħi xbieha ta’ din il-gwerra – u dan qed ngħidu bħala omm – ta’ missier jiġri b’ibnu f’dirgħajh għax intlaqat minn xrapnel ta’ bomba. Hu u martu jiġru lejn l-isptar, iddisprati. L-aħbarijiet li waslu huma li dan it-tifel b’xorti ħażina miet. Ma nistax nimmaġina disperazzjoni agħar minn dik ta’ żewġ ġenituri li jitilfu lil binhom f’din id-dinja. Xi tħoss li għandek tgħidilhom? Xi tħoss li għandek tgħid lil dawk il-ġenituri li qed jgħixu din l-esperjenza kiefra?
Il-Papa: Taf xiex… fil-ħajja nitgħallmu. Jien kelli nitgħallem tant affarijiet u għad irrid nitgħallem iżjed, għax nistenna li ngħix ftit oħra, imma għandi x’nitgħallem. U waħda mill-affarijiet li tgħallimt hi li ma niftaħx ħalqi quddiem xi ħadd li qed ibati. Sew jekk marid, sew jekk traġedja. Naqbadlu idu, fis-skiet. Imma meta jiġu [jgħidulek] u int tkun marid, “Le, imma int hawn, hemm, imma l-Mulej…”. Iskot! Iskot. Quddiem it-tbatija: skiet. U biki. Huwa minnu li l-biki hu don ta’ Alla, huwa don li aħna jeħtieġ nitolbuh: il-grazzja li nibku, quddiem id-dgħufijiet tagħna, quddiem id-dgħufijiet u t-traġedji tad-dinja. Imma ma hemmx kliem. Int ikkwotajt lil Dostoevskij. Jiġini [f’moħħi] dak il-ktejjeb ċkejken, li hu bħal ġabra tal-filosofija kollha tiegħu, it-teoloġija tiegħu, kollox: Tifkiriet minn taħt l-art. U hemmhekk taqra kif meta jmut xi ħadd, imut xi ħadd – huma kkundannati, ħabsin fl-isptar – imut wieħed hemm u jeħduh u jġorruh. U l-ieħor, mis-sodda l-oħra, jgħidilhom: “Nitlobkom, ieqfu! Dan ukoll kellu omm”. Il-figura tal-mara, il-figura tal-omm, quddiem is-salib. Dan hu messaġġ, hu messaġġ ta’ Ġesù għalina, huwa l-messaġġ tal-ħlewwa tiegħu fl-omm. Fl-ikreh mument ta’ ħajtu Ġesù ma qagħadx jitgħajjar.
Lorena Bianchetti: Santità, billi qed issemmi n-nisa, taħt is-salib kien hemm proprju n-nisa, taħt is-salib ta’ Ġesù. Hemm xbieha oħra li nixtieq nipproponilek. Nerġgħu lura l-Ukrajna. Mara tqila, tinġarr fuq streċer għax midruba mill-gwerra, qed tinġarr qalb it-tifrik, waqt li, bl-aħħar nifs ta’ saħħa li fadlilha, tfittex tmelles il-ġuf tagħha. Minn dak li waslilna, lanqas din il-mara b’dik it-tarbija ma għexu. Imma veru jiġuni f’moħħi n-nisa, il-qawwa tan-nisa. Jiġuni f’moħħi l-ommijiet Russi, jiġuni f’moħħi l-ommijiet Ukreni. U allura nistaqsik dwar ir-rwol tan-nisa: kemm hu importanti rwol attiv tan-nisa, fuq l-imwejjed tat-trattattivi, biex tinbena tassew il-paċi b’mod konkret?
Il-Papa: “In-nisa kapaċi jagħtu l-ħajja anki lil xi ħadd mejjet”, biex ngħidu hekk. In-nisa jinsabu hemm fejn hemm l-ikbar traġedji, jinsabu hemm, huma qawwija. Interessanti. Ġesù huwa l-għarus tal-Knisja u l-Knisja hija mara, għalhekk Ommna l-Knisja hi hekk b’saħħitha. M’iniex ngħid għall-klerikaliżmi, għad-dnubiet tal-Knisja. Le, il-Knisja omm tfisser dik li tinsab f’riġlejn is-salib twieżen lilna l-midinbin. Ħaġa li tolqotni ħafna, li ġġagħalni naħseb f’Marija u fin-nisa l-oħra f’riġlejn is-salib. Xi drabi kien ikolli għalfejn immur f’xi parroċċa ta’ żona li jisimha Villa Devoto, fi Buenos Aires, u kont nabqad il-bus, is-86. Din tgħaddi minn quddiem il-ħabs u ħafna drabi kont ngħaddi u kien ikun hemm ringiela ommijiet tal-ħabsin, hemmhekk. Kienu jsaqqfu wiċċhom għal uliedhom, għax kull min kien jgħaddi kien jgħid: “Dik omm wieħed li jinsab maqful ġewwa”. U kienu joqogħdu għall-aktar kontrolli tal-mistħija, imma dan biex jaraw lil binhom. Il-qawwa ta’ mara, ta’ omm li kapaċi ssieħeb lil uliedha sal-aħħar. U din hi Marija u n-nisa taħt is-salib. Takkumpanja lil binha, imqar jekk taf li ħafna nies qed jgħidu: “Imma din kif edukatu lil binha biex spiċċa hekk?”. Is-seksik li ġarrbet. Imma n-nisa ma jinkwetaw xejn: meta hemm binhom fin-nofs, meta hemm il-ħajja fin-nofs, in-nisa jibqgħu mexjin. Għalhekk dak li qed tgħid – li nagħtu r-rwol lin-nisa fil-mument diffiċli, fil-mumenti traġiċi –, hu importanti ħafna, hu importanti ħafna. Huma jafu x’inhi l-ħajja, xi jfisser tħejji l-ħajja u x’inhi l-mewt, jafuh tajjeb dan. Jitkellmu dak il-lingwaġġ.
Lorena Bianchetti: U hemm, Santità – anki għax qed nitkellemu fuq il-ħafna mwiet li tikkawża l-gwerra – hemm imwiet iktar siekta, imma mhux b’inqas imdemmija. Jiġini f’moħħi min jiġi maqtul mill-mafja u jiġuni f’moħħi n-nisa maqtula minn sħabhom stess. Huwa minnu li dawk ikunu l-ewwel li jidħlu l-Ġenna, imma dawn il-persuni u min jitlef din ix-xorta ta’ mħabba, kif jista’ jemmen fil-ġustizzja, fi ħlas diġà fuq din l-art?
Il-Papa: L-isfruttament tan-nisa huwa l-ħobża tagħna ta’ kuljum. Il-vjolenza fuq in-nisa hija l-ħobża tagħna ta’ kuljum. Nisa li jlaqqtu daqqiet, li jġarrbu l-vjolenza ta’ sħabhom u dan iġorruh fis-skiet jew jitbiegħdu mingħajr ma jgħidu għaliex. Aħna l-irġiel dejjem għandna raġun: aħna l-perfetti. U n-nisa huma kkundannati jisktu għas-soċjetà. “Le, imma din miġnuna, din midinba”. Dak li kienu jgħidu għall-Maddalena. “Imma ara din x’għamlet, din midinba!”. “U int m’intix midneb? Int ma tiżbaljax?”. Imma n-nisa huma r-riserva tal-umanità, dan nista’ ngħidu: jien konvint minn dan. In-nisa huma l-qawwa. U hemm, f’riġlejn is-salib, id-dixxipli ħarbu, in-nisa le, dawk li kienu mxew warajh ħajtu kollha. U Ġesù, fil-mixja lejn il-Kalvarju, jieqaf quddiem grupp ta’ nisa jibku. Huma għandhom il-ħila li jibku, aħna l-irġiel iktar imqiti. U jieqaf [u jgħid]: “Ibku lil uliedkom”, għax għad jagħmlu ħafna kontrihom.
Lorena Bianchetti: U f’dan iż-żmien, Santità, naħseb ukoll fil-ħarba: hemm dawn l-immaġni li jirrakkuntaw il-ħarba tal-Ukreni li kellhom iħallu arthom, id-dar tagħhom, kulma ħabbew. Huwa wieħed mill-aktar eżodi riċenti li aktarx ikollna ngħidu li issa bdejna nidraw. Imma f’dan il-każ kien hemm tweġiba konkreta, vera. Tweġiba li, nistaqsik: skont int, xaqqet xi ftit dawk il-ħitan tal-indifferenza, tal-preġudizzju kontra dawk li jaħarbu minn partijiet oħra tad-dinja għax midruba mill-gwerra, jew għadna xorta naqsmu r-rifuġjati f’kategoriji fastidjużi?
Il-Papa: Veru, nifirdu r-rifuġjati. Tal-ewwel klassi, tat-tieni klassi, kulur tal-ġilda, [jekk] ġej minn pajjiż żviluppat [jew minn] wieħed li mhux żviluppat. Aħna razzisti, aħna razzisti. U din ħaġa kerha. Il-problema tar-rifuġjati hija problema li anki Ġesù ġarrabha, għax hu kien migrant u rifuġjat fl-Eġittu meta kien tifel, biex ħarab mill-mewt. Kemm minn dawn ikollhom ibatu biex jaħarbu mill-mewt! Hemm xbieha tal-ħarba fl-Eġittu li għamel pittur Pjemontiż. Bagħathieli u jien għamilt santi biha: hemm Ġużeppi bit-tarbija qed jaħarbu. Imma mhuwiex San Ġużepp bid-daqna, le. Hu Sirjan, tal-lum, bit-tarbija, li qed jaħrab mill-gwerra tal-lum. Wiċċ it-tbatija li għandhom dawn in-nies, li bħal Ġesù jkollhom jaħarbu. U Ġesù għadda minn dan kollu, imma jinsab hemm. Fuq is-salib hemm in-nies tal-pajjiżi tal-Afrika fi gwerra, tal-Lvant Nofsani fi gwerra, tal-Amerika Latina fi gwerra, tal-Asja fi gwerra. Xi snin ilu għidt li konna qed ngħixu t-tielet gwerra dinjija f’biċċiet. Imma ma tgħallimniex. Jiena – jien ministru tal-Mulej u midneb, magħżul mill-Mulej – imma, midneb hekk, meta mort ir-Redipuglia fl-2014, għat-tifkira taċ-ċentinarju, rajt u bkejt. Ġieni biss li nibki. Dawk iż-żgħażagħ kollha, dawk it-tfal kollha. Jum wieħed mort fiċ-ċimiterju ta’ Anzio u rajt dawk iż-żgħażagħ li żbarkaw Anzio. Kollha żgħażagħ! U bkejt hemm, mill-ġdid. Quddiem dan kollu jiġini li nibki. Sentejn ilu, naħseb, meta kien hemm it-tifkira tal-iżbark fin-Normandija, rajt il-kapjiet tal-gvern, kien hemm laqgħa… kienu qed ifakkru dan. Imma għaliex ma nfakkrux ilkoll kemm aħna t-30,000 suldat li mietu fuq ix-xtajta tan-Normandija? Il-gwerra qed tikber minn fuq dahar il-ħajja ta’ wliedna, taż-żgħażagħ tagħna. Għalhekk jiena ngħid li l-gwerra hi mostrożità! Immorru f’dawn iċ-ċimiterji li huma sewwasew il-ħajja ta’ din il-memorja. Naħsbu f’dik ix-xena li hemm miktuba: dgħajjes li jaslu n-Normandija, jiftħu, jaqbżu l-art it-tfal bl-azzarini, u l-Ġermaniżi… [nota editorjali: il-Papa jagħmel il-ġest ta’ xi ħadd jispara]. 30,000, fuq ix-xtajta.
Lorena Bianchetti: U allura niġi proprju għall-ġirja għall-armamenti, għal din it-tema. Tema li int affrontajt tant drabi u li, forsi, mhux dejjem ingħatat l-importanza li jixirqilha. Għax inti għidt li, fl-aħħar żminijiet, iktar investejna fl-armi milli fit-tagħlim jew fil-formazzjoni. Għaliex il-bnedmin ma tgħallmux mill-passat u għadhom jużaw l-armi biex isolvu l-problemi tagħhom?
Il-Papa: Jiena nifhem li l-gvernijiet ikollhom jixtru l-armi, nifhem. Ma niġġustifikahx, imma nifhem. Għax irridu niddefendu ruħna, għax [din hi] l-iskema Kajjinista tal-gwerra. Kieku kienet skema ta’ paċi, dan ma kienx ikun hemm bżonnu. Imma aħna qed ngħixu b’din l-iskema mxajtna, [li tgħidilna] li neqirdu lil xulxin minħabba l-poter, minħabba s-sigurtà, minħabba tant affarijiet oħra. Imma jien qed naħseb fil-gwerer moħbija, li ħadd ma jarahom, li huma mbiegħda minna. Ħafna. Għaliex? Biex jisfruttaw? Aħna nsejnieh il-lingwaġġ tal-paċi: insejnieh. Nitkellmu fuq il-paċi. Il-Ġnus Magħquda għamlu minn kollox, bla suċċess. Lura għall-Kalvarju. Hemmhekk Ġesù għamel minn kollox. Fittex bil-ħniena, bit-tjieba, jikkonvinċi lill-mexxejja, [imma] le: gwerra, gwerra, gwerra lilu! Kontra l-ħlewwa u t-tjieba hemm il-gwerra għas-sigurtà. “Aħjar imut bniedem wieħed għall-poplu kollu”, jgħid il-Qassis il-kbir, għax inkella jiġu r-Rumani. U l-gwerra.
Lorena Bianchetti: Allura ħa norbot ma’ dak li kont qed tgħid. L-ewwel tkellimna fuq in-nisa taħt is-salib. Imma dwar l-irġiel li għandhom il-poter. F’dak iż-żmien kien hemm Pilatu, Erodi, Kajfa. Kollha persuni, dawn, li setgħu jsalvaw innoċenti, imma ma għamlux hekk: ippreferew ma jaffrontawx ir-riskju tal-verità. Dawk mietu, imma l-aġir tagħhom għadu attwali. Għliex ma għandniex il-kuraġġ li nagħżluh dan it-tajjeb u li niddefendu anki lill-Bniedem li sempliċiment kien talab li nħobbu lil xulxin?
Il-Papa: Hemm mara fil-Vanġelu li ma tantx nitkellmu fuqha – xi ftit en passant, ħa ngħidu hekk – u din hi l-mara ta’ Pilatu. Hi fehmet xi ħaġa. Lil żewġha tgħidlu: “Ara li ma jkollokx x’taqsam ma’ dan il-bniedem ġust”. Imma Pilatu ma jismax minnha, “affarijiet tan-nisa”. Imma din il-mara, li tgħaddi bla mistenni, mingħajr saħħa fil-Vanġelu, fehmet mill-bogħod it-traġedja quddiemha. Għaliex? Forsi kienet omm, kellha dik l-intuwizzjoni tan-nisa. “Attent għax iqarrqu bik”. Min? Il-poter. Il-poter li kapaċi jibdel il-fehma tan-nies mill-Ħadd għall-Ġimgħa. L-‘Osanna’ tal-Ħadd issir is-‘Sallbu!’ tal-Ġimgħa. U dan huwa l-ħobż tagħna ta’ kuljum. Għandna bżonn tan-nisa ħa jqajmuna mir-raqda.
Lorena Bianchetti: U allura, Santità, Ġesù fuq is-salib, wara dik il-frażi, “Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?”. Konna qed nitkellmu fuq id-disperazzjoni, fuq id-diqa u anki fuq is-solitudni: il-Ġimgħa l-Kbira hi xi ftit jew wisq il-ġurnata tas-solitudni. U s-solitudni bilfors iġġagħalni naħseb f’dik li ġarrab kull wieħed u waħda minna fl-eqqel żmien tal-pandemija. Naħseb fl-anzjani, naħseb fiż-żgħażagħ, naħseb fil-persuni li jgħixu l-prova tal-mard, f’dawk li kellhom il-maskra tal-nifs għax ma rnexxilhomx jieħdu n-nifs. U naħseb fik ukoll, Santità, f’dak is-27 ta’ Marzu 2020. X’kienu l-ħsibijiet tiegħek f’dak il-mument, int u taqsam Pjazza San Pietru kollha battala, maħsula mix-xita, tiela’ lejn it-taraġ tal-Bażilika?
Il-Papa: Ma nafx ħsibtx. Ħassejt, iva. Fittixt, ħassejt it-traġedja ta’ dak il-mument, ta’ tant nies. Imma int semmejt is-solitudni, it-tbatija ta’ dak iż-żmien, tal-anzjani. Kurjuża: dejjem huma li jkollhom iħallsu prezz. U anki ż-żgħażagħ, għax aħna liż-żgħażagħ naqtgħulhom it-tama. Inwassluhom għat-triq tat-Turandot: “it-tama li dejjem tqarraq”. Le, it-tama ma tqarraqx! Imma huma ż-żgħażagħ u l-anzjani li għandhom f’idejhom u f’qalbhom il-possibbiltà li jirreaġixxu: għalhekk ninsisti ħafna li ż-żgħażagħ u l-anzjani jiddjalogaw. L-għerf tax-xjuħ, imma bis-solitudni li ġarrbu. L-għerf tax-xjuħ ħafna drabi ttraskurat u mwarrab għall-ġenb, f’dar tax-xjuħ. Kont nieħu pjaċir immur fid-djar tax-xjuħ fi Buenos Aires, li kien hemm ħafna minnhm f’belt kbira. Staqsejt lil waħda mara: “Kif int? Kemm għandek tfal? Aħ, erbgħa? U jiġu?”. “Iva, ma jitilqunix waħdi”. L-infermiera kienet qed tisma’ u jiena u ħiereġ: “Dun, ilu sitt xhur ma jitfaċċa xi ħadd minnhom”. L-abbandun tal-anzjani u l-abbandun tal-għerf, għax aħna xi drabi nħossuna ‘supermen’, nafu kollox. Ma nafu xejn! Is-solitudni tal-anzjani u l-użu taż-żgħażagħ, għax iż-żgħażagħ mingħajr għerf li ġej minn poplu, ħażin imorru. Dan kollu kellu Ġesù f’qalbu dak il-ħin: konna kollha hemm. Int fakkart f’dak l-iStatio Orbis ta’ Marzu ta’ sentejn ilu u int ħassejt dan kollu. Imma jien ma kontx naf li l-pjazza kienet ħa tkun vojta, ma kontx nafu dan. Wasalt hemm u [ma kien hemm] ħadd. Iva, jien kont naf li bix-xita ftit kienu ħa jinġabru nies, imma ħadd! Kien messaġġ tal-Mulej biex nifhem sew x’inhi s-solitudni. Is-solitudni tal-anzjani, is-solitudni taż-żgħażagħ li nħallu waħidhom. “Ħallihom ħa jkunu liberi”. Le! Waħidhom ilsiera jsiru. Akkumpanjahom! Għalhekk hu importanti li jġorru magħhom il-wirt tal-anzjani, dak li rċivew mingħandhom. Is-solitudni taż-żgħażagħ, tal-anzjani. Is-solitudni ta’ min hu marid mentalment fi sptarijiet mentali. Is-solitudni tal-persuni li għaddejjin minn traġedja personali, familjari. Is-solitudni ta’ mara msawta minn żewġha, imma [li] biex issalva l-familja żżomm ħalqha magħluq. Għandna tant xejriet ta’ solitudni. Int ukoll għandek tiegħek. Jien għandi tiegħi: int żgur għandek tiegħek. Solitudnijiet ċkejkna, imma huwa hemm, f’dawn is-solitudnijiet żgħar, li nistgħu nifhmu s-solitudnijiet ta’ Ġesù, is-solitudni tas-salib.
Lorena Bianchetti: Int qatt ħassejtek waħdek fit-twettiq tal-ministeru tiegħek?
Il-Papa: Le, Alla kien twajjeb miegħi. Ma nafx. Dejjem, jekk ikun hemm xi ħaġa kerha, ipoġġili lil xi ħadd biex jgħinni! Jagħmel ruħu preżenti. Kien ġeneruż ħafna. Forsi għax hu jaf li jien waħdi ma nkampax! [nota editorjali: jidħak]
Lorena Bianchetti: Imma taf li f’dak is-27 ta’ Marzu – naħseb li verament qed nitkellem f’isem kulħadd – int erfajtna lkoll f’dirgħajk, imlejtna b’tant qawwa dakinhar. Minn hemm kull wieħed u waħda minna kiseb għarfien ġdid u b’xi mod nemmen li rġajna bdejna mexjin. Mistoqsija oħra, għax għidna li Ġesù ġie msawwat, umiljat, inkurunat bix-xewk, mislub. U dan kollu b’xi mod ġie xi ftit jew wisq mill-familja tiegħu, għax ġiet ttradut minn Ġuda, miċħud minn Pietru. F’kelma waħda: id-daqqiet il-kbar waslulu proprju minn dawk qrib tiegħu. Allura liema huma l-ġrieħi li l-Knisja għadha qed toħloq lill-Imsallab, illum?
Il-Papa: F’dan jien nitkellem ċar, għax jiena konvint. L-aktar salib iebes li l-Knisja qed tgħabbi bih lill-Mulej illum hu l-mondanità, l-ispirtu ta’ mondanità. L-ispirtu ta’ mondanità li hu xi ftit jew wisq l-ispirtu tal-poter, imma mhux biss tal-poter, ifisser li tgħix stil mondan li – kurjuża din – jikber iżjed bil-flus. Hemm ħaġa interessanti. Fit-tliet tentazzjonijiet tax-xitan lil Ġesù, ix-xitan jagħmillu proposti mondani. L-ewwel, il-ġuħ, tifhimha: ħaġa umana. Imma mbagħad? Il-poter, il-vanità: il-ħwejjeġ mondani. Għax il-mondanità hi attraenti u l-Knisja, meta taqa’ fil-mondanità, fl-ispirtu mondan, il-Knisja hi mirbuħa. L-ispirtu ta’ mondanità hu dak li l-iżjed qed jagħmel ħsara llum, imma dejjem hekk sar. Meta Ġesù jgħidilna: “Nitlobkom, agħmlu għażla ċara, ma tistgħux taqdu żewġ sidien. Jew taqdu lil Alla” – u jien kont qed nistennieh jgħid ‘jew taqdu lix-xitan’, imma mhux hekk jgħid – “jew taqdu lil Alla jew taqdu lill-flus”. Li nużaw il-flus biex nagħmlu l-ġid, biex immexxu ’l quddiem il-familja, hu sew. Imma li naqduhom! U l-mondanità tieqaf ħafna fuq dan.
Lorena Bianchetti: Kont qrajt li Ljun XIII fl-aħħar tal-quddiesa kien daħħal talba kontra x-xitan għax, kien jgħid, kien hemm ir-riskju li x-xitan seta’ jindiehes fil-Knisja mqar mix-xquq tal-bibien. Fil-fehma tiegħek, allura, huwa dan ix-xaqq li minnu x-xitan irnexxielu jidħol, illum, fil-Knisja?
Il-Papa: Il-mondanità, imma dan sa minn dejjem. [F’]kull epoka l-mondanità tibdel isimha, imma hi [dejjem] il-mondanità. Dik it-talba, lil San Mikiel Arkanġlu, jiena nitlobha ta’ kuljum, filgħodu. Ta’ kuljum! Għax tgħinni negħleb lix-xitan. Min jismagħni jista’ jgħid: “Imma, Santità, int studjajt, int papa u għadek temmen fix-xitan?”. Iva, nemmen fih, għażiż tiegħi, nemmen. Nibża’ minnu, u allura rrid niddefendi ruħi. Ix-xitan li għamel il-manuvra kollha biex Ġesù jispiċċa kif spiċċa, fuq is-salib. Is-setgħa tad-dlamijiet fuq Ġesù: “Din hi s-siegħa tagħkom”, is-setgħa tad-dlamijiet.
Lorena Bianchetti: U allura, Santità, ħa nerġa’ lura għall-gwerra fl-Ukrajna. Għax Kiev – dan qed narawh, jaslulna l-immaġni – hi kollha meqruda. Irmied. Forsi proprju dak il-pajsaġġ li jogħġob tant lix-xitan. Allura nistaqsik: Kiev m’għadhiex sempliċi post ġeografiku, imma f’għajnejn id-dinja tirrappreżenta ħafna iżjed. Fil-qalb tiegħek, x’inhi?
Il-Papa: Weġgħa. Il-weġgħa hi ċertezza, hi sentiment li jaħkmek kollok kemm int. Meta wieħed, wara l-intervent, iħoss uġigħ fiżiku, il-ġerħa li għamlulek, int titlob anestesija, xi ħaġa biex tgħinnek iġġerrħu. Imma [għall-]uġigħ uman, l-uġigħ morali, ma hemmx anestesiji. Hemm biss it-talb u l-biki. Jiena konvint li llum aħna ma nibkux tajjeb. Insejna [kif] nibku. Jekk nista’ nagħti parir, lili nnifsi u lin-nies, hu li nitolbu d-don tad-dmugħ. U nibku, bħalma għamel Pietru, wara li ttradixxa lil Ġesù. Beka, meta ħarab, meta ċaħdu. Beka. Biki li mhuwiex żvog, le. Huwa r-regħxa mibdula f’ħaġa fiżika, u nemmen li aħna neqsin mir-regħxa. Ħafna drabi ma għandniex mistħija – li huwa insult li jintuża f’art twelidi “[dak] ma jafx x’inhi mistħija” – imma l-grazzja li nibku. Hemm talba sabiħa, hemm quddiesa biex nitolbu d-don tad-dmugħ. Talba sabiħa, f’dik il-quddiesa, tgħid hekk: “Mulej, int li ħriġt l-ilma mill-blat, oħroġ id-dmugħ mill-blat ta’ qalbi”. Il-qalb iebsa, il-qalb li ma titqanqalx, ma tafx tibki. Jien nistaqsi: kemm nies, quddiem l-immaġni tal-gwerer, kull gwerra tkun li tkun, irnexxielhom jibku? Xi wħud iva, jiena ċert, imma tant oħrajn ma rnexxilhomx. Jibdew jiġġustifikaw jew jattakkaw. Le, din [nota editorjali: il-Papa juri qalbu]: din trid tieħu ħsiebha. U Ġesù jmiss hawn. Illum, il-Ġimgħa l-Kbira, quddiem Ġesù Msallab, ħallih imisslek qalbek, ħalli ikellmek bis-skiet tiegħu u bit-tbatija tiegħu. Ikellmek f’dawk li qed ibatu fid-dinja: ibatu l-ġuħ, ibatu l-gwerra, ibatu tant sfruttament u tant ħwejjeġ oħra. Ħalli lil Ġesù jkellmek, u nitolbok, titkellemx int. Fis-skiet. Ħalli lilu u itolbu l-grazzja tad-dmugħ.
Lorena Bianchetti: Kemm jistgħu jagħmlu r-reliġjonijiet biex ineħħu din id-deżertifikazzjoni tal-qlub? Kemm u liema kelmiet tixtieq tgħid anki lill-isqfijiet Ortodossi?
Il-Papa: Iva, anki huma qed jippreparaw għall-Għid magħna b’ġimgħa differenza, għax huma jsegwu – anki l-Kattoliċi Orjentali –, isegwu l-kalendarju Ġuljan, mhux dak Gregorjan. Napprofitta biex nibagħat messaġġ ta’ fraternità lil ħuti kollha l-isqfijiet Ortodossi, li qed jgħixu dan l-Għid bl-istess uġigħ ta’ qalb li bih qed ngħixuh aħna, jien u tant Kattoliċi. Mhux faċli tkun isqof… u mnalla mhuwiex faċli! Għalhekk jien ma nifhimx lil dawk li jridu jsiru isqfijiet! Ma jafux xi jkun hemm jistenniek! Imma napprofitta biex inselli għall-isqfijiet Ortodossi kollha, bħala aħwa fil-fidi.
Lorena Bianchetti: Hemm frażi oħra li Ġesù jlissen fuq is-salib: “Missier, aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu”. Il-maħfra. Int għidt li ddawwar in-naħa l-oħra ta’ wiċċek ma jfissirx tlaqqat u ma tgħid xejn, iċċedi għall-inġustizzja. Anki Ġesù, fakkartna, jikkundanna l-inġustizzja, u speċifikajt li dan jagħmlu mingħajr korla, jew vjolenza: anki bi ħlewwa. Santità, kif nistgħu nkunu ġentili jew naħfru lil dawk il-persuni kollha li jagħmlulna d-deni, dawk il-persuni li joqtlu l-innoċenti, dawk il-persuni li jagħmlu l-ħsara mhux biss fiżikament, imma anki psikoloġikament?
Il-Papa: Jien ħa nagħtik riċetta tiegħi. Jekk jien ma għamiltx dik il-ħsara, dan għax Hu waqqafni bid-driegħ imqaddes tiegħu, bil-ħniena tiegħu. Jiena ċert, għax inkella kont nagħmel ħafna [affarijiet] bħal dawk, tant ħażen. F’dan jien nista’ ngħid li jiena xhud tal-ħniena ta’ Alla. Għalhekk jien ma nistax nikkundanna wieħed li jiġi jitlob maħfra. Dejjem għandi naħfer. Kull wieħed u waħda minna jista’ jgħid dan għalih innifsu fl-iskema personali tiegħu [nota editorjali: eżami tal-kuxjenza]. Huwa minnu li forsi ma jirnexxilix affettivament: “Għażiż, ejja agħtini bewsa”. Le, forsi nkun irrabjat! Imma ngħidlu: “Mulej, neħħili r-rabja, jiena rrid naħfer, imma m’iniex inħoss is-sentiment tal-maħfra. Jiena naħfer. Ħu ħsieb int biex tasal din il-maħfra…”.
Lorena Bianchetti: Il-maħfra għandha għeruq divini biss.
Il-Papa: Iva, il-maħfra fl-aħħar mill-aħħar hija hekk.
Lorena Bianchetti: Naħseb ukoll fis-solitudni, biex nerġa’ lura għal Ġesù fuq is-salib, naħseb f’dawk il-persuni kollha li, anki wara l-Covid, tilfu xogħolhom. Huma ħafna, Santità, il-persuni li jgħixu f’din ix-xorta ta’ diffikultà. Liema kliem ta’ tama tixtieq tgħidilhom?
Il-Papa: Il-kelma-muftieħ li għidt int issa hija tama. It-tama ma tfissirx iżżiegħel b’xi ħadd u tgħid: “Aħ, kollox għad jgħaddi, serraħ rasek”. It-tama hija tensjoni lejn il-futur, lejn is-Sema wkoll. Għalhekk is-simbolu tat-tama huwa l-ankra: l-ankra mixħuta hemm u jiena mdendel mal-ħabel tagħha, biex nasal hemm, biex insolvi s-sitwazzjonijiet, imma dejjem b’dak il-ħabel. It-tama qatt ma tqarraq, imma ġġagħlek tistenna. It-tama hija dik is-seftura li tieħu ħsieb id-dar tal-ħajja Kattolika, tal-ħajja Nisranija. Hija proprju l-aktar umli mill-virtujiet kollha. Hi moħbija, imma jekk ma għandekx minnha [fil-qrib], m’initx ħa ssib it-triq it-tajba. Hija t-tama dik li tgħinek issib it-triq it-tajba. Li tittama mhix illużjoni: “Ħa mmur… [għand] wieħed li jaqrali jdejja… din ħa tiġik tajba”. Le, din mhijiex tama. It-tama hi ċ-ċertezza li jiena għandi f’idejja l-ħabel ta’ dik l-ankra mixħuta hemm. Aħna nieħdu pjaċir nitkellmu fuq il-fidi, ħafna, fuq l-imħabba: araha! It-tama hija xi ftit jew wisq il-virtù moħbija, iċ-ċkejkna nett, iċ-ċkejkna tad-dar. Imma hija l-aktar qawwija għalina.
Lorena Bianchetti: Mela dan huwa wkoll il-messaġġ għaż-żgħażagħ, għax jien fihom naħseb, li qed jaraw xi ftit lil min jaħtfilhom il-futur minn idejhom: int l-ewwel dan għidtu b’mod ċar ħafna. Din hi r-raġuni għaliex ukoll ftit li xejn jipproġettaw, mhux dejjem jemmnu fir-relazzjonijiet fit-tul, ma jibnux familji. F’kelma waħda, ngħidu li anki fuq livell istituzzjonali u kulturali ma tantx huma megħjuna wisq. Allura liema kelmiet tixtieq tgħidilhom?
Il-Papa: Biex ma jifxlux [it-]tama mal-ottimiżmu. L-ottimiżmu nistgħu nixtruh fil-kjosk. Iva, jinbiegħ l-ottimiżmu! Imma t-tama hi ħaġa oħra. It-tama tfisser li aħna żguri li mexjin lejn il-ħajja. Hemm poeta Arġentin – bravu, poeta kbir – [hemm] frażi, poeżija, li minn dejjem laqtitni, definizzjoni tal-ħajja: “Il-ħajja hija l-mewt li ġejja”. Le, il-ħajja mhija xejn mewt li ġejja: il-ħajja forsi hi mewt li twassal għall-ħajja! It-tama f’dan hi qawwija: hi dak il-ħabel tal-ankra. Ma tiddeludi qatt! Imma hi umli, hija tassew is-seftura li tieħu ħsieb il-ħajja Nisranija. Imma ħafna drabi huma s-sefturi fid-dar li jmexxu ’l quddiem il-ħajja ta’ familja.
Lorena Bianchetti: Wasalt biex nagħlaq, Santità. Illum il-Ġimgħa l-Kbira, imma l-istorja tas-salvazzjoni ma tispiċċax hawn. B’xorti tajba l-Vanġelu għandu t-tmiem feliċi għax hemm il-qawmien ta’ Ġesù: huwa dak iċ-ċentru tal-istorja tas-salvazzjoni. Allura liema hu l-awgurju tiegħek għal dan l-Għid?
Il-Papa: Ferħ intern. Hemm salm li jgħid: “Meta l-Mulej ħelisna mill-Babilonja, ħsibna li qed noħolmu”. Il-bikja tal-ferħ. Huwa l-ferħ. L-awgurju tiegħi hu li ma nitilfux it-tama, imma t-tama vera – li ma tqarraqx – hi li nitolbu l-grazzja li nibku, imma li nibku bil-ferħ, biki ta’ faraġ, biki ta’ tama. Jiena ċert, u dan intennih, li għandna nibku iżjed. Insejna kif nibku. Nitolbu lil Pietru jgħallimna nibku kif għamel hu. U mbagħad is-sikta tal-Ġimgħa l-Kbira.
Lorena Bianchetti: Santità, kważi saru t-tlieta. Kif għandna ngħixu dan il-ħin, illum?
Il-Papa: [nota editorjali: ma jweġibx, jibqa’ fis-skiet].
Lorena Bianchetti: Nista’ ngħannqek waħda f’isem kulħadd? Grazzi, Santità! Grazzi.
Il-Papa: Grazzi lilek. Il-Mulej ibierkek!
miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard